18.12.24

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt fuq il-pożizzjoni politika. Kif ngħidu: riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa. Il-pajjiż u aħna stess għadna ma nistgħux nidraw dak li ġara. Il-mument jixraq li jiġi ċelebrat u fl-istess ħin hu wieħed li jwelled l-ideat. Il-poplu għadu ma jistax jemmen x’seħħ. Irid jieqaf u jkompli jifraħ u fl-istess ħin jagħraf li f’xi mument irid jaffronta l-futur tiegħu. Id-domanda rilevanti għalihom hija: x’ser tkun it-tmexxija għada pitgħada meta l-festini jieqfu u jkun irid jibda x-xogħol ta’ rikostruzzjoni? Min ser imexxi, u kif? Min ser ikun kapaċi jidderieġi, u fl-istess ħin jieqaf lil dawk li għandhom interess li dan il-poplu ġeneruż ifalli?

Dayr al-Zur

2. Stat demokratiku f’dak il-pajjiż huwa dak li ċertament jixraq. Aktar u aktar meta diversi miljuni mxerrda mad-dinja jafu din xi tfisser u ma jarawx ħajja differenti għalihom. Iżda r-realtà hija li b’sistema demokratika l-pajjiż ikun ta’ theddida għall-pajjiżi ġirien li mhumiex demokratiċi; anzi parti mis-sistema dittatorjali li għal dawn l-aħħar ħamsin sena l-familja ta’ al-Assad ħakmet. Kienu komdi jeżerċitaw it-tirannija. Issa le. Hemm f’dan però għatx kbir li jkun hemm bidla vera. F’dak il-proċess li mill-2012 beda f’dan il-post minn ftit persuni. Biss, altru d-diffikultà xejn faċli li tneħħi tirannija u dittatur, u altru li tibni wara. Kif u min ser jirbaħ b’intelliġenza kultura politika u soċjali li għal dawn is-snin il-kelma ‘demokrazija’ setgħu biss semgħu biha. Kif iġġibha tibda u taħdem hija verament sfida li kif nafu ulied Sirjani waħedhom, mingħajr indħil jew lezzjonijiet imma biss b’appoġġ veru, jistgħu jwettqu.

F’din is-sena


3. Argument politiku attwali għax sa issa rajna kif minkejja l-ispirtu liberu tal-poplu, flok ġieb id-demokrazija mid-dittatura, ġieb bidla fid-dittatur. Sibt iktar ispirazzjoni dwar dan waqt li qiegħed naqra ktejjeb bit-titolu sempliċi ta’ Ideali e Azione di Alcide De Gasperi (1974) dwar numru ta’ diskorsi ta’ Amintore Fanfani (1908-1999). Żewġ mexxejja Demokristjani li servew lil pajjiżhom sew u mexxewh ’il quddiem. L-iktar l-ewwel wieħed fil-mument deċiżiv. De Gasperi (1881-1954), li din is-sena fakkarna s-sebgħin sena minn mewtu, kien il-bniedem li kellu l-abbiltà li poplu li kien maħkum mid-dittatorjat Faxxista għal aktar minn għoxrin sena rnexxielu jieħdu lejn id-demokrazija. Kien għaqli, attent, ippreparat u deċiż li jara li l-kultura politika tinbidel. Ma kienx hemm bdil fid-dittatur, imma fis-sistema. Dak li serva f’dik il-fażi delikata u determinanti biex kemm il-poplu, kif ukoll il-pajjiż, ikun lura liberi.

Il-ktejjeb

4. Fil-ktieb illum, ħamsin sena wara, hemm sitt diskorsi li saru tul is-snin minn Fanfani, mimlija riflessjonijiet. Huwa wkoll kien Demokratiku Kristjan u parti mit-tieni ġenerazzjoni ta’ dawk li għaddew minn taħt il-kefrija tal-Faxxiżmu. Persuna li din is-sena wkoll infakkru l-ħamsa u għoxrin sena minn mewtu. Bniedem mimli enerġija u serva diversi drabi fil-kariga ta’ Prim Ministru ta’ pajjiżu u f’karigi ministerjali varji. Ħaqqu li wieħed ifakkru, l-iktar għax kien kapaċi, ma’ oħrajn, li jżommu l-ispirtu demokratiku għaddej u jissudaw aktar dak li De Gasperi kien beda. Taħtu saru diversi miżuri soċjali. Diversi deċiżjonijiet fit-tkabbir ekonomiku seħħew ukoll. Siltiet ta’ ħidma li minn dawn id-diskorsi wieħed jagħraf aktar kemm kien ipprattikahom De Gasperi. Huwa jgħid li kien il-protagonista fil-ħajja nazzjonali f’żewġ punti: “... quello della ricostruzione democratica e quello delle riforme sociali.”

Ideat

5. Laqtuni numru ta’ punti li biex Fanfani seta’ jagħrafhom f’De Gasperi jfisser li kienu parti sħiħa minnu. Fost l-oħrajn, huwa jgħid hekk: “La lezione che si apprende scrutando la vita, il pensiero, l’azione di De Gasperi è quindi una lezione di chiarezza nelle idee, di fermezza negli obiettivi, di rispetto degli avversari, di virile coscienza dei propri diritti e dei propri doveri, di fiducia in un popolo che confida nel contemporaneo adempimento della civica missione da parte di ognuno, e che diffida, a ragione, delle fatue speranze in taumaturgiche personalità.” (Il-lezzjoni li wieħed jieħu waqt li janalizza sew ħajtu, ħsibijietu, l-azzjoni ta’ De Gasperi hija għalhekk lezzjoni ta’ ideat ċari, ta’ pożizzjonijiet sodi fl-objettivi, fir-rispett lejn l-avversarji, ta’ kuxjenza retta fid-dmirijiet u drittijiet ta’ kull persuna, u li ma tafdax fil-wegħdiet fiergħa ta’ dawk li jingannaw.)

Kien iebes

6. De Gasperi kien f’dan bniedem tad-dover. Deċiż li jwettaq is-sewwa u li jqiegħed il-pedamenti għall-futur. F’dan huwa proprju l-mument li wieħed jirrifletti fuq il-missjoni li wettaq. Li wieħed f’dan iħares lejn il-passat biex jispira ruħu fil-preżent. Li jifhem li fil-mument tal-bidla, fit-tmiem ta’ dittatorjat, wieħed għandu bżonn bnedmin b’dawn il-kwalitajiet. Fanfani f’dan jirrikonoxxi aktar li s-sagrifiċċji li saru minnu kienu biex id-dinja tkun aħjar. Huwa jidentifikahom hekk: “... gioia per la libertà riconquistata, preoccupazione di consolidarla; fierezza per la rinata democrazia e vivo desiderio di vivicarla; ardente sete di giustizia e fermo proposito di renderla al popolo, volontà di progresso.” (... ferħ fil-libertà miksuba lura, ħsieb biex tiġi kkonsolidata, kburi li twieldet mill-ġdid id-demokrazija u xewqa qawwija biex tieħu lura l-ħajja; għatx għall-ġustizzja u determinazzjoni biex tingħata lill-pajjiż, sejħa lejn il-progress.)

Ideali

7. F’dan, għalhekk, huwa sewwa u xieraq verament li niftakru u nfakkru dak li De Gasperi u Fanfani wettqu, u fl-istess ħin nittamaw li oħrajn jieħdu eżempju. Aktar u aktar f’dan ix-xahar. Dak li waqtu nirreġistraw li tul din is-sena għandna nifirħu u niftakru li s-Sirja hija issa libera. Fl-istess ħin li nittamaw li ħidmet id-dinja demokratika għandha tkun dik li tgħin sabiex dan il-proċess ma jieqafx. Fuq kollox, li jiġu sostnuti bnedmin validi. Dawk li huma kif kien De Gasperi: “Rivoluzionario di cose e di sistemi, non violentatore di libertà.” Nittamaw f’dan ferm aktar f’dak li ġej sabiex is-sewwa u l-futur f’dik l-art jibdew mingħajr iktar tfixkil jew indħil.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...