1. Kull persuna titwieled bi skop. Kull persuna hija rilevanti, importanti, u għandha sehem determinanti x’tagħti tul ħajjitha. Is-soċjetà, l-Istat, fuq in-naħa l-oħra għandhom sehem ieħor. Għandhom id-dmir li jassiguraw li ebda persuna ma tintilef. Ebda waħda ma tiġi miżmuma jew imfixkla fl-użu tajjeb tat-talenti naturali tagħha, li mill-bidu għandha fi ħdanha. Id-dmir li toħloq ambjent fejn tħajjar lil dak li jkun li jipparteċipa attivament. Ma jkissirx lilu nnifsu, imma jassigura li jkun aktar huwa nnifsu. Aktar u aktar meta nafu li l-bnedmin huma mmarkati b’imħabba lejn dak li huwa sewwa. Iġorru s-siġill intern għall-ferħ, fl-iżvilupp u fl-abbiltà li jkunu kreattivi.
Ilum sfida
2. Illum din hija sfida fis-soċjetà tagħna, li flok qed tikkumbatti t-tixrid tad-droga tidher li trid tibgħat messaġġi kuntrarji. Hemm xenarju li żviluppa f’dawn il-gżejjer li qatt ma kellna bħalu qabel: dak li fih qed insibu b’ferm iktar qawwa l-preżenza tad-drogi mas-saqajn. Tmur fejn tmur, titkellem ma’ min titkellem, ħlief fuq dan ma tismax. Fuq widnejk tmiss mal-inkwiet ta’ diversi ġenituri li qed jaraw id-dinja tagħhom tinqaleb ta’ taħt fuq. Dawk li huma nkwetati fuq naħa b’dak li jista’ jseħħ lil uliedhom jew lil ulied uliedhom, u dawk li qed jaraw diġà din it-traġedja fil-familja tagħhom. Ġidhom jintrema fil-kilba sabiex tinxtara d-droga f’ammonti dejjem ikbar fid-dipendenza li tinbena. Fejn il-paċi tispiċċa u l-attività umana tiċċentra biss kif twaqqaf u ġġib lura. Proprju f’dan qed niffaċċjaw realtà li diversi jriduna naħarbu minnha. Ninjorawha, qisha mhix hemm.
Żewġ każijiet
3. Fid-dawl ta’ dak li seħħ f’dawn is-snin permezz ta’ tibdiliet fil-liġi, il-messaġġ hemm barra ħareġ, żbaljatament, li ma hemm xejn ħażin li wieħed jidħol fid-dinja tad-droga. Dik li ssejħet bħala “riforma”, diversi drabi, taħt il-ħsieb, l-ewwel li ser iġġib kontroll; u t-tieni li ser taqta’ barra s-suq illegali, f’dan il-mument partikolari wieħed għandu jesprimi d-dubji serji u kbar tiegħu jekk dan kollu rnexxiex jew le. Waqt li għall-kuntrarju nfetaħ il-bieb fir-rigward tal-konsum tal-kannabis fil-limiti stabbiliti mil-liġi, jidher ċar li dan daħħal sitwazzjonijiet oħra. Dan għax, fil-verità, id-droga iktar qawwija ma naqsitx fis-suq intern. Anqas dawk li l-ewwel bdew bil-kannabis u jieqfu hemm. F’ħafna ġejna f’dak kollu li pprevediet il-Caritas, li taħdem direttament ma’ dawk li qed jippruvaw jikkumbattu magħhom infushom biex joħorġu minn dan il-vizzju. Kienet wissietna, u quddiem dak li seħħ f’dawn il-ġimgħat, issa jista’ jkollna stampa ferm aktar ċara ta’ kif inhija s-sitwazzjoni.
