1. F’pajjiżna ġew diversi bnedmin ta’ kultura jgħixu magħna. Min fil-qosor u min ftit iktar fit-tul. Iddur fejn iddur issib dak li ħallewlna dawn il-persuni, li ħallew marka fl-istorja kulturali tal-Ewropa u tad-dinja. F’dan ċertament għandna x-xorti li ħafna minn dak il-patrimonju baqa’ hawn ukoll. Ma ġiex misruq jew ittieħed minn dawk li ddominawna. Però, huwa f’dan ukoll veru li sija l-Kavallieri ta’ San Ġwann, kif ukoll l-Imperu Ingliż servew bħala kalamiti għalihom. Artisti, kittieba, akkademiċi verament varji ġew biex jaraw dak li kellna. Persuni ta’ skola li apprezzawna. Fehmu l-preżenza tat-tempji, il-palazzi u l-knejjes varji li nbnew. Warajhom ħallew għalina pitturi u opri varji.
Ankri
2. Dan kien ta’ ġid għalina. Ġid li għadna sal-lum il-ġurnata fil-pussess tat-teżori li kienu tagħhom u li llum hum tagħna. Fil-patrimonju artistiku m’aħniex, f’dan il-wirt partikolari, neqsin. Tmur fejn tmur fil-knejjes tagħna, issibhom jistennewk. Ħafna drabi fil-ġenb, silenzjużi, mhux dejjem apprezzati minna fuq din l-art waqt li huma għad-dispożizzjoni tagħna. Forsi wkoll wieħed jista’ jargumenta li hemm telfien fil-memorja kollettiva. Fis-sens li ta’ qabilna kienu jafu u ma kienx hemm bżonn spjegazzjonijiet li minflok, issa, hemm bżonn ta’ aktar. Informazzjoni li mhux dejjem hija disponibbli fil-preżent, imma li tkun ta’ vantaġġ jekk tingħata. Ikun dejjem aħjar li nkunu nafu dak li għandna. Ikun aqwa jekk napprezzawhom u ninsistu u nirsistu sabiex jiġu apprezzati.
Jafu sew
3. F’dan wieħed irid jgħid li nammiraw lil dawk il-pajjiżi, dawn il-bliet li jiftaħru bil-preżenza passata ta’ dawn l-artisti u bnedmin tal-arti. Għandhom wirt uniku u jridu jgawduh u jesponuh. F’diversi bliet kelli l-okkażjoni li nidħol f’mużewijiet dedikati lil dawn il-bnedmin speċjali. Jirnexxilhom jaqbdu viżitaturi għalihom mill-partijiet kollha tad-dinja. Dan mhux biss għax jagħrfu jikkonċentrawhom u jesponuhom f’post wieħed, imma iktar minn hekk jispjegaw. Jgħaddu l-informazzjoni, id-dettalji, u jsiru huwa wkoll ċentri ta’ studju u speċjalizzazzjoni. Sabiex min imur, wara joħroġ mimli b’esperjenza unika li b’xi mod tibqa’ mmarkata fil-memorja tiegħu. Dak li jwettqu oħrajn, ċertament aħna kapaċi nagħmlu bħalhom, jekk mhux aħjar. Iktar u iktar għax għandna kollezzjonijiet varji preżenti, jistennew l-appuntament tagħhom mal-futur.
San Andrea della Valle
4. Dan ġieni f’rasi waqt li kont f’din il-knisja mill-isbaħ ġewwa Ruma. Kien hemm l-istatwa ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun esposta b’mod prominenti għad-diversi turisti li jidħlu fiha. Imma f’dak il-post mimli bl-arti, hemm ukoll numru ta’ affreski tal-pittur magħna magħruf sewwa, Mattia Preti. Dawk marbuta mal-ħajja u l-martirju tal-Appostlu Sant’Andrija, u li ġew esegwiti minnu bejn l-1650 u l-1651. Ftakart mill-ġdid kemm aħna għandna pitturi tiegħu. Kemm ħadem hawn mill-1658 meta ġie hawn għall-ewwel darba, sat-3 ta’ Jannar 1699, meta ġie nieqes u ġie midfun fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Mertu tal-Kavallieri u l-ispirtu taż-żmien irċieva kummissjonijiet varji. Dawk li esegwixxa u jinsabu magħna llum.
Isem magħruf
5. Ma nħossx li għandi nagħmel elenku ta’ dak li diversi kittieba kitbu dwar ħidmietu. Nemmen li ħafna jafuh. Jafuh fl-id mill-aqwa tiegħu. Però ċert li f’dan ukoll dawn jixtiquh apprezzat aktar milli fil-fatt huwa. Anzi jħossu li għandu jkun espost ferm aħjar milli huwa. Diversi drabi ssirlu inġustizzja. Nippreferu bi preferenza assoluta lil Michelangelo Merisi da Caravaggio (1571-1606), li ċertament huwa fost l-aqwa, imma li fil-fatt ħalla ftit pitturi magħna minn dawk li hu tant ħadem. Nippreferuh, u kważi kważi niddubitaw mill-abbiltajiet kbar tiegħu. F’dan qisu għandna bżonn naqraw il-kotba voluminużi li diversi Maltin bħalna kitbu biex ifaħħruh u jispjegawh. Kemm f’dan aħna xxurtjati li għandna dawn il-bnedmin intelliġenti. Dawk li tieħu pjaċir tiltaqa’ magħhom u tismagħhom jitkellmu b’tant imħabba fuq dan il-pittur għal qalbna.
Hemm il-pedamenti
6. F’dan ngħid li għandna l-bażi diġà lesta sabiex nagħrfuh ferm iktar. Ngħid li wasal il-mument li jkollna post dedikat biss għall-pittura ta’ Mattia Preti. Ikollna mużew li fih, dak li qiegħed jiġi espost ma’ oħrajn, isir separatament. Wasal iż-żmien li nidentifikaw binja, fil-Belt fejn kellu dar, forsi wkollf’wieħed mill-palazzi li għandna, li jippermettu li dan isir. Ngħid li f’dan hemm ferm aktar u aktar ta’ importanza, u dan dejjem jekk irridu ninvestu sewwa fil-futur. Ħa jkun parti minn deċiżjoni strateġika marbuta mal-bżonn kostanti tagħna li niġbdu aktar turisti ta’ kwalità. Ħa jkun f’dan ġojjell ieħor li nistgħu ngawduh f’Belt li m’għandhiex tkompli titlef mill-valur tagħha. Belt li qed iżżid aktar fid-doża li tkun ċentru ta’ divertiment, milli waħda ta’ valur kulturali.
Il-Kultura
7. F’dan wieħed irid jirrimarka li huwa aktar determinanti għall-futur ta’ pajjiżna li nieħdu deċiżjonijiet strateġiċi bħal dawn. L-ewwel għax jaqbel u huwa sew li jkollna mużew għax dan huwa tajjeb fih innifsu. It-tieni għax inġibu aktar ’il quddiem il-ġid tagħna, u t-tielet għax permezz ta’ dan jirnexxilna nippjanaw aħjar is-settur turistiku tagħna. Hija forma ta’ karambola li ġġibna lkoll nifhmu dak li għandna. Proprju f’dan għandu jibqa’ jkollna ħarsa ta’ tama lejn il-futur. Proprju aktar għalija tama li fil-futur qasir ikollna mużew nazzjonali ddedikat lil Mattia Preti. Nittama li jkollna s-sodisfazzjoni li dan narawh mibni u ma ndumux.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment