Showing posts with label de Gasperi. Show all posts
Showing posts with label de Gasperi. Show all posts

7.11.25

IL-VALURI EWROPEJ TAGĦNA

1. Ftit kienu, snin ilu, li kienu jimmaġinaw li konna ser naslu fejn aħna llum. Kien hemm bnedmin li ħolmu li għandna nimxu f’dawn il-passi, imma ftit setgħu jipprevedu dak li mbagħad irriżulta. Fir-realtà, l-Unjoni Ewropea timxi u għandha iktar timxi id f’id mad-demokrazija u l-kunċetti tal-Oċċident. Ma tistax tieqaf fil-passi tagħha. Tista’ tkun iktar attenta u tħares sew lejn l-effetti ta’ ħidmietha, imma trid timxi ’l quddiem. Dan għax għandha passat komuni, flimkien mal-fatt li hemm esperjenzi storiċi li ma rridux narawhom jirrepetu ruħhom. Kif ukoll għax rajna li valuri li huma għal qalbna qed jintilfu. Dawk li rridu li jiġu assigurati u msaħħa. L-Ewropej għandhom għal qalbhom il-libertà, il-ġustizzja; dik il-kultura li tħares fit-tul u li hija universalistika u dak il-patrijottiżmu li jħares lejn il-paċi u l-ġid komuni.

Għaliex

2. Inkomplu naħdmu biex ikun hemm dan il-proċess għax il-preżent, u anzi, kull preżent, iressqilna sfidi li jistgħu jiġu kkonfrontati aħjar bi probabilità aqwa ta’ suċċess jekk meħuda f’daqqa. Żvilupp, stabilità ekonomika, koperazzjoni mal-bqija tad-dinja li jmexxuna ’l quddiem. Fejn, fil-fatt, il-passat u l-preżent huma mumenti storiċi u politiċi li fihom l-Unjoni Ewropea twieldet u ħadmet li ma jindikawx fejn sejrin verament. Fi kliem passati imma wkoll preżenti, Altiero Spinelli (1907-1986), fil-ktieb L’Avventura Europea (1972) jiddikjara: “Quel che la Comunità sceglie dal passato e vuol coltivare nel presente tuttavia è determinato da quel che mediante la Comunità gli Europei vogliono raggiungere nel futuro.” (Dak li l-Komunità tagħżel mill-passat u li trid tikkultiva fil-preżent huwa fuq kollox determinat minn dak li l-Ewropej, permezz tal-Komunità, iridu jilħqu fil-futur.)

Ideat varji

3. F’dan sibtni biċċa oħra, anzi, f’biċċiet oħra, waqt li qrajt il-ktieb riċenti La Rivoluzione Del Buon Senso. Per un Paese Normale, maħruġ f’Lulju ta’ din is-sena, tal-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Mertu Giuseppe Valditara (1961). Persuna mill-iktar interessanti u intelliġenti li għandu karriera legali, akkademika u politika. Huwa Professur tad-Dritt Ruman u għamel żmien iservi ta’ senatur. Ġej minn ideat tal-lemin, ikkunsidrat moderat fl-Italja. Oriġinarjament parti mill-proġett ta’ Gianfranco Fini (1952), illum viċin il-Lega per Salvini. Ma ġiex elett imma ġie magħżul biex iservi bħala Ministru. Għalhekk dan il-ktieb sibtu mimli bi ħsibijiet u kurrenti ta’ ideat li għalkemm ma nikkondividix, però xorta sibthom ta’ stimulu sabiex wieħed jgħarbel iktar il-preżent tagħna. Iktar u iktar fil-ħsieb li pajjiżna, bħall-Italja, huwa parti minn dan il-proġett politiku li hija l-Unjoni Ewropea.

Drittijiet u dmirijiet

4. L-awtur jispira ruħu ħafna minn dak li studja u għallem għal ċertu snin. Imiss ma’ dak li jħoss li hemm bżonn jinbidel f’pajjiżu. F’dan għandu d-diffikultà kulturali ta’ partiti tal-lemin lemin, li għal snin sħaħ kienu maqtugħa mill-poter u li issa għandhom b’xi mod. Tal-bnedmin li qed jaraw xenarju politiku iktar ostili milli fil-fatt huwa għalihom. Li jġorru, b’xi mod, l-għeruq passati ta’ dak kollu li kien u li evolva fih il-Faxxiżmu. F’dan, il-ktieb jiddefendi ħafna u jattakka wkoll lix-xellug fil-pożizzjonijiet żbaljati li jinsab fihom illum, fl-esaġerazzjoni tiegħu fihom. F’dan kollu, proprju jitlaq mill-punt li hemm bżonn li s-soċjetà tifhem li aktar mid-drittijiet li qed tiġi bbumbardjata bihom, hemm doveri u dmirijiet. Interessanti f’dan hi l-parti li tibda mill-ħsieb: “La negazione della responsabilità individuale.” (Iċ-ċaħda tar-responsabbiltà individwali). Fil-ħsieb li fejn hemm ċaħdiet tad-drittijiet u responsabbiltajiet li jitwieldu mill-fatt li wieħed ikun ġej minn komunità partikolari hemm soċjetà inqas.

Il-passat

5. L-awtur jiddiskuti fil-fond ukoll l-Unjoni Ewropea li nittrattaw hawn. Iħares lejn il-valuri li d-Dritt Ruman ispira flimkiem ma’ dawk Insara. L-iktar meta jħares lejn l-identità Ewropea u Oċċidentali tagħna. Huwa jfakkarna hekk: “Catone affermava che la grandezza della Repubblica romana era dovuta alla continuità con il suo passato; ricorda Cicerone (De re publica 2.2.) che Catone ‘soleva dire che la nostra Costituzione era superiore a quella degli altri Stati, perché le leggi e le istituzioni non erano state opera di singoli uomini ... La nostra Costituzione non è sorta per opera di un solo legislatore o di una sola generazione, ma nel corso di diverse età e per virtù di molti uomini.” (Catone kien jiddikjara li l-kobor tar-Repubblika Rumana kien dovut għall-kontinwità tagħha mal-passat; ifakkar Ċiċerun (De re publica 2.2.) li Catone kien iħobb jgħid li l-Kostituzzjoni tagħna hija superjuri għal dik tal-oħrajn, għax il-liġijiet tagħna ma sarux mertu ta’ ftit bnedmin ... il-Kostituzzjoni tagħna ma twelditx minħabba leġislatur wieħed jew ġenerazzjoni waħda imma mertu ta’ proċess ta’ żminijiet varji u ta’ ħafna bnedmin.)

Jifhem

6. Dan huwa dak li għandna lkoll illum fl-Unjoni Ewropea. Kontinwazzjoni varja li diversi, anki jekk jistgħu jitilqu minn pożizzjonijiet differenti, jifhmu f’daqqa l-vantaġġi tagħha. F’dan, minkejja l-kurrenti li għaddejna minnhom wara l-Brexit fejn hemm idea b’saħħitha li l-futur jiġi mibni billi wieħed jitlaq mill-passat tiegħu. Fejn aħna parti minn dak li nagħrfu li hija memorja u ċiviltà kollettiva u komuni Ewropea. F’dak li qegħdin dejjem iktar nidentifikaw bħala l-Oċċident. Valditara jiddikjara hekk: “È l’Occidente che ha forgiato grandi valori quali la democrazia, la libertà, l’equità, la buona fede, l’umanità, tutti incentrati sul particolare rilievo della persona e sulla centralità del cittadino.” (Huwa l-Oċċident li bena l-valuri l-kbar bħal ma huma d-demokrazija, il-libertà, l-ekwità, il-bona fede, l-umanità, li lkoll huma diretti fuq l-importanza tal-bniedem u fuq iċ-ċentralità taċ-ċittadin.) Għalhekk ikompli jżid u jfakkarna li: “Occidente è un sistema di valori, una visione dell’uomo e della società che si sono formati nel corso di millenni.” (L-Oċċident għandu fih sistema ta’ valuri, viżjoni tal-bniedem u tas-soċjetà li ġew iffurmati fis-sekli.) Dak li aħna wkoll, b’kull dritt u dover għandna u li aħna parti minnu.

Il-Futur


7. F’dan, fil-wirt li għandna għad-dispożizzjoni tagħha u li niffurmaw parti sħiħa minnu, irridu nistaqsu lilna nfusna kemm għandna nħarsu lejn iktar dożi ta’ Unjoni Ewropea. F’soċjetà li tħares lejn proġett demokratiku matur, li tħares lejn li twassalna lejn politika ibbażata fuq dawn il-valuri fundamentali, oċċidentali, bażati fuq id-djalogu u r-rispett u mhux fuq il-konfront u d-dinamika kostanti ta’ ħbieb jew għedewwa, jew fuq il-bżonn li wieħed iċekken kontinwament fil-bżonn ta’ polemiċi li jsiru għan fihom infushom fejn l-interess superjuri tal-Istat ma jinkisibx. F’dan però, għall-kuntrarju ta’ oħrajn, l-awtur jirrikonoxxi l-vantaġġi tal-Unjoni Ewropea u l-valuri li ġiebet. F’kuntrast ma’ oħrajn huwa jikteb: “Ben diverso spessore e modernità culturale hanno certamente figure come De Gasperi, Schuman, Adenauer che a buon diritto possono essere prese a simbolo di un europeismo coerente con i grandi principi dell’Occidente democratico e liberali.” (Kompletament differenti fil-kontenut u l-modernità kulturali għandhom ċertament persuni bħal De Gasperi, Schuman, Adenauer li bi dritt għandhom jiġu meħuda bħala simboli ta’ Ewropeiżmu koerenti mal-prinċipji l-kbar tal-Oċċident demokratiku u liberali.)

L-għeruq komuni


8. Kif għidt, il-ktieb huwa mimli bi sfumaturi varji, għalkemm irid jingħad li komplessivament jonqsu, fl-opinjoni tiegħi, direzzjoni iktar ċara u dan abbażi ta’ ideat imbaskta. Dawk li jiġu wara li wieħed ikun serva bħala ministru. Imma almenu ma jiċħadx dak li sar tant tajjeb mid-Demokrazija Kristjana u wisq inqas ma jiċħad il-Proġett Ewropew. Lejn l-aħħar huwa jikteb hekk: “C’è sopratutto bisogno di una riscoperta delle comuni radici europee, dei valori simbolo della nostra unità culturale.” (Hemm bżonn, fuq kollox, li niskopru mill-ġdid l-għeruq komuni Ewropej, tal-valuri li nidentifikaw ruħna fihom, li huma simbolu tal-unità kulturali tagħna.) Proprju f’dan wieħed għandu jħares iktar. Ma’ bnedmin ta’ ideat differenti sabiex fid-dinja tal-lum ma nitilfux il-valuri Ewropej komuni tagħna.

20.2.25

GĦATX DEMOKRISTJAN

1. Fid-dinja li ninsabu. Fl-eventi li jum wara jum naqraw, jew naraw, jew nisimgħu, jew ukoll dawn ukoll f’daqqa, nagħrfu bżonn partikolari. Quddiem il-konfużjoni ġenerali li għaddejjin minnha fejn fl-illoġika hemm min irid jislet minnha l-loġika u hemm min iħares band’oħra. Iħares biex jittama li fid-diżordni tal-ħsieb u tal-aġir uman ikun hemm alternattiva bażata fuq is-sewwa, l-ordni u l-istorja. Dik soċjali, ekonomika, politika, u fuq kollox dik li tifrex ruħha fid-dinja li qegħda tipprova dejjem tiċkien.

Ċert

2. F’dan ninsab iktar ċert illi kieku kellna nġibu lura lil dawk li għexu qabilna jagħrfu jagħtuna direzzjonijiet aqwa. Quddiem il-politika ‘differenti’ ta’ Donald Trump li qegħda tipprova żżarma dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar tmenin sena. Quddiem l-istess ħsieb f’xenarju ieħor, Vladimir Putin li jrid jieħu lura l-Federazzjoni Russa għal dak li kienet fi żmien Katerina l-Kbira (1729-1796), wieħed irid jifhem. Jifhem li l-istorja ma tmurx lura, u anqas ma tirrepeti ruħha, imma timxi ’l quddiem fid-direzzjonijiet umani li ż-żminijiet jagħtu. Mexxejja ta’ qabilna ċert li f’dan jagħrfu jmexxuna sewwa.

Art fertili

3. M’għandix dubju li kieku kellhom jitwieldu mill-ġdid Alcide de Gasperi (1881-1954), Konrad Adenauer (1876-1967) u Robert Schuman (1886-1963) jafu jiddiriġuna. Jagħrfu li mhumiex ’il bgħid minn dak li l-Ewropa u d-dinja għaddew minnu mitt sena ilu. Jagħrfu jispjegawlna li għaddejjin minn mewġa tal-politika żbaljata tal-estremiżmu. Jagħrfu jfakkruna li proprju għax kienu t-tlieta Demokristjani li bnew għalina Ewropa ta’ paċi u ta’ stabilità: waħda li hija ferm iktar b’saħħitha milli oħrajn jaħsbu.

Estremiżmi

4. Jagħrfu aktar ifakkruna li l-Faxxiżmu u n-Nażiżmu ġiebu tkissir u qtil fil-ħsieb tagħhom li jekk tkisser tista’ terġa’ tibni soċjetà suppost differenti. Waħda fejn il-bniedem jitlef kull valur u jsir biss oġġett li jista’ jiġi skartat u mormi. Waħda li xeħtet lura kull forma ta’ kultura u tkabbir uman. Waħda li minħabba l-wirt tagħha, l-Ewropa batiet sew biex reġgħet kibret. Waħda li tilfet diversi minn uliedha u mill-wirt kulturali tagħha. Waħda li tilfet il-paċi, il-ġustizzja u l-istabilità. Ifakkruna li l-estremiżmi ma jwasslu għal imkien, salv għal iktar kumplikazzjonijiet u eżistenza aktar iebsa minn dik li diġà għandna.

Il-lezzjoni

5. F’dan il-proċess l-Ewropa, tul l-estremiżmi tilfet l-għeruq Insara li sawruha. Proprju f’dan kien l-aġir għaqli ta’ dawn il-bnedmin u oħrajn magħhom li fehmu li tista’ terġa’ tibni jekk tmur il-kontra. Tibni billi tifhem li bid-demokrazija tagħmel soċjetà aħjar, għax hija valur. Tibni aktar meta din tkompli tispira ruħha mal-valuri u l-pedamenti Nsara. Proprju għalhekk li għandna l-Unjoni Ewropea llum u proprju aktar għax din hija l-mudell li hemm min, lura fl-estremiżmi tiegħu, li jrid ikisser dak li nbena.

Żball

6. Dawk li huma minn barra jifhmu dak li għandna. Jifhmu li ngawdu minn soċjetà aktar ċivilizzata, aktar umana, u li tipproteġi dak kollu li huwa ta’ valur għaliha. Hemm min irid jimitana u hemm, minflok, min irid ifarrakna. Għandna nagħrfu aktar dan biex ma nċedux għall-ħmerijiet tal-oħrajn u nqisu fl-għaqal il-mossi politiċi ta’ oħrajn. Kull pajjiż, kif ċert li anki fir-Renju Unit hemm dan l-għarfien, jaf li mingħajr l-għaqda fl-Unjoni Ewropea ser imur lura, u anzi jkun iktar diffiċli għalih biex ilaħħaq ma’ fejn wasal. U li jkun kapaċi jimxi ’l quddiem.

Għalkemm ma jidhirx

7. Niskanta li f’dan ftit jagħrfu li meta l-partiti tal-lemin estrem jew tax-xellug fl-Ewropa fl-Oppożizzjoni jkunu mimlija bil-kontra, meta jkunu fil-Gvern jippruvaw isiru aktar moderati. Proprju aktar f’dan huwa ċar li l-linja tal-politika taċ-Ċentru, dik Demokratika Kristjana, tibqa’ għal dawk li jaqraw il-politika bħala mudell uniku. Mudell li bena dak li ħadd qabel ma rnexxielu jibni. Proprju f’dan, jekk irridu nkomplu nibnu politika Ewropea u nazzjonali aqwa, għandna nimxu f’dik id-direzzjoni. Fil-konfużjoni ġenerali u preżenti li diversi qed jaraw, huwa għalija ferm iktar ċar li hawn mhux biss għatx Demokristjan, imma wieħed klubi.

18.12.24

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt fuq il-pożizzjoni politika. Kif ngħidu: riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa. Il-pajjiż u aħna stess għadna ma nistgħux nidraw dak li ġara. Il-mument jixraq li jiġi ċelebrat u fl-istess ħin hu wieħed li jwelled l-ideat. Il-poplu għadu ma jistax jemmen x’seħħ. Irid jieqaf u jkompli jifraħ u fl-istess ħin jagħraf li f’xi mument irid jaffronta l-futur tiegħu. Id-domanda rilevanti għalihom hija: x’ser tkun it-tmexxija għada pitgħada meta l-festini jieqfu u jkun irid jibda x-xogħol ta’ rikostruzzjoni? Min ser imexxi, u kif? Min ser ikun kapaċi jidderieġi, u fl-istess ħin jieqaf lil dawk li għandhom interess li dan il-poplu ġeneruż ifalli?

Dayr al-Zur

2. Stat demokratiku f’dak il-pajjiż huwa dak li ċertament jixraq. Aktar u aktar meta diversi miljuni mxerrda mad-dinja jafu din xi tfisser u ma jarawx ħajja differenti għalihom. Iżda r-realtà hija li b’sistema demokratika l-pajjiż ikun ta’ theddida għall-pajjiżi ġirien li mhumiex demokratiċi; anzi parti mis-sistema dittatorjali li għal dawn l-aħħar ħamsin sena l-familja ta’ al-Assad ħakmet. Kienu komdi jeżerċitaw it-tirannija. Issa le. Hemm f’dan però għatx kbir li jkun hemm bidla vera. F’dak il-proċess li mill-2012 beda f’dan il-post minn ftit persuni. Biss, altru d-diffikultà xejn faċli li tneħħi tirannija u dittatur, u altru li tibni wara. Kif u min ser jirbaħ b’intelliġenza kultura politika u soċjali li għal dawn is-snin il-kelma ‘demokrazija’ setgħu biss semgħu biha. Kif iġġibha tibda u taħdem hija verament sfida li kif nafu ulied Sirjani waħedhom, mingħajr indħil jew lezzjonijiet imma biss b’appoġġ veru, jistgħu jwettqu.

F’din is-sena


3. Argument politiku attwali għax sa issa rajna kif minkejja l-ispirtu liberu tal-poplu, flok ġieb id-demokrazija mid-dittatura, ġieb bidla fid-dittatur. Sibt iktar ispirazzjoni dwar dan waqt li qiegħed naqra ktejjeb bit-titolu sempliċi ta’ Ideali e Azione di Alcide De Gasperi (1974) dwar numru ta’ diskorsi ta’ Amintore Fanfani (1908-1999). Żewġ mexxejja Demokristjani li servew lil pajjiżhom sew u mexxewh ’il quddiem. L-iktar l-ewwel wieħed fil-mument deċiżiv. De Gasperi (1881-1954), li din is-sena fakkarna s-sebgħin sena minn mewtu, kien il-bniedem li kellu l-abbiltà li poplu li kien maħkum mid-dittatorjat Faxxista għal aktar minn għoxrin sena rnexxielu jieħdu lejn id-demokrazija. Kien għaqli, attent, ippreparat u deċiż li jara li l-kultura politika tinbidel. Ma kienx hemm bdil fid-dittatur, imma fis-sistema. Dak li serva f’dik il-fażi delikata u determinanti biex kemm il-poplu, kif ukoll il-pajjiż, ikun lura liberi.

Il-ktejjeb

4. Fil-ktieb illum, ħamsin sena wara, hemm sitt diskorsi li saru tul is-snin minn Fanfani, mimlija riflessjonijiet. Huwa wkoll kien Demokratiku Kristjan u parti mit-tieni ġenerazzjoni ta’ dawk li għaddew minn taħt il-kefrija tal-Faxxiżmu. Persuna li din is-sena wkoll infakkru l-ħamsa u għoxrin sena minn mewtu. Bniedem mimli enerġija u serva diversi drabi fil-kariga ta’ Prim Ministru ta’ pajjiżu u f’karigi ministerjali varji. Ħaqqu li wieħed ifakkru, l-iktar għax kien kapaċi, ma’ oħrajn, li jżommu l-ispirtu demokratiku għaddej u jissudaw aktar dak li De Gasperi kien beda. Taħtu saru diversi miżuri soċjali. Diversi deċiżjonijiet fit-tkabbir ekonomiku seħħew ukoll. Siltiet ta’ ħidma li minn dawn id-diskorsi wieħed jagħraf aktar kemm kien ipprattikahom De Gasperi. Huwa jgħid li kien il-protagonista fil-ħajja nazzjonali f’żewġ punti: “... quello della ricostruzione democratica e quello delle riforme sociali.”

Ideat

5. Laqtuni numru ta’ punti li biex Fanfani seta’ jagħrafhom f’De Gasperi jfisser li kienu parti sħiħa minnu. Fost l-oħrajn, huwa jgħid hekk: “La lezione che si apprende scrutando la vita, il pensiero, l’azione di De Gasperi è quindi una lezione di chiarezza nelle idee, di fermezza negli obiettivi, di rispetto degli avversari, di virile coscienza dei propri diritti e dei propri doveri, di fiducia in un popolo che confida nel contemporaneo adempimento della civica missione da parte di ognuno, e che diffida, a ragione, delle fatue speranze in taumaturgiche personalità.” (Il-lezzjoni li wieħed jieħu waqt li janalizza sew ħajtu, ħsibijietu, l-azzjoni ta’ De Gasperi hija għalhekk lezzjoni ta’ ideat ċari, ta’ pożizzjonijiet sodi fl-objettivi, fir-rispett lejn l-avversarji, ta’ kuxjenza retta fid-dmirijiet u drittijiet ta’ kull persuna, u li ma tafdax fil-wegħdiet fiergħa ta’ dawk li jingannaw.)

Kien iebes

6. De Gasperi kien f’dan bniedem tad-dover. Deċiż li jwettaq is-sewwa u li jqiegħed il-pedamenti għall-futur. F’dan huwa proprju l-mument li wieħed jirrifletti fuq il-missjoni li wettaq. Li wieħed f’dan iħares lejn il-passat biex jispira ruħu fil-preżent. Li jifhem li fil-mument tal-bidla, fit-tmiem ta’ dittatorjat, wieħed għandu bżonn bnedmin b’dawn il-kwalitajiet. Fanfani f’dan jirrikonoxxi aktar li s-sagrifiċċji li saru minnu kienu biex id-dinja tkun aħjar. Huwa jidentifikahom hekk: “... gioia per la libertà riconquistata, preoccupazione di consolidarla; fierezza per la rinata democrazia e vivo desiderio di vivicarla; ardente sete di giustizia e fermo proposito di renderla al popolo, volontà di progresso.” (... ferħ fil-libertà miksuba lura, ħsieb biex tiġi kkonsolidata, kburi li twieldet mill-ġdid id-demokrazija u xewqa qawwija biex tieħu lura l-ħajja; għatx għall-ġustizzja u determinazzjoni biex tingħata lill-pajjiż, sejħa lejn il-progress.)

Ideali

7. F’dan, għalhekk, huwa sewwa u xieraq verament li niftakru u nfakkru dak li De Gasperi u Fanfani wettqu, u fl-istess ħin nittamaw li oħrajn jieħdu eżempju. Aktar u aktar f’dan ix-xahar. Dak li waqtu nirreġistraw li tul din is-sena għandna nifirħu u niftakru li s-Sirja hija issa libera. Fl-istess ħin li nittamaw li ħidmet id-dinja demokratika għandha tkun dik li tgħin sabiex dan il-proċess ma jieqafx. Fuq kollox, li jiġu sostnuti bnedmin validi. Dawk li huma kif kien De Gasperi: “Rivoluzionario di cose e di sistemi, non violentatore di libertà.” Nittamaw f’dan ferm aktar f’dak li ġej sabiex is-sewwa u l-futur f’dik l-art jibdew mingħajr iktar tfixkil jew indħil.

9.4.24

HEMM PREZZ X'JITĦALLAS

1. M’hemmx dubju li min jixhed għall-verità u jinsisti li jitkellem f’dik il-linja jrid jgħaddi mill-prova. Irid jiġi dubitat, skreditat u abbandunat. Irid ukoll jiġi kontestat, u f’dan, imħolli mdendel, tollerat. Hemm min hu kapaċi jgħix fil-gidba u oħrajn li mhumiex. Dawk li lesti li jagħmlu l-kompromessi mal-fatti u mar-realtà biex jgħixu fid-dinja mċajpra tagħhom. Dik li fiha l-kuxjenza tagħhom ma titħalliex tniggiżhom aktar. Titmewwet f’għemilhom u f’diskorshom.

M’hemmx bżonn

2. F’din il-linja hemm dawk li jaħsbu li fuq in-nuqqas ta’ verità ser jibnu l-futur tagħhom. Ser isibu l-ferħ tal-ħajja billi jiċħdu l-pedament li fuqha hija mibnija. Imma fuq l-oħra jibqa’ dejjem proċess diffiċli biex tingħad il-verità fil-ħajja pubblika. Iktar u iktar meta trid tingħad lil dawk li ma jridux jisimgħuha. Dawk li lesti joqtlu lill-messaġġier, anki jekk ikun qiegħed iwettaq il-ġid f’ħidmietu. Hekk għamlu dawk li tawna eżempju, l-Appostli. Qalu l-verità imma ma ħassewx il-bżonn li għandhom ikunu ħodor fi kliemhom, jew dispreġġjattivi lejn l-oħrajn.

Xorta jrid isir

3. Id-diversi bnedmin li fis-sekli taw xiehda għall-verità jafu dan xi jfisser. F’kull ċirkostanza tal-ħajja. F’kull pożizzjoni fis-soċjetà. Forsi l-istorja ma tinkitibx dejjem minn dawk li jridu jgħidu dak li seħħ sewwasew. Biss hemm dawk li jibqgħu jfittxu wara. L-istoriċi u dawk li għandhom f’qalbhom l-imħabba għall-fatti. Bħal dak li qiegħed għaddej mill-Fondazzjoni De Gasperi, li din is-sena għażlet li tfakkar, tiċċelebra u tiddiskuti mill-ġdid ħidmet dan il-bniedem kbir. Din is-sena taħbat is-sebgħin sena mill-mewt tiegħu, li seħħet fid-19 ta’Awissu 1954, u għalhekk hemm inizjattivi varji sabiex dak li xehed għall-verità, l-eżempju tiegħu, jiġu mfakkra mill-ġdid.

Suċċess

4. Il-marka tas-suċċess għalih hija dik marbuta mal-fatt li kien politiku ta’ prinċipju. Dak li mexxieh ’il quddiem biex inbena mill-ġdid pajjiż li miegħu għandna diversi rabtiet. Dak li wiret stat dittatorjali mfarrak u li minnu bena lura wieħed demokratiku fil-libertà u l-ġustizzja. Kapaċi jagħraf l-isfidi varji. Kapaċi jmiss mal-bnedmin u jitkellem mhux bl-użu tal-gidba, imma tal-verità. Ħalla wirt ta’ ideat. Wirt ta’ mġieba tajba. Wirt li minnu huwa evidenti li tista’ tgħix u taħdem ta’ Nisrani, anki fil-kamp politiku. Kamp diffiċli, fejn il-forzi għas-servizz tal-banalità tal-ħażen jattakkaw.

Demokristjan

5. F’dan sibt, waqt li qed naqra mill-ġdid il-ktieb ta’ Gianni Baget Bozzo (1925-2009) bit-titlu Cattolici e Democristiani (1994), din ir-riflessjoni: “De Gasperi è stato l’unico politico democristiano a determinare la sua politica interna in funzione della politica estera.” (De Gasperi kien l-uniku politiku Demokratiku-Kristjan li bbaża l-politika interna tiegħu skont il-linja fil-politika barranija.) Dawk il-linji ta’ ħsieb li servew sabiex bnew il-futur kulturali, morali u spiritwali tal-pajjiż. Dawk li diversi politiċi li jħarsu lura lejh bħala gwida għad-diffikultajiet tal-lum. Mess ma’ diversi sfidi u dik l-esperjenza hija iktar unika għax mhix ’il bgħid mill-verità, anzi, strument tagħha.

Nistaqsi

6. F’dan, iktar nistaqsi: x’linja ta’ ħsieb u ħidma qegħdin nieħdu aħna, bħala poplu u pajjiż, iktar u iktar fi żmien fejn il-Gvern tilef id-direzzjoni? Il-politika nazzjonali tagħna fuq liema triq tinsab għaddejja? X’jispiraha, u x’viżjoni lejn il-futur għandha fi ħdanha? Domandi li fihom rilevanza akbar, issa li aħna parti sħiħa mill-Unjoni Ewropea. F’dan aħna għandna, iktar minn qatt qabel, l-interess li nassiguraw li tirnexxi. M’għandniex f’dan, anzi iktar, nibżgħu li naffermaw mill-ġdid li għeruqna huma dawk ibbażati fuq prinċipji etiċi Nsara. Ikollna, f’dan, il-kuraġġ li niddikjaraw dak li huwa minnu, anki jekk nistgħu nidhru differenti minn dak li ħaddieħor iridna nitfgħu l-kuxjenza tagħna fih.

Missjoni

7. F’dan hemm ċertament missjoni importanti għalina bħala Demokratiċi-Nsara. Dik li nagħrfu li l-ideat politiċi tagħna ma tilfux mir-rilevanza tagħhom. Wisq inqas mill-attwalità. Għadhom validi u jitolbu minna li nagħrfu iktar li huma strumenti sabiex nibnu alternattiva. Il-bidla tiġi mhux bit-tibdil tal-uċuh, imma bit-tibdil tal-ideat. Bnedmin iffurmati sabiex iservu d-demokrazija. Bnedmin li jħarsu lejn il-futur f’soċjetà li tikber fil-paċi u l-ġustizzja soċjali. Bnedmin li kapaċi jfasslu ideat differenti, proposti ġodda għal sfidi rikorrenti. Iktar politiċi iffurmati ideoloġikament tajjeb biex jirreżistu l-kilba li taħkem lil dawk li jistgħu jiġu ittantati jaħsbu iktar f’buthom.

Ingratitudni

8. U m’hemmx bżonn ħdura fil-kliem. Wisq inqas tgħajjir fil-konfront ta’ politiċi oħra, imma diskors immarkat fuq l-argument fil-loġika jew fl-illoġika tiegħu. Fil-ġust jew l-inġust li jxandar. F’dan kollu nagħraf li hemm prezz x’jitħallas fis-sagrifiċċju personali. Dak li ħafna drabi ma jkollux wisq gratitudni, imma li huwa ta’ ġieħ li jsir. Dak li jgħaddi kemm jgħaddi żmien jimmarka lill-bnedmin ta’ veru minn dawk li mhumiex. Dawk li ħaqqhom ġieħ minn dawk li le.

31.8.23

FIL-MUMENTI TAL-PROVA

1. Sakemm kollox ikun għaddej u sakemm ma jinqala’ xejn, il-bniedem ikun li jkun. Meta jinqalgħu l-intoppi, meta jiġi attakkat, meta jiġi avversat joħroġ iktar il-karattru veru tiegħu. Jidher aktar fil-miftuħ jekk huwiex, fil-prova tar-realtà, kapaċi jżomm sod mal-ideat u l-prinċipji tiegħu. Għal dawk l-eventi fil-ħajja meta jiġu magħżula dawk li jibqgħu ma jitgħawwġux u anqas jinbidlu f’forom li ma jintgħarfux. Tajjeb li l-bniedem, il-ħbieb tiegħu, ilkoll jitqegħdu f’din il-perspettiva. F’dik l-abbiltà li jibqgħu li huma, anki jsiru aqwa milli kienu, għax għandhom ir-riħ qawwi u t-tempesti għaddejjin minn fuqhom u ġewwa nofshom.

Inħarsu lejn l-istorja

2. F’dan, nibqa’ nifhem li kull persuna tgħaddi mill-istaġuni tal-ħajja tagħha. Daqqa fil-kalma u daqqa aktar fil-maltempati tal-ħajja. Dawk li jiġu minn rajhom u dawk li joħolqu l-bnedmin l-oħra għalihom. L-abbiltà tagħhom li jifhmu dak li jkun għaddej u jirreaġixxu sabiex iħarsu ’l quddiem. Jistgħu jaħsbu li qed jitilfu llum dak li għada pitgħada jista’, b’xi mod, jiġi lura għandhom. Kull persuna fl-istorja li żamm il-kolp f’dawn il-mumenti għandu jkun għalina eżempju u fanal ta’ raġġ ta’ dawl qawwi meta aħna stess insibu ruħna fid-dlam. Dak li jiġi minn toroq li jissarrfu għalina fi sqaqien fejn nistennew l-affarijiet, bil-paċenzja u b’attenzjoni, li jinbidlu.

Ulied Awwissu

3. F’dan, mingħajr ma rrid, insibni ndur lejn żewġ persuni li mmarkaw l-istorja, mhux biss ta’ pajjiżhom, imma wkoll dik Ewropea u mondjali. Niftakar mill-ġdid li tul dan ix-xahar ġew imsejħin lura għal għand il-Ħallieq tagħna Don Luigi Sturzo u Alcide de Gasperi. Sturzo li twieled fit-3 ta’ April 1881 u ġie nieqes fid-19 t’Awwissu 1954, kważi sebgħin sena ilu u de Gasperi, li twieled fis-26 ta’ Novembru 1871 u li ġie nieqes fit-8 t’Awwissu 1959, kważi ħamsa u sittin sena ilu. Kien hemm differenza ta’ għaxar snin bejn dawn iż-żewġ persuni li ġiebu fir-realtà l-proġett li bih l-Insara daħlu fil-kamp politiku. Daħlu bl-ideat separati tagħhom. Dawk li permezz tagħhom taw dinjità akbar lill-persuna umana, lis-soċjetà u lill-ekonomija, il-kultura u d-demokrazija. Ħallew marka f’qalb dawk li llum forsi jsibu l-ħin jaqraw, janalizzaw u jifhmu ħidmiethom.

Batew

4. F’kull sens, Luigi Sturzo kien il-fundatur tal-Partit Popolari Taljan. Dak li f’Jannar tal-1919 kiteb dak l-appell uniku għall-bnedmin liberi u sodi, bil-kliem ċari u preċiżi: “A tutti gli uomini liberi e forti, che in questa grave ora sentono alto il dovere di cooperare ai fini superiori della Patria, senza pregiudizi né preconcetti, facciamo appello perché uniti insieme propugnano nella loro incertezza gli ideali di giustizia e libertà.” (Lill-bnedmin kollha liberi u sodi li f’dan il-mument tal-prova jħossu sew id-dmir li jaħdmu flimkien għal raġunijiet aqwa tal-pajjiż, mingħajr preġudizzji jew pre-konċetti nagħmlu appell sabiex, magħquda flimkien, inressqu ’l quddiem fis-sħiħ l-ideali tal-ġustizzja u l-libertà.)

Kien miegħu

5. Miegħu kien hemm ukoll Alcide de Gasperi, li anki jekk kien hemm differenza fl-età bejniethom, kellu l-istess fibra u f’qalbu l-istess ideali. Kienu organizzaw forza politika b’saħħitha, li fl-ewwel elezzjoni tas-16 ta’ Novembru 1919 eleġġiet mitt deputat parlamentari. Forza li riedet iġġib fis-seħħ, b’għaqal u intelliġenza, id-duttrina soċjali tal-Knisja biex ikun hemm soċjetà aqwa. Immarkat sew il-preżenza tagħha fl-ideali Demokratiċi-Nsara li ħaddnet. Waħda li sabet ruħha attakkata u avversata sew mir-Reġim Faxxista ta’ Benito Mussolini (1883-1945), li biċċa biċċa għalaq kull spazju politiku u parlamentari li setgħu jaħdmu fih. F’ittra li de Gasperi kiteb lil Sturzo, eżiljat fi Franza, jgħidlu hekk: “Il regime non soffre né critiche né opposizioni né discussione ed è sovratutto intollerante.” (Ir-Reġim ma jaċċetta ebda kritika jew oppożizzjoni jew diskussjoni u huwa, fuq kollox, intolleranti.)

Sodi fl-ideali

6. Billi ma ċedewx, kif għamlu oħrajn, li jmorru mal-Faxxiżmu, huma batew sew. It-tnejn mexxew il-partit f’mumenti diffiċli: Sturzo mill-1919 sal-1923 u de Gasperi mill-1924 sal-1925. Kellhom jirriżenjaw minħabba raġunijiet varji interni, u t-tnejn sabu ruħhom avversati. Biss, it-tnejn baqgħu sodi fl-ideali tagħhom. Ma ċedewx. Imma f’dan tifhem iktar dak li għadda bejniethom f’dan il-perjodu kkumplikat u perikoluż fejn deputati varji, bħall-kuraġġuż Soċjalista Giacomo Matteotti (1885-1924) li ġew maqtula mill-Faxxisti u ta’ oħrajn, bħall-Komunista Antonio Gramsci (1891-1937), li ġew imsakkra u tturufnati.

Mill-ittri


7. Meta wieħed jaqra l-korrispondenza li kien hemm bejniethom, speċjalment mill-1924 ’il quddiem u tul il-Gwerra, tifhem aktar ir-rabta politika li kellhom bejniethom, u l-mument li fih it-tnejn taw prova. F’ittra minnhom, de Gasperi jiktiblu hekk: “Quante volte ho sentito il bisogno del tuo consiglio, del tuo incoraggimento; e con me quanto lo sentono tutti gli amici! Fu solo perché crediamo e più ancora, abbiamo fatto credere che la tua assenza sarà breve, che ci adattiamo a questa lontananza, ed è anche il conforto di saperti al riparo dai tristi avversari.” (Kemm-il darba ħassejt il-bżonn tal-parir tiegħek, tal-kliem ta’ kuraġġ tiegħek; u miegħi kemm iħossu dan il-ħbieb kollha. Kien biss għax nemmnu, u iktar minn hekk emminna li n-nuqqas tiegħek ser ikun qasir, li qed naddattaw għal dan, kif ukoll il-konfort li nafu li tinsab protett minn dawn l-avversarji li n-nuqqas tiegħek huwa għalina inqas morr.)

Soffersi il soffribile

8. Iktar diretta, u li turi d-diffikultajiet ta’ dawn il-bnedmin li minħabba l-ideat politiċi tagħhom sofrew u batew sew, hemm ittra datata 29 ta’ Diċembru 1925, fejn de Gasperi jibgħat jgħid lil Sturzo li rriżenja minn Segretarju tal-partit abbandunat fil-pożizzjoni. Jgħidlu hekk: “Non mi accuserai di diserzione: la campagna personale feroce, giunta al colmo delle minaccie, il terrore sparso anche per gli amici di Trento ... Non mi avrebbero fatto piegare, se avessi visto tutta la convinzione che il mio sacrificio fosse utile. Mi ritirai invece per un ultimo servigio al partito; e l’ho fatto, colle lagrime nella gola.” (M’għandekx takkużani li abbandunajt; il-kampanja personali feroċi kontrija, li kienet waslet sat-theddid, it-terrur li ġie mxerred anki fost il-ħbieb ta’ Trento ... Ma kinux ser jgħawwġuni, jekk ma rajtx il-konvinzjoni ta’ kulħadd li s-sagrifiċċju personali tiegħi kien ser ikun utli. Irriżenjajt biex inservi għal darb’oħra ’l-partit; u għamiltu bid-dmugħ fi griżmejja.) Kliem li jixhdu waħedhom.

Hemm iktar

9. Hemm ferm iktar f’ħajjet dawn il-bnedmin li ħadmu u stinkaw għal-libertà fl-ideali Demokratiċi Nsara tagħhom u tiegħi. Bnedmin li baqgħu ħajjin wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u speċjalment Alcide de Gasperi kienu determinanti fir-rikostruzzjoni ta’ soċjetà demokratika u progressiva fl-Italja. It-tnejn ħallew warajhom legat ta’ ideat u proposti varji. Wirt uniku għad-dinja Ewropea. Wieħed li għandu jispira dejjem aktar lill-politiċi llum. Dawk li jridu jkunu verament għas-servizz tas-soċjetà. Dawk li jagħrfu li għalkemm jistgħu jiġu avversati direttament, jew oskurati, indirettament imqegħda fil-ġenb, iridu jibqgħu sodi. Jibqgħu għaddejjin fis-Sewwa, l-iktar fil-mumenti tal-prova li ħaddieħor jgħaddihom minnu.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...