Hawn suq qawwi
4. F’dan għandna nagħrfu li waqt li qed naraw ħafna artikoli dwar kemm ix-xenarju huwa riformat, fil-fatt hemm ukoll kriminalità organizzata li qed timraħ ġmielha. Għax il-fatt waħdu li kellek, l-ewwel kunsinna enormi ta’ eluf ta’ kili ta’ kokaina li nqabdet dieħla fuq naħa; u fuq in-naħa l-oħra t-tieni kunsinna ta’ kannabis dieħla hija wkoll għandu jiftħilna għajnejna. Is-soltu, dawn il-qabdiet kbar kienu jkunu sejrin fi swieq barranin oħra, u jidħlu hemm biex joħorġu fi swieq akbar. Imma din id-darba għandek kokaina, fil-valur stmat ta’ madwar għoxrin miljun ewro, preċiżament stmata għas-suq intern tagħna. Punt li jitlob riflessjoni. Ċertament, bl-isforzi kollha li jsiru mill-forzi tal-ordni, li qed jaħdmu kontra l-kurrent u bi ftit mezzi, dan mhuwiex każ uniku. Evidentement ifisser iktar li għall-perjodu festiv hawn min qiegħed jara li jista’ jiġbor mingħand ulied din is-soċjetà dawn il-flejjes kbar b’iktar faċilità. Għax jidher li hawnhekk twieldet kilba tant kbira li s-suq għalihom huwa garantit. Allura t-teħid tad-droga ma naqasx, anzi ċertament żdied tant li sirna pjazza daqstant kbira.
Fid-dell
5. Dawk li huma wkoll involuti fid-dinja tal-kannabis, naħseb li f’din l-aħħar kunsinna qed jaraw is-sinjal ċar li għall-kuntrarju ta’ dak li stajna ngħatajna x’naħsbu, dak is-suq illegali baqa’ għaddej sewwa u ma naqqasx. Baqa’ sod u qawwi, jekk ma tqawwiex aktar għax jista’ jitħallat ma’ dak li huwa legali “b’faċilità”. Li persuna ddaħħal bl-ajru kunsinna bħal ma rajna jfisser li hawn suq qawwi għaliha wkoll. Issa dan irid iktar riflessjoni quddiem il-fatt li wieħed jista’ jkabbar il-kannabis huwa stess. Ix-xenarju qiegħed juri li dawk li jitħajru, jew li jiġu mħajra jikkunsmawha, mhuwiex jonqos imma qiegħed jiżdied. Xenarju iktar ikkumplikat quddiem il-fatt li l-liġi titlob, kif qrajna, emendi oħra li diġà ġew proposti lill-Gvern sabiex l-abbuż tad-drogi hekk definiti legalment bħala “cannabinoid products” tinbidel biex tirrestrinġi. Ir-riforma trid hija stess tiġi riformata mill-ġdid, u hemm bżonn niddeċiedu lejn fejn sejrin.
Favur jew kontra
6. Fil-verità, l-esperjenza tas-sekli turi li fil-kamp tad-droga, jew inti favur jew inti kontra. Diffiċli ħafna jkollok sieq naħa u sieq in-naħa l-oħra. B’dak li rajna jiżviluppa f’dawn is-snin huwa ċar li fis-soċjetà tagħna qed nitilfu l-battalja biex inrażżnu u nikkontrollaw. Qed nitilfu ulied u bnedmin li jistgħu jagħtu ħidma tajba favur is-soċjetà. Battalja li trid issir, u dan dejjem jekk għandna f’qalbna b’mod għoli l-prijorità li nassiguraw li kull persuna tkun parti attiva fis-soċjetà, u mhux imwarrba fil-ġenb. Fejn il-flus li wieħed jaqla’ bl-għaraq ta’ ġbinu jinvestihom u jħaddimhom għall-ġid tiegħu u ta’ familtu u mhux, kif qed naraw dejjem aktar, dawn il-flus jidħlu fl-idejn tat-traffikanti tad-droga. Dawk li m’għandhomx wisq skruplu għar-rigward tal-futur ta’ pajjiżna. Dawk li anzi, b’dