1. Il-ġimgħa li ġejja, pajjiżna ser ikun qiegħed jieqaf biex ifakkar Jum ir-Repubblika. F’mument partikolari: dak tal-ħamsin sena minn meta l-Parlament tagħna ddeċieda li għandna nimxu fuq din it-triq. Din id-dikjarazzjoni politika u legali kellha l-effetti tajbin tagħha. Pass ieħor ’il quddiem, li jikkonsolida dak preċedenti tal-Indipendenza. It-tnejn huma importanti għalina u jridu jiġu rispettati u ċelebrati. Proprju għax huma parti minn dak li aħna u parti wkoll mill-proċess storiku li ninsabu fih illum. Huwa ċertament żbaljat min jaħseb, jew għadu f’nostalġiji passati, li ma kellniex inkunu għaddejjin kif aħna. F’ħafna qtajna u naqqasna d-dipendenza li kellna u fl-istess stajna, kif għadna, nistgħu niddeċiedu aħna għal dak li għandna verament bżonn. Deċiżjonijiet ta’ Maltin fuq il-Maltin.
It-tnejn
2. Fir-realtà, tul din is-sena t-tnejn kienu mumenti importanti. Sittin sena mill-Indipendenza u ħamsin sena mir-Repubblika. It-tnejn jimxu id f’id. It-tnejn ġiebu l-forzi politiċi ewlenin fil-pajjiż biex jagħrfu l-pedamenti li ġew kostitwiti bihom. Biss wieħed għandu jinnota li l-mod ta’ kif ġew organizzati ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom ma kienx proprju viċin li jkunu ugwali. Ngħid li kienet f’dan opportunità għal min qiegħed imexxi f’dawn il-gżejjer li jaħtaf tali dati biex juri li jafferma unità nazzjonali. Sfortunatament, b’dak li ġara l-messaġġ ħareġ li waħda, dik tar-Repubblika, hija aktar ħaqqha li tiġi mfakkra mill-oħra, bi flejjes u okkażjonijiet varji b’fondi qawwija minfuqa. Dik tal-Indipendenza ma ratx daqshekk sforz da parti tal-Gvern. F’dan tqajjem direttament jew indirettament il-punt li waħda hija kisba ta’ naħa politika, u l-oħra tan-naħa l-oħra. Meta fil-fatt huma tat-tnejn. Aktar u aktar meta fil-vot dwar ir-Repubblika, il-vot m’għaddiex biss b’dak tal-Partit Laburista, imma wkoll b’parti sostanzjali ta’ dak Nazzjonalista.
Għarfien
3. F’dan hemm bżonn ikbar li wieħed jifhem li nappartjenu għal sistema demokratika. Waħda li titlob li jkun hemm iktar mumenti fejn nirreġistraw għaqdiet nazzjonali milli dawk ta’ diviżjoni. Min jiġi minn barra minn xtutna jew jaqra dwarna għandu jieħu l-messaġġ li hawn unità, u mhux il-kontra. Iktar u iktar punt validu fi klassi politika fejn il-poplu, skont l-aħħar sondaġġi, qiegħed jesprimi inqas fiduċja fihom. F’dan kollu hemm sfida li trid tintrebaħ. Dik li tassigura li ma jkunx hemm iktar kliem dispreġġjattiv mgħoddi fil-konfront ta’ dawk involuti, imma apprezzament. Kull deputat jiġi bil-kaxxa tiegħu, fit-tajjeb u f’inqas. Meta nispiċċaw f’kompetizzjoni fuq kemm kapaċi ngħajru jew inċekknu lil ħaddieħor, niżbaljaw. Qegħdin naġixxu ħażin u ma napprezzawx li, fl-aħħar mill-aħħar, irridu nixorbu mill-ilma li qed jiġi mdardar.
Proċess
4. F’dawn il-jiem ser nisimgħu u naqraw li mxejna f’dawn il-passi. Dawk li minn kolonja ħaduna għall-Indipendenza u li minn monarkija ħaduna għal Repubblika. Proċess li ġie affermat u sostnut proprju minħabba l-fatt li kellna d-demokrazija. Kienet u għadha din is-sistema li qegħda tafferma u tmexxi ’l quddiem. Waħda li ċertament kibret fil-qies u fil-kwalità. U kien għax għamlet dan il-proċess ta’ żvilupp li għolew il-marki tal-livelli tal-komportament li nippretendu minn dawk fil-politika. Dak li qabel seta’ kien b’xi mod ‘aċċettabbli’, jew li ma konniex nisimgħu wisq bih, illum m’għadux aktar hekk. Għax sirna aħjar milli konna, allura kapaċi nifhmu iktar. Dan huwa dak li l-poplu tagħna mexa fih. Huwa hu li qiegħed jitlob livelli aktar għolja għax ġie edukat aktar u sar jifhem aktar minn qabel.
Quddiem jew lura
5. F’dan naħseb li proprju bid-demokrazija li kellna u li kienet qegħda topera sittin u ħamsin sena ilu li mxejna ’l quddiem. Ma hemmx dubju, u wieħed jista’ jafferma mill-ġdid u jagħraf li pajjiżna ggwadanja għax huwa mmexxi minn niesu. Diversi deċiżjonijiet li ttieħdu u li jittieħdu jmexxuna iktar ’il quddiem f’linja ta’ ħidma li tmexxina lejn il-futur. Biss, biex din tkun verament ikkonsolidata rridu nifhmu li ma nistgħux immorru lura mill-valur u l-kwalità tad-demokrazija tagħna. F’mumenti jkun hemm min jaħseb li għandu xi dritt li jieħu l-proċess lura. Li mmorru lejn forom ta’ oligarkija, u wara, lejn monarkija. Il-poter fil-pajjiż jitmexxa bil-bażi demokratika biex jirnexxi. Meta jsir b’mod monarkiku, iseħħ żball. Kull persuna fil-poter jew f’pożizzjonijiet istituzzjonali jrid jifhem li huwa transitorju u mhux permanenti. Proprju f’dan, biex immorru ’l quddiem u mhux lura, irridu li l-kultura demokratika tikber sabiex ħadd ma jibqa’ jaħseb li huwa għal dejjem, jew li l-pajjiż huwa jew renju ta’ naħa politika, jew ta’ oħra.
Ħamsin sena
6. Għaddew diġà dawn is-snin. Nittamaw li jgħaddu ferm iktar. Nittamaw li jifhmu li aħna kapaċi proprju għax minkejja d-daqs tagħna xorta kapaċi niddeċiedu sewwa. Xorta kapaċi mmexxu ’l quddiem ekonomikament u soċjalment. Xorta għandna l-abbiltà li jkollna bnedmin li nikkoltivaw biex isersu lil pajjiżna. F’dan iktar huwa dmir taż-żewġ partiti li jifhmu li għandhom id-dmir jiffurmaw politiċi tajba għax huma forma ta’ skola politika ħajja. Fejn lezzjoni prinċipali għandha tkun li wieħed jirrispetta l-avversarju politiku. Fejn jikkritika l-opinjoni, imma mhux il-persuna. Fuq kollox li f’dan il-mument storiku ma jaqax għat-tentazzjoni li jweġġa’ u juża kliem dispreġġjattiv. Għandi tama li tielgħa klassi politika li tifhem dan. F’dan għandi tama u fiduċja fid-demokrazija li ser tirnexxi biex żbalji bħal dawn jieqfu u ma jirrepetux iktar ruħhom.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment