1. F’diversi mumenti tal-ħajja tiltaqa’ ma’ bnedmin ġodda għalik. Uħud minnhom miegħek jew inti magħhom. Oħrajn diġà ġew imsejħa għal dinja aħjar minn tagħna. U magħhom hemm ħafna x’tifhem u titgħallem. Fatti ġodda, impostazzjonijiet differenti fuq suġġetti li taħseb li taf. Sitwazzjonijiet u pożizzjonijiet politiċi u ekonomiċi li tkun qrajt f’kitbet oħrajn u ssibhom meħuda minn angoli differenti. Dawk forsi inqas oġġettivi u ftit aktar suġġettivi. Biċċiet li, fir-realtà, joħorġu ’l barra bħala tastieri sbieħ u informattivi ta’ dak li bnedmin oħra jkunu għaddew minnu. Dak li, direttament jew indirettament, mhux biss affettwa lilhom imma wkoll lil persuni oħra.
Proċess neċessarju
2. Kull min huwa attiv fil-ħajja, f’dan il-proċess għandu x’jiggwadanja biex jifhem aktar. Jifhem aktar mhux biss kif ġiebu ruħhom oħrajn skont dak li kienu qegħdin jaraw, imma anki lilu nnifsu. Jifhem, ħafna drabi, f’dak li jseħħ waqt li wieħed ikun qed jaqra, li mingħajr ma jrid jidħol fiż-żraben tar-rakkonti ta’ oħrajn u jgħarbel lilu nnifsu f’kif kien kieku jġib ruħu. Mill-esperjenza, kull persuna li tagħmel dan tikber mhux biss magħha nnifisha, imma aktar biex tkun strument biex twettaq il-ġid lill-oħrajn. Il-qari fih wisq benefiċċji li s-soċjetà mhux dejjem tapprezza, jew tkun lesta li tkun promotur tiegħu. Biss f’dan ngħid li, ċertament, min irid jikber bħala persuna, jew aktar, dawk li jridu jieħdu l-politika bis-serjetà, għandhom dmir li jaqraw kitbet oħrajn biex jifhmu ferm iktar dak li jidher minn barra u li hu mistur minn ġewwa. Mhux biss, imma jifhmu aktar li hemm passi li jistgħu jittieħdu, u anzi, għandhom jittieħdu sabiex l-affarijiet ikunu ferm aħjar milli huma.
Memorji
3. Missejt aktar ma’ dan fi ktieb voluminuż ħafna imma mimli sens u sustanza, pubblikat fl-1991 bit-titlu sempliċi u dirett Memorie 1943-1970. Fih hemm miġbura numru ta’ memorji ta’ politiku li forsi llum ħafna nsewh, Mariano Rumor (1915-1990). Kien politiku attiv ħafna fi ħdan id-Demokrazija Kristjana. Persuna li beda l-karriera tiegħu jaħdem fi ħdan il-partit u żviluppa, pass pass, ħafna drabi kontra r-rieda espressa tiegħu, ’il fuq. Okkupa karigi importanti, sija bħala Segretarju Ġenerali tal-partit bejn l-1964 u l-1969, kif ukoll bħala ministru, fosthom ukoll tal-Affarijiet Barranin bejn l-1974 u l-1976, u darbtejn fil-kariga ta’ Prim Ministru tal-pajjiż. Imwieled fil-belt sabiħa ta’ Vicenza, baqa’ ħajtu kollha dedikat sabiex iwettaq il-ġid lill-poplu li għażlu u sostnieh fid-diversi inizjattivi, l-iktar dawk soċjali, li huwa qabad. Bniedem attiv intellettwalment, imma aktar minn hekk, kapaċi jifhem il-pożizzjonijiet politiċi u jieħu l-passi neċessarji għalihom.
Ta’ ispirazzjoni
4. Nammetti li tul dawn il-ġimgħat li minn ħin għal ħin kont qiegħed naqrah, sibtu fonti ta’ żewġ punti: ideat u spjegazzjoni dwar x’ġara u wkoll x’jista’ jiġri. Kien parti minn ġenerazzjoni ġdida ta’ Demokratiċi-Kristjani, fis-sens li wara l-Gwerra kien hemm taħlita ta’ deputati bejn dawk li kienu qabel fil-Partit Popolari Taljan immexxi minn Don Luigi Sturzo u Alcide De Gasperi u l-ġodda. Kien, f’dan, dak li ried imexxi dejjem iktar ’il quddiem il-partit, fl-għarfien li jekk dan ma jifhimx ir-realtà ta’ madwaru kien se jispiċċa jieqaf. Kif jgħid tajjeb hu, isib ruħu fil-“pietrificazione”. Proprju għalhekk li għaraf li għandu jingħaqad ma’ oħrajn f’dak li semmew bħala “Iniziative democratica”. Dik li, abbażi tagħha, il-partit mar fl-irkejjen kollha tas-soċjetà u tal-pajjiż biex jifhem ir-realtà li qiegħed jaħdem fiha. Kif jingħad: “... aveva concepito un partito che vive e si espande nella misura in cui è in se stesso organizzato ed efficiente, crea raccordi con la società con la società, ne interpreta le esigenze.” (Kien ħaseb f’partit ħaj li jikber fil-qies, li huwa organizzat u effiċjenti, li joħloq rapport dirett mas-soċjetà u jinterpreta l-bżonnijiet tiegħu.)
Bniedem taċ-Ċentru
5. Waqt li taqra dawn il-ġabriet ta’ memorji tifhem aktar mhux biss il-bniedem fih innifsu, imma dak li kien għaddej fil-partit. Fl-ideat, fl-inizjattivi u fil-kurrenti ta’ ħsieb li permezz tagħhom id-Demokrazija Kristjana baqgħet, u ngħid, sa ħafna punti għadha, rilevanti fis-soċjetà. Kien persuna li moħħu kien ċar ħafna. Dirett lejn il-problemi u fl-għarfien tal-isfidi interni u esterni tas-soċjetà. Kapaċi jifhem sew lill-bnedmin ta’ madwaru imma, minn kitbietu, żamm dejjem onestà kbira fil-mod ta’ kif kien iġib ruħu magħhom u fl-użu tal-informazzjoni li ġiet għad-dispożizzjoni tiegħu. Il-ktieb huwa mimli b’analiżi ta’ sitwazzjonijiet varji, ibda mill-pożizzjoni bejn Alcide De Gasperi u Giuseppe Dossetti, u wara f’dawk li żviluppaw ma’ Amintore Fanfani, Aldo Moro, Giulio Andreotti u Arnaldo Forlani. Jissemmew varjetà ta’ bnedmin u, fil-maġġor parti, l-analiżi tiegħu hija preċiża u diretta. Proprju għalhekk li kien kapaċi jmexxi u jkun interpreti ta’ inizjattivi soċjali u politiċi uniċi.
Bniedem sod
6. Kif jiddeskrivih tajjeb l-istoriku, u aktar tard senatur Gabriele De Rosa (1917-2009), kien: “Uomo di centro, non amava i salti come non amava gli immobilismi, aveva una conoscenza quanto mai profonda della complessità del suo partito, ne conosceva i suoi linguaggi correntizi, come delicate meccanismi gestionali. Al momento opportuno sapeva parlare franco e tagliare corto con le discussioni. Non perdeva mai d’occhio i vari livelli nei quali muoveva questa società in trasformazione, credette fino a che gli fu possibile, alla stessa maniera di Moro, che fosse possibile costruire ancora una valida dialettica attorno al centrismo.” (Kien bniedem taċ-ċentru li ma kienx iħobb il-kutrumbajsi, ma kienx iħobb l-immobiliżmu. Kellu għarfien profond tal-kumplessità tal-partit; kellu għarfien tal-lingwaġġ użat, bħal mekkaniżmi delikati tat-tħaddim tiegħu. Fil-mument opportun kien kapaċi u jaf jitkellem b’mod miftuħ u jaqta’ d-diskussjoni. Ma kienx jitlef minn taħt għajnejh dak li kien għaddej fis-soċjetà li kienet qed tinbidel, emmen kemm seta’, bħal Moro, li hemm djalettika fiċ-ċentru.)
Joħroġ ċar
7. Fil-qari voluminuż ta’ dawn il-memorji, joħorġu b’mod ċar ħafna dawn il-kwalitajiet. Jitkellem b’mod miftuħ u jispjega xenarji li qabel ma kontx sibt. Huwa, fil-fatt, minjiera ta’ informazzjoni, ibda minn dak ta’ ġewwa l-partit, kif ukoll f’dak li wassal għall-elezzjoni tal-Presidenti tar-Repubblika Taljani Giovanni Gronchi (1887-1978), Antonio Segni (1891-1972) u Giuseppe Saragat (1898-1988). Bniedem kapaċi jifhem u jaġixxi biex juri biċ-ċar li l-Istat, il-partit qegħdin id f’id maċ-ċittadin. Ma kienx faċli għalih, iktar u iktar fil-kumplikazzjonijiet li sab ruħu nvolut fihom, imma iktar fil-kompożizzjoni ta’ koalizzjoni ċentru-xellug mas-Soċjalisti maqsuma. Għadda minn ħafna, imma rriforma b’saħħa l-istat soċjali, is-sistema edukattiva, kif ukoll assigura, permezz ta’ Carlo Donat-Cattin (1919-1991), l-istatut tal-ħaddiem. Kellu wkoll min kien grat lejh, u min inqas.
Gratitudni
8. Kif kien qal lejn l-aħħar ta’ ħajtu, li bil-permess tagħkom ser inħalliha kif inhi: “Nella cattiva sorte si fanno i bilanci, tristi ma i più veri. Si contano gli amici veri ed i nemici camuffati, i generosi e gli egoisti, gli idealisti e i cinici, i coraggiosi e gli opportunisti. Son non molti i primi, una moltitudine gli altri. E allo stringere del ragionamento, si conclude che dalla scelta politica si può attendere molto; soddisfazioni e delusioni. Non la gratitudine, che non ti viene da quelle cose fai, ma dall’animo di chi riceve.” Il-ktieb huwa mill-iktar informattiv, u min għandu l-paċenzja, bħali, li jaqrah nassigurah li ma jiddispjaċihx. Minnu toħroġ ċara l-istorja ta’ bniedem li ħadem u ddedika ħajtu għall-oħrajn. Bniedem fis-sagrifiċċju sħiħ tiegħu nnifsu, li għamel ġid kbir lil pajjiżu u lill-Partit Demokratiku Kristjan.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
6.9.23
STORJA TA' BNIEDEM
31.8.23
FIL-MUMENTI TAL-PROVA
Inħarsu lejn l-istorja
2. F’dan, nibqa’ nifhem li kull persuna tgħaddi mill-istaġuni tal-ħajja tagħha. Daqqa fil-kalma u daqqa aktar fil-maltempati tal-ħajja. Dawk li jiġu minn rajhom u dawk li joħolqu l-bnedmin l-oħra għalihom. L-abbiltà tagħhom li jifhmu dak li jkun għaddej u jirreaġixxu sabiex iħarsu ’l quddiem. Jistgħu jaħsbu li qed jitilfu llum dak li għada pitgħada jista’, b’xi mod, jiġi lura għandhom. Kull persuna fl-istorja li żamm il-kolp f’dawn il-mumenti għandu jkun għalina eżempju u fanal ta’ raġġ ta’ dawl qawwi meta aħna stess insibu ruħna fid-dlam. Dak li jiġi minn toroq li jissarrfu għalina fi sqaqien fejn nistennew l-affarijiet, bil-paċenzja u b’attenzjoni, li jinbidlu.
Ulied Awwissu
3. F’dan, mingħajr ma rrid, insibni ndur lejn żewġ persuni li mmarkaw l-istorja, mhux biss ta’ pajjiżhom, imma wkoll dik Ewropea u mondjali. Niftakar mill-ġdid li tul dan ix-xahar ġew imsejħin lura għal għand il-Ħallieq tagħna Don Luigi Sturzo u Alcide de Gasperi. Sturzo li twieled fit-3 ta’ April 1881 u ġie nieqes fid-19 t’Awwissu 1954, kważi sebgħin sena ilu u de Gasperi, li twieled fis-26 ta’ Novembru 1871 u li ġie nieqes fit-8 t’Awwissu 1959, kważi ħamsa u sittin sena ilu. Kien hemm differenza ta’ għaxar snin bejn dawn iż-żewġ persuni li ġiebu fir-realtà l-proġett li bih l-Insara daħlu fil-kamp politiku. Daħlu bl-ideat separati tagħhom. Dawk li permezz tagħhom taw dinjità akbar lill-persuna umana, lis-soċjetà u lill-ekonomija, il-kultura u d-demokrazija. Ħallew marka f’qalb dawk li llum forsi jsibu l-ħin jaqraw, janalizzaw u jifhmu ħidmiethom.
Batew
4. F’kull sens, Luigi Sturzo kien il-fundatur tal-Partit Popolari Taljan. Dak li f’Jannar tal-1919 kiteb dak l-appell uniku għall-bnedmin liberi u sodi, bil-kliem ċari u preċiżi: “A tutti gli uomini liberi e forti, che in questa grave ora sentono alto il dovere di cooperare ai fini superiori della Patria, senza pregiudizi né preconcetti, facciamo appello perché uniti insieme propugnano nella loro incertezza gli ideali di giustizia e libertà.” (Lill-bnedmin kollha liberi u sodi li f’dan il-mument tal-prova jħossu sew id-dmir li jaħdmu flimkien għal raġunijiet aqwa tal-pajjiż, mingħajr preġudizzji jew pre-konċetti nagħmlu appell sabiex, magħquda flimkien, inressqu ’l quddiem fis-sħiħ l-ideali tal-ġustizzja u l-libertà.)
Kien miegħu
5. Miegħu kien hemm ukoll Alcide de Gasperi, li anki jekk kien hemm differenza fl-età bejniethom, kellu l-istess fibra u f’qalbu l-istess ideali. Kienu organizzaw forza politika b’saħħitha, li fl-ewwel elezzjoni tas-16 ta’ Novembru 1919 eleġġiet mitt deputat parlamentari. Forza li riedet iġġib fis-seħħ, b’għaqal u intelliġenza, id-duttrina soċjali tal-Knisja biex ikun hemm soċjetà aqwa. Immarkat sew il-preżenza tagħha fl-ideali Demokratiċi-Nsara li ħaddnet. Waħda li sabet ruħha attakkata u avversata sew mir-Reġim Faxxista ta’ Benito Mussolini (1883-1945), li biċċa biċċa għalaq kull spazju politiku u parlamentari li setgħu jaħdmu fih. F’ittra li de Gasperi kiteb lil Sturzo, eżiljat fi Franza, jgħidlu hekk: “Il regime non soffre né critiche né opposizioni né discussione ed è sovratutto intollerante.” (Ir-Reġim ma jaċċetta ebda kritika jew oppożizzjoni jew diskussjoni u huwa, fuq kollox, intolleranti.)
Sodi fl-ideali
6. Billi ma ċedewx, kif għamlu oħrajn, li jmorru mal-Faxxiżmu, huma batew sew. It-tnejn mexxew il-partit f’mumenti diffiċli: Sturzo mill-1919 sal-1923 u de Gasperi mill-1924 sal-1925. Kellhom jirriżenjaw minħabba raġunijiet varji interni, u t-tnejn sabu ruħhom avversati. Biss, it-tnejn baqgħu sodi fl-ideali tagħhom. Ma ċedewx. Imma f’dan tifhem iktar dak li għadda bejniethom f’dan il-perjodu kkumplikat u perikoluż fejn deputati varji, bħall-kuraġġuż Soċjalista Giacomo Matteotti (1885-1924) li ġew maqtula mill-Faxxisti u ta’ oħrajn, bħall-Komunista Antonio Gramsci (1891-1937), li ġew imsakkra u tturufnati.
Mill-ittri
7. Meta wieħed jaqra l-korrispondenza li kien hemm bejniethom, speċjalment mill-1924 ’il quddiem u tul il-Gwerra, tifhem aktar ir-rabta politika li kellhom bejniethom, u l-mument li fih it-tnejn taw prova. F’ittra minnhom, de Gasperi jiktiblu hekk: “Quante volte ho sentito il bisogno del tuo consiglio, del tuo incoraggimento; e con me quanto lo sentono tutti gli amici! Fu solo perché crediamo e più ancora, abbiamo fatto credere che la tua assenza sarà breve, che ci adattiamo a questa lontananza, ed è anche il conforto di saperti al riparo dai tristi avversari.” (Kemm-il darba ħassejt il-bżonn tal-parir tiegħek, tal-kliem ta’ kuraġġ tiegħek; u miegħi kemm iħossu dan il-ħbieb kollha. Kien biss għax nemmnu, u iktar minn hekk emminna li n-nuqqas tiegħek ser ikun qasir, li qed naddattaw għal dan, kif ukoll il-konfort li nafu li tinsab protett minn dawn l-avversarji li n-nuqqas tiegħek huwa għalina inqas morr.)
Soffersi il soffribile
8. Iktar diretta, u li turi d-diffikultajiet ta’ dawn il-bnedmin li minħabba l-ideat politiċi tagħhom sofrew u batew sew, hemm ittra datata 29 ta’ Diċembru 1925, fejn de Gasperi jibgħat jgħid lil Sturzo li rriżenja minn Segretarju tal-partit abbandunat fil-pożizzjoni. Jgħidlu hekk: “Non mi accuserai di diserzione: la campagna personale feroce, giunta al colmo delle minaccie, il terrore sparso anche per gli amici di Trento ... Non mi avrebbero fatto piegare, se avessi visto tutta la convinzione che il mio sacrificio fosse utile. Mi ritirai invece per un ultimo servigio al partito; e l’ho fatto, colle lagrime nella gola.” (M’għandekx takkużani li abbandunajt; il-kampanja personali feroċi kontrija, li kienet waslet sat-theddid, it-terrur li ġie mxerred anki fost il-ħbieb ta’ Trento ... Ma kinux ser jgħawwġuni, jekk ma rajtx il-konvinzjoni ta’ kulħadd li s-sagrifiċċju personali tiegħi kien ser ikun utli. Irriżenjajt biex inservi għal darb’oħra ’l-partit; u għamiltu bid-dmugħ fi griżmejja.) Kliem li jixhdu waħedhom.
Hemm iktar
9. Hemm ferm iktar f’ħajjet dawn il-bnedmin li ħadmu u stinkaw għal-libertà fl-ideali Demokratiċi Nsara tagħhom u tiegħi. Bnedmin li baqgħu ħajjin wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u speċjalment Alcide de Gasperi kienu determinanti fir-rikostruzzjoni ta’ soċjetà demokratika u progressiva fl-Italja. It-tnejn ħallew warajhom legat ta’ ideat u proposti varji. Wirt uniku għad-dinja Ewropea. Wieħed li għandu jispira dejjem aktar lill-politiċi llum. Dawk li jridu jkunu verament għas-servizz tas-soċjetà. Dawk li jagħrfu li għalkemm jistgħu jiġu avversati direttament, jew oskurati, indirettament imqegħda fil-ġenb, iridu jibqgħu sodi. Jibqgħu għaddejjin fis-Sewwa, l-iktar fil-mumenti tal-prova li ħaddieħor jgħaddihom minnu.
17.4.23
Wara sittin sena
1. Għandna, bħala bnedmin, nibqgħu nħarsu ‘l quddiem b’fiduċja. M’għandniex, f’ebda mument, iswed kemm hu iswed is-sħab, nieqfu milli nittamaw. Ma nabbandunawx, ma niċħdux u ma nittradixxux it-tama. Anzi, nibqgħu nittamaw kontra kull tama li l-futur miegħu jġib paġni ġodda. Paġni ta’ bidla, ta’ differenza, li jagħmlu minn ħajjitna sens u jagħtuna direzzjoni ferm ikbar milli għandna. Għandna bżonn, bħala bnedmin, li fir-realtà tagħna u mhux fl-illużjoni li noħolqu, inħarsu lejn dak li huwa sewwa. Inħarsu, u fl-istess ħin nemmnu li dak li huwa tajjeb, għada pitgħada ser jirrenja fuqna jekk ikollna l-perseveranza, il-paċenzja u d-determinazzjoni li naħdmu aħna wkoll ma’ oħrajn, huma min huma, għaliha.
Papa
Roncalli
2. F’dan, ċertament illum, iktar minn jiem oħra, għandna l-bieb
miftuħ sabiex inħarsu lura lejn ħidmet Angelo Roncalli. Ħidmet il-Papa Ġwanni XXIII, illum dikjarat
qaddis, li biddel tant fil-ħajja tal-Knisja Kattolika u tad-dinja. Vuċi għas-sewwa, li mpenja ruħu fi proġetti
li bihom ninsabu aħjar milli konna.
Proġetti bażati fuq ideat li għalkemm jistgħu jintesew minn uħud, huma
minjieri ta’ għerf. Mimlija b’riżorsi
qawwija li tajjeb li wieħed, għalkemm iħossu sejjer lura fiż-żmien, ikun
fil-fatt qiegħed jarma ruħu għall-futur.
Ftit papiet qablu ma kellhom, bħalma kellu hu, dik l-abbiltà li
jitkellem bil-lingwa tal-bnedmin. Li
jitkellem direttament lejn il-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jkunu qed jisimgħuh. Dawk, li għalkemm ġejjin minn toroq varji,
ser jieħdu magħhom lura ideat u tamiet għall-eżistenza tagħhom.
F’dan
iż-żmien
3. Kliemu u ħidmietu jibqgħu rilevanti. Aktar u aktar f’dawn iż-żminijiet fejn
id-dinja dieħla jew diġà daħlet fit-tielet gwerra mondjali. Dinja li taf li dak li huwa għaddej huwa
żbaljat, imma mhix kapaċi twaqqaf il-proċess li jista’ jiġbed lil kulħadd
fit-toroq tad-distruzzjoni. Iktar u
iktar fid-dell tal-użu, jum wara jum, ta’ armamenti dejjem iktar sofistikati u
viċin dawk nukleari. Fejn l-aħbarijiet
isiru dejjem inqas kapaċi jsegwu l-verità ta’ dak li għaddej. Fejn il-bnedmin qed jitilfu kull forma ta’
dinjità. Fejn il-qtil ta’ ħutna huwa
biss numru. Fejn it-tkissir ta’ bliet u
ċiviltà huma biss linji fil-gazzetti jew fil-vuċi tal-mezzi tal-aħbarijiet.
Enċiklika
speċjali
4. F’dan, l-enċiklika Pacem in Terris tibqa’ unika. Ikun hemm, bħal dejjem, it-tentazzjoni li
wieħed iħares lejn dokumenti passati bħala dawk li kellhom sehem dak iż-żmien,
imma llum dak spiċċalhom. Jiġu relegati,
żbaljatament, bħala dawk li huma issa għad-dispożizzjoni tal-istoriċi f’xi arkivju
kollu trab. Imma dan ma jgħoddx għal dak
li nkiteb minn bniedem mimli tjubija u qdusija huwa u miexi fit-triq tal-mard
tiegħu. Kien jaf li kellu l-kankru u li
jiemu kienu, f’din l-art, numerati.
Biss, kien determinat, minn dak li diversi stqarrew, li dan id-dokument
jiġi pubblikat fil-jiem u fil-mument meta ried hu. Kienet dik l-enċiklika li n-New York Times
ippubblikat fis-sħiħ u li gazzetti oħra ddikjarawha bħala l-vuċi tal-kuxjenza
dinjija.
Dikjarazzjoni
5. Il-kitba asseriet diversi punti li minnhom id-dinja setgħet
timxi aħjar tul dawn is-snin. Kif kien
qal Peter Hebblethwaite fil-ktieb John XXIII. Pope of the Century,
ġabret lista determinanti. Affermat
l-importanza tad-demokrazija u li kull bniedem għandu dritt u dmir jieħu sehem attiv
fil-ħajja politika. Mhux biss, imma kif
jgħid l-istess Hebblethwaite: “John saw human rights as fundamental to the
preaching of the Gospel.” (Ġwanni ra d-drittijiet umani bħala fundamentali
fit-tagħlim tal-Vanġelu). Kif kien qal
qabel dwaru Don Luigi Sturzo: “Peace, justice, liberty, mutual understanding
of rights and duties – all in the accents of love.” (Paċi, ġustizzja,
rispett reċiproku tad-drittijiet u tad-dmirijiet – ilkoll fl-importanza
tal-imħabba).
Iktar
minn hekk
6. Hebblethwaite jgħid hekk: “John’s three features, however,
are all positive. First he noticed ‘a
progressive improvement in the economic and social conditions of working
people’ who insist on being treated as human beings. Next ‘the part that women are now playing in
political life in everywhere evident’ and ‘wome are gaining an increasing
awareness of their natural dignity’.
Next about nuclear weapons ‘In this age which boasts of its atomic
power, it no longer makes sense to maintain thatwas is a fit instrument with
which to repair the violation of justice’”.
(It-tlett punti ta’ Ġwanni kienu lkoll pożittivi. L-ewwel iddikjara li kien hemm proċess ta’
progress fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-ħaddiem u li jinsistu li
jiġu ittrattati ta’ bnedmin. It-tieni, il-parti
li n-nisa qed jieħdu sehem fil-ħajja politika hija evidenti kullimkien, u li
qed iżidu fl-għarfien tad-dinjità naturali tagħhom. Ma’ dan dwar l-armi nukleari qal li f’din
l-età ma jagħmilx iktar sens li wieħed isostni li l-gwerra hija l-istrument
biex issewwi l-inġustizzji.)
Affermat
7. Afferma b’mod ċar li l-Insara għandhom dmir li jkunu miftuħa
għall-oħrajn. Miftuħa biex jifhmu
lill-oħrajn u jaħdmu magħhom mingħajr preġudizzji jew pre-kunċetti. Huma min huma, ġejjin minn liema reliġjonijiet
jew fehmiet politiċi, fid-dmir li jisimgħu u jitkellmu. Prinċipji importanti, aktar u aktar
illum. Għax f’dan, proprju fix-xenarju
li kien qiegħed jiżviluppa fil-kwistjoni Kubana nsista b’mod ċar li huma
l-laqgħat bejn il-mexxejja li jġibu l-bidla, u mhux il-konfrontazzjoni. Kitbietu juruna li f’dinja u età nukleari li
ninsabu fiha, l-għażla hija bejn id-djalogu, il-katastrofi jew tensjoni
internazzjonali permanenti.
11
t’April 1963
8. F’dik il-Ħamis ix-Xirka li fih il-Papa Ġwanni XXIII ried ikun
ċert li dak li kellu jgħid, jingħad.
Ried iħalli dan it-testment ċar għall-ġenerazzjonijiet futuri. Ideat, viżjoni, prinċipji li għadhom attwali
sallum. Għadhom għad-dispożizzjoni
tagħna fil-kunflitti li għaddejjin.
Għadhom strumenti ċari, naturali u li jagħmlu mill-bniedem persuna
aħjar. Għadhom, f’dan kollu, dawk li
għandna nfakkru proprju llum fis-sittin anniversarju tagħhom.
23.11.11
Appell lill-poplu Malti
Wara u qabel tmiem dak il-konflitt, f’numru ta’ pajjiżi qamu movimenti sabiex jinbnew strutturi kostituzzjonali differenti. Dawn il-gżejjer, forsi ispirati direttament minn sejħa li saċerdot Sqalli, Don Luigi Sturzo (ritratt) għamel għal persuni liberi u b’saħħithom, fit-23 ta’ Novembru 1918 patrijott Malti għamel sejħa ġdida. Appell lill-poplu Malti biex tkun iffurmata “Assemblea Nazzjonali”. Sir Filippo Sciberras, tabib fit-tmienja u sittin sena tiegħu, matur, ta’ karattru ffurmat, onest u magħruf għall-atti ta’ karità mal-fqar, mexxa u stieden rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jinġabru f’din l-Assemblea Nazzjonali. Kien proprju fit-tieni laqgħa tas-7 ta’ Ġunju 1919, taħt il-Presidenza tiegħu, li sab lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ mument storku li kull sena bqajna nfakkru – is-“Sette Giugno”.
Wirt Filippo Sciberras huwa kbir. Illum, tlieta u disgħin sena wara għandna nibqgħu niftakru li d-demokrazija li ngawdu llum ġiet bis-sagrifiċċji ta’ diversi patrijotti intelliġenti, bil-għaqal u kapaċi. Nassiguraw li ma nitilfuhiex imma nkomplu nżommuha u nissudawha.
ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET
35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...