Showing posts with label Fanfani. Show all posts
Showing posts with label Fanfani. Show all posts

12.11.25

TRIQ TWILA SEW

1. Hemm kotba li tixtri u taqra kważi mill-ewwel. Hemm oħrajn li jkun destin tagħhom jew tiegħek li ddum ma taqrahom. Jista’ jkun li tkun tixtieq, imma ċ-ċirkostanzi ma jippermettux. Inkella li tibqa’ tittama miegħek innifsek li ser issib il-ħin u l-paċi neċessarja biex taqra. Iktar u iktar meta l-ktieb ikun fih paġni aktar mis-soltu, u forsi jkun ukoll voluminuż. F’dan, ix-xewqa hija naturali imma wara, meta finalment jirnexxilek, is-sodisfazzjon ikun isbaħ. Speċjalment meta tmiss ma’ ideat, fatti, storja, argumenti li anki jekk ma taqbilx magħhom kompletament xorta jmexxuk biex tgħarbel aktar ġewwa l-kurituri ta’ moħħok. Fil-proċess uman essenzjali li jsir jaf aktar u jifhem u jistaqsi lilu nnifsu kemm jista’.

Tafu diġà

2. Tafu diġà li nħobb dan l-eżerċizzju uman li naqra. Infittex dejjem kitbiet varji sabiex nipprova niftaħ l-orizzonti. Mhux biss, imma l-kitba magħkom iżżommni f’forma ta’ dmir. Għax hemm dmirijiet varji f’forom daqshekk ieħor differenti. Forsi għandna wisq minn dawk li jaħsbu li d-dinja ddur madwarhom u huwa għalihom biss kwistjoni ta’ eżerċizzju individwalista. Fejn id-doveri lejn is-soċjetà, lejn l-oħrajn, ma jeżistux. Il-politika hija wkoll skola li tgħallem u li tiggwidak. Hemm raġunijiet varji għala jmexxu lill-bnedmin biex jaqbdu t-triq li twassalhom sabiex ikunu rappreżentanti tal-poplu. Hemm dawk li jidħlu bi spirtu nobbli, altruwista, li tul it-triq jiġu mħassra għal raġuni jew oħra u konsegwentement jitilfu mill-pjaċir li jkunu strument għas-servizz tal-oħrajn.

Qrajtu qabel


3. Għal dawk li għandhom ukoll il-paċenzja li jsegwu dak li effettivament nikteb jafu li dwar dan il-bniedem diġà ktibt. Giulio Andreotti (1919-2013), politiku Taljan li diversi bnedmin bħali b’xi mod segwewh tul ħajtu. Kellu karigi varji ta’ prestiġju li fihom mexxa ’l quddiem lil pajjiżu. Protagonista kostanti fix-xenarju politiku ta’ żmienu. Kapaċi jispjega ċar u komunikatur mill-aqwa. Kellu kelma faċli fis-sens li jaf iwieġeb lura, inkella jgħaddi osservazzjonijiet partikolari li jibqgħu miegħek. Diffiċli tlaħħaq miegħu u ressaq għal diversi argumenti loġiċi u validi. Kien parti minn ġenerazzjoni ta’ bnedmin li daħlu biex iservu fil-Partit Demokratiku Kristjan immexxi fil-bidu mill-kbir Alcide De Gasperi (1881-1954). Minnu trabba u ngħata lezzjonijiet uniċi. Kellu, kif juru kitbietu, memorja impekkabbli. Imma kien alliev uniku mhux biss fil-lealtà lejh imma fl-għarfien tal-kwalitajiet li wieħed għandu jkollu biex ikun politiku tajjeb.

Ilu għandi

4. Dan il-ktieb ilu għandi fuq l-ixkafef tiegħi. Mhux biss, imma bdejtu diversi drabi u tlaqtu. Din is-sena impikajt miegħu u fl-aħħar irnexxieli nlestih. Stampat fl-1996 bit-titlu De (prima)Re Publica. Ricordi, hemm fih ġabra ta’ riflessjonijiet marbuta ma’ eventi storiċi mill-iktar determinanti. L-awtur ċertament f’vena li jirrakkonta b’aktar libertà minn tas-soltu u b’riflessjonijiet fl-imrar li daq. Fl-1993, bil-proċess legali kontra tiegħu li minnu ġie liberat, inbidel. Huwa jiftaħ billi jgħidilna li: “Per una serie singolare di occasioni – lungo cinquantasei, dei sessantasette anni e rotta della mia vita – mi sono ininterrottamente trovato sulla scena politica nei ruoli più diversi.” (Minħabba serje ta’ raġunijiet singolari – tul sitta u ħamsin sena mis-sebgħa u sebgħin sena ta’ ħajti – sibtni mingħajr waqfien fix-xena politika f’karigi u pożizzjonijiet tant diversi.)

Fid-dell

5. Mill-1945 għex mill-viċin, u jgħid hekk: “Non sembra strano se, più che i ricordi di grande rilievo, mi sono rimasti impressi tanti momenti per così dire minori, oltre a quelli della silenziosa presenza accanto al presidente De Gasperi.” (Mhix ħaġa stramba jekk, iktar mill-memorji importanti sibt miżmuma f’moħħi, biex ngħidu hekk dawk minuri, u dan apparti dawk li ġew mill-preżenza silenzjuża tiegħi maġenb il-Prim Ministru De Gasperi.) Proprju fuq dik il-memorja sabiħa jmiss ma’ dak kollu li ra quddiemu. Jagħraf jagħżel bejn dak li huwa rilevanti, dak li mhuwiex, u anki għaraf ukoll li ma jirrepetix dak li diġà, b’xi mod, kien kiteb dwaru qabel. Proprju għalhekk li hemm taħlit ta’ leġġerezza ma’ kumplikazzjonijiet. Biss wieħed irid jifhem iktar dak li seħħ fil-pajjiż, fid-diffikultajiet u r-retroxena ta’ dak li huwa u ftit oħra kienu jafu. Forsi f’ħafna, il-ktieb stajt napprezzah aktar għax fil-frattemp qrajt il-memorji u r-riflessjonijiet ta’ diversi bnedmin oħra li kellhom sehem determinanti miegħu.

Ġenerazzjoni

6. Għal xi raġuni kien parti minn ġabra ta’ bnedmin iffurmati sew fil-kultura u ippreparati. Bnedmin li jaqraw u jiktbu, kif ukoll li jiddiskutu ma’ oħrajn il-politika f’livelli ogħla milli wieħed imdorri jara. Diversi drabi ngħid żmien il-gwerra u dak qabel fil-Faxxiżmu wassal lil diversi Demokratiċi sabiex jokkupaw ħinhom fil-qari ta’ kotba uniċi. Kien il-bniedem, ma’ diversi bħal Aldo Moro, Giorgio La Pira, Amintore Fanfani, Giuseppe Dossetti, Giovanni Spadolini, Pietro Nenni, Giuseppe Saragat, Giorgio La Malfa u ħafna oħrajn. Lista twila ta’ bnedmin li serva magħhom, inkella li kellu punti ta’ nuqqas ta’ qbil. Fil-fatt il-ktieb huwa sabiħ għax imiss ma’ dawn il-bnedmin varji u jqegħdhom fil-kuntest storiku tagħhom, kif ukoll f’dak li skont hu wassal għal pass jew ieħor fl-istorja tal-pajjiż. Jingħad x’jingħad, l-intelliġenza ta’ Andreotti kienet rikonoxxuta u apprezzata anki minn dawk li ma kellhomx grazzja miegħu. Fortunatament għalina ħalla ħafna iktar minn dak li għadda lilna warajh.

Tmiss

7. Tmiss kull paġna hemm linji li għandek timmarka biex tmur lura għalihom. Hemm ukoll interessanti, kwotazzjonijiet minn oħrajn li messewh, li ma huwiex proprju normali għal min laħaq fejn laħaq. Bħal meta jiċċita lil Francesco Cossiga (1928-2010) li jgħid hekk: “Essere popolari per i cattolici democratici ha significato essere espressione di vasti ceti del nostro popolo, dei suoi interessi morali ed economici, della realtà della vita dei contadini, degli operai, dei ceti medi, degli imprenditori, degli impiegati, della vita concreta, della vita vera. Ha significato ritenere che il popolo, non lo Stato, non i partiti, non la classe è il soggetto centrale della storia, anche di quella politica. Dobbiamo saper ricollegarci a questa realtà; perché la democrazia ha bisogno di un popolo vivo, che parteċipi.” (Li tiddikjara li tkun partit popolari għall-Kattoliċi Demokratiċi għandha t-tifsira li hija espressjoni, vuċi tal-akbar numru ta’ persuni fis-soċjetà tagħna, fir-realtà tal-ħajja tal-bdiewa, tal-ħaddiema, tal-klassi medja, tal-imprendituri, tal-impjegati, tal-ħajja vera u konkreta. Ġabret it-tifsira li ssostni li huwa l-poplu, mhux l-Istat, mhux il-partiti, mhux il-klassi li huma s-suġġett ċentrali tal-istorja, u anki tal-politika. Hemm bżonn nagħrfu kif inkunu ħaġa waħda sħiħa ma’ din ir-realtà; għax id-demokrazija għandha bżonn ta’ poplu ħaj li jieħu sehem attiv.) Ideat li għadhom rilevanti sal-lum.

Isellem

8. Laqatni iktar lejn l-aħħarnett tal-ktieb voluminuż tiegħu. Meta jgħid hekk: “Chi cammina lungo il viale del tramonto, pur sperando in cuor suo di restarvi a lungo, è portato psicologicamente, di tanto in tanto, a guardare indietro con nostalgia e benevolenza. Ho fatto il possibile scrivendo queste pagine per affrancarmi di tale stato d’animo. Non dimentico però la saggezza del proverbio che ammonisce che la via nuova non sempre è migliore di quella che si lascia.” (Min jimxi tul it-triq lejn inżul ix-xemx, anke jekk jibqa’ jittama f’qalbu li jibqa’ hemm iktar fit-tul, huwa mwassal psikoloġikament, minn mument għall-ieħor, sabiex iħares lura b’nostalġija u qalb kbira. F’dawn il-paġni għamilt dak kollu possibbli biex nillibera ruħi minn dan is-sentiment. Mingħajr ma ninsa l-għerf tal-proverbju li jwissina li t-triq il-ġdida mhux dejjem hija aqwa minn dik li qiegħed tħalli.) Kliem li jitkellmu waħedhom, f’din it-triq twila sew li dan il-bniedem għadda minnha. Waħda li għandna napprezzaw sew.

18.12.24

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt fuq il-pożizzjoni politika. Kif ngħidu: riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa. Il-pajjiż u aħna stess għadna ma nistgħux nidraw dak li ġara. Il-mument jixraq li jiġi ċelebrat u fl-istess ħin hu wieħed li jwelled l-ideat. Il-poplu għadu ma jistax jemmen x’seħħ. Irid jieqaf u jkompli jifraħ u fl-istess ħin jagħraf li f’xi mument irid jaffronta l-futur tiegħu. Id-domanda rilevanti għalihom hija: x’ser tkun it-tmexxija għada pitgħada meta l-festini jieqfu u jkun irid jibda x-xogħol ta’ rikostruzzjoni? Min ser imexxi, u kif? Min ser ikun kapaċi jidderieġi, u fl-istess ħin jieqaf lil dawk li għandhom interess li dan il-poplu ġeneruż ifalli?

Dayr al-Zur

2. Stat demokratiku f’dak il-pajjiż huwa dak li ċertament jixraq. Aktar u aktar meta diversi miljuni mxerrda mad-dinja jafu din xi tfisser u ma jarawx ħajja differenti għalihom. Iżda r-realtà hija li b’sistema demokratika l-pajjiż ikun ta’ theddida għall-pajjiżi ġirien li mhumiex demokratiċi; anzi parti mis-sistema dittatorjali li għal dawn l-aħħar ħamsin sena l-familja ta’ al-Assad ħakmet. Kienu komdi jeżerċitaw it-tirannija. Issa le. Hemm f’dan però għatx kbir li jkun hemm bidla vera. F’dak il-proċess li mill-2012 beda f’dan il-post minn ftit persuni. Biss, altru d-diffikultà xejn faċli li tneħħi tirannija u dittatur, u altru li tibni wara. Kif u min ser jirbaħ b’intelliġenza kultura politika u soċjali li għal dawn is-snin il-kelma ‘demokrazija’ setgħu biss semgħu biha. Kif iġġibha tibda u taħdem hija verament sfida li kif nafu ulied Sirjani waħedhom, mingħajr indħil jew lezzjonijiet imma biss b’appoġġ veru, jistgħu jwettqu.

F’din is-sena


3. Argument politiku attwali għax sa issa rajna kif minkejja l-ispirtu liberu tal-poplu, flok ġieb id-demokrazija mid-dittatura, ġieb bidla fid-dittatur. Sibt iktar ispirazzjoni dwar dan waqt li qiegħed naqra ktejjeb bit-titolu sempliċi ta’ Ideali e Azione di Alcide De Gasperi (1974) dwar numru ta’ diskorsi ta’ Amintore Fanfani (1908-1999). Żewġ mexxejja Demokristjani li servew lil pajjiżhom sew u mexxewh ’il quddiem. L-iktar l-ewwel wieħed fil-mument deċiżiv. De Gasperi (1881-1954), li din is-sena fakkarna s-sebgħin sena minn mewtu, kien il-bniedem li kellu l-abbiltà li poplu li kien maħkum mid-dittatorjat Faxxista għal aktar minn għoxrin sena rnexxielu jieħdu lejn id-demokrazija. Kien għaqli, attent, ippreparat u deċiż li jara li l-kultura politika tinbidel. Ma kienx hemm bdil fid-dittatur, imma fis-sistema. Dak li serva f’dik il-fażi delikata u determinanti biex kemm il-poplu, kif ukoll il-pajjiż, ikun lura liberi.

Il-ktejjeb

4. Fil-ktieb illum, ħamsin sena wara, hemm sitt diskorsi li saru tul is-snin minn Fanfani, mimlija riflessjonijiet. Huwa wkoll kien Demokratiku Kristjan u parti mit-tieni ġenerazzjoni ta’ dawk li għaddew minn taħt il-kefrija tal-Faxxiżmu. Persuna li din is-sena wkoll infakkru l-ħamsa u għoxrin sena minn mewtu. Bniedem mimli enerġija u serva diversi drabi fil-kariga ta’ Prim Ministru ta’ pajjiżu u f’karigi ministerjali varji. Ħaqqu li wieħed ifakkru, l-iktar għax kien kapaċi, ma’ oħrajn, li jżommu l-ispirtu demokratiku għaddej u jissudaw aktar dak li De Gasperi kien beda. Taħtu saru diversi miżuri soċjali. Diversi deċiżjonijiet fit-tkabbir ekonomiku seħħew ukoll. Siltiet ta’ ħidma li minn dawn id-diskorsi wieħed jagħraf aktar kemm kien ipprattikahom De Gasperi. Huwa jgħid li kien il-protagonista fil-ħajja nazzjonali f’żewġ punti: “... quello della ricostruzione democratica e quello delle riforme sociali.”

Ideat

5. Laqtuni numru ta’ punti li biex Fanfani seta’ jagħrafhom f’De Gasperi jfisser li kienu parti sħiħa minnu. Fost l-oħrajn, huwa jgħid hekk: “La lezione che si apprende scrutando la vita, il pensiero, l’azione di De Gasperi è quindi una lezione di chiarezza nelle idee, di fermezza negli obiettivi, di rispetto degli avversari, di virile coscienza dei propri diritti e dei propri doveri, di fiducia in un popolo che confida nel contemporaneo adempimento della civica missione da parte di ognuno, e che diffida, a ragione, delle fatue speranze in taumaturgiche personalità.” (Il-lezzjoni li wieħed jieħu waqt li janalizza sew ħajtu, ħsibijietu, l-azzjoni ta’ De Gasperi hija għalhekk lezzjoni ta’ ideat ċari, ta’ pożizzjonijiet sodi fl-objettivi, fir-rispett lejn l-avversarji, ta’ kuxjenza retta fid-dmirijiet u drittijiet ta’ kull persuna, u li ma tafdax fil-wegħdiet fiergħa ta’ dawk li jingannaw.)

Kien iebes

6. De Gasperi kien f’dan bniedem tad-dover. Deċiż li jwettaq is-sewwa u li jqiegħed il-pedamenti għall-futur. F’dan huwa proprju l-mument li wieħed jirrifletti fuq il-missjoni li wettaq. Li wieħed f’dan iħares lejn il-passat biex jispira ruħu fil-preżent. Li jifhem li fil-mument tal-bidla, fit-tmiem ta’ dittatorjat, wieħed għandu bżonn bnedmin b’dawn il-kwalitajiet. Fanfani f’dan jirrikonoxxi aktar li s-sagrifiċċji li saru minnu kienu biex id-dinja tkun aħjar. Huwa jidentifikahom hekk: “... gioia per la libertà riconquistata, preoccupazione di consolidarla; fierezza per la rinata democrazia e vivo desiderio di vivicarla; ardente sete di giustizia e fermo proposito di renderla al popolo, volontà di progresso.” (... ferħ fil-libertà miksuba lura, ħsieb biex tiġi kkonsolidata, kburi li twieldet mill-ġdid id-demokrazija u xewqa qawwija biex tieħu lura l-ħajja; għatx għall-ġustizzja u determinazzjoni biex tingħata lill-pajjiż, sejħa lejn il-progress.)

Ideali

7. F’dan, għalhekk, huwa sewwa u xieraq verament li niftakru u nfakkru dak li De Gasperi u Fanfani wettqu, u fl-istess ħin nittamaw li oħrajn jieħdu eżempju. Aktar u aktar f’dan ix-xahar. Dak li waqtu nirreġistraw li tul din is-sena għandna nifirħu u niftakru li s-Sirja hija issa libera. Fl-istess ħin li nittamaw li ħidmet id-dinja demokratika għandha tkun dik li tgħin sabiex dan il-proċess ma jieqafx. Fuq kollox, li jiġu sostnuti bnedmin validi. Dawk li huma kif kien De Gasperi: “Rivoluzionario di cose e di sistemi, non violentatore di libertà.” Nittamaw f’dan ferm aktar f’dak li ġej sabiex is-sewwa u l-futur f’dik l-art jibdew mingħajr iktar tfixkil jew indħil.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...