12.12.24

FIX-XITWA GĦARBIJA

1. Għadda kollox lura minn taħt il-għajn. Dak li beda fl-2011 jidher li ġie fi tmiemu. Wieħed drammatiku u li ftit setgħu jbassru, imma li rrenda tibdil qawwi fix-xenarju tal-medju-orjent li diġà għandu l-konsegwenzi immedjati. Dak il-proċess, dak li nittamaw li huwa verament wieħed ta’ liberazzjoni u li beda f’dik li kienet magħrufa bħala r-“Rebbiegħa Għarbija”, ġie fi tmiemu. B’diversi jitilfu ħajjithom fil-kunflitt intern li żviluppa. Bil-bliet li ġew ridotti fix-xejn fid-distruzzjoni li l-armi sofistikati tal-lum joħolqu. Fejn Sirjan ikkumbatta Sirjan triq triq, dar dar. Fejn forzi esterni ndaħlu biex fuq naħa jippruvaw jibdlu l-affarijiet u fuq in-naħa l-oħra jippreservawhom.

Is-Sirja

2. F’dan kien hemm raġuni fundamentali li mexxiet lill-poplu biex iqum kontra min kien qiegħed imexxi d-dittatorjat. Il-kefrija li rajna minn diversi mexxejja fl-2011 fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fil-Libja wasslet għal mewġa qawwija u rivoluzzjonarja. Waħda li ħalliet diversi persuni mejta warajha. Waħda li neħħiet lid-dittaturi li rat quddiemha, iżda mhux neċessarjament id-dittatorjat innifsu. Wisq inqas id-dħul ta’ xi forma ta’ demokrazija. Biss, l-għajta għal-libertà mill-atroċitajiet sfugat f’dak li rajna u segwejna. Diversi kellhom ħafna tamiet. Diversi oħra bassru li ser jinfetaħ bieb ġdid għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u r-rispett fid-dinjità umana li dawk ir-reġimi ma kinux qed jirrispettaw.

Bashar al-Assad (1965)

3. Dak li seħħ f’bidliet ta’ ismijiet u ta’ reġimi ma sarx fis-Sirja. Wara gwerra ċivili qawwija, l-affarijiet ma rsolvewx ruħhom f’bidla. Id-dittatorjat ta’ dan il-bniedem ġie salvat biex kompla għaddej fit-triq ħażina li kellu. Ftit kienu jippretendu li dan it-tabib, imrobbi barra mill-pajjiż, kien ser jaqbad u jkompli fit-toroq li sab u li ma bidilx. Kien hemm żmien meta kien hemm it-tama li kien ser jagħmel minn dan il-post sabiħ wieħed modern, li jista’ jimxi id f’id ma’ prosperità fil-ġid komuni ta’ niesu. Minflok, ir-ripressjoni baqgħet u ssaħħet. Ħafna Sirjani ġew ippersegwitati u sabu ruħhom iridu jaħarbu biex isalvaw ħajjithom. Ħafna nqatlu bl-aktar mod krudili, fit-tortura. Diversi oħra spiċċaw f’ħabsijiet politiċi. Inkitbu stejjer u diversi nqraw.

Bidla sew

4. F’dan kollu, it-tmiem ta’ dan ir-reġim ċertament nisperaw li jabad it-triq it-tajba. Biss, qabel irridu nikkunsidraw żewġ punti fil-livell tal-bidla. L-ewwel dak li seħħ fil-fatt li l-alleati li sostnewh sew: il-Federazzjoni Russa, l-Iran u l-Heżbollah ma baqgħux f’pożizzjoni militari li jagħtuh sostenn. Huwa magħruf kemm dawn kienu preżenti fil-kamp tal-battalja qabel, u kemm kienu determinati sabiex il-pożizzjoni tibqa’ l-istess. Huwa sinjal ċar li hemm punti ta’ dgħjufija li żvolġew, bir-Russja kkonċentrata fuq il-gwerra fl-Ukrajna, u t-tnejn l-oħra fuq Iżrael. Twieled żbilanċ fil-forzi li ġieb dan kollu f’daqqa.

Min ser jimla l-ispazju politiku

5. It-tieni f’dak li ser iseħħ issa fit-tmiem tar-reġim. Diversi ma basrux bidla daqshekk veloċi. Biss jidher evidenti li Recep Tayyip Erdogan (1954) xamm sew x’kien qiegħed iseħħ u kif kien miftuħ il-mument tal-bidla. Għax għalkemm huwa magħruf li dawk li qamu fl-2011 kellhom l-appoġġ tal-Istati Uniti tal-Amerika u oħrajn viċini, din id-darba huwa ċar li t-Turkija kienet fil-kontroll. F’dan huwa magħruf li kien hemm involviment varju ta’ dan il-pajjiż f’dawn it-tlettax-il sena. Imma issa kien il-mument effettiv li bih spiċċa kollox fir-reġim ta’ Bashar al-Assad. F’dan huwa mistenni li dan il-pajjiż jaf ikollu sew sehem importanti fil-futur u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż.

Ahmed Al-Sharaa (1982)

6. It-Turkija hija dik li rat il-bidu ta’ operazzjoni minuri tiżviluppa minflok f’waħda li fi ħdax-il jum rat il-bidla li ġiebet fuq quddiem lil dan il-mexxej, Al-Sharaaa, magħruf ukoll bħala Abu Mohammed Al Jolani. Persuna li għalkemm mhux immexxi minn Ankara, jidher li qiegħed ikun f’dawn il-mumenti attent f’dak li jwettaq. Biss dan kollu huwa wieħed li jista’ jagħraf li huwa f’dan ukoll proċess li jaf iġib lura d-dħul ta’ diversi rifuġjati li jinsabu mxerrda mad-dinja. Bit-Turkija li ser tafferma kontroll f’parti mir-reġjun li fih il-preżenza tal-Kurdi, xejn ħbieb ta’ Erdogan, imma li huma protetti mill-Istati Uniti. F’dan però, għalhekk, irridu wkoll naraw aktar jekk dan huwiex ser iservi ta’ bini ta’ sistema politika oħra li timxi, forsi b’diffikultà, lejn dawk viċin il-passi demokratiċi jew le.

Paġna ġdida

7. Dak li seħħ jaf ikollu wkoll żewġ toroq oħra li jistgħu jittieħdu. Fuq naħa pajjiż lura lejn l-istabilità li jagħraf li għandu jfittex il-paċi ’l bgħid mill-kunflitti li huma għaddejjin viċin tiegħu. Ifittex li jibgħat il-messaġġi attenti lil dawk li kienu kontra sabiex il-gwerra ċivili tieqaf kompletament. Fuq l-oħra, jekk minflok huwiex ser ikun bażi sabiex fejn ikun hemm attakki differenti f’aġendi oħra, sija kontra Iżrael, kif ukoll kontra dawk li ma kinux ħbieb jew alleati tar-reġim ta’ al-Assad. F’dan ix-xenarju wieħed għalhekk irid ikun ferm aktar viġilanti. Dan sabiex dak li beda fl-istaġun tar-Rebbiegħa ma jispiċċax issa lura f’dak Xitwi.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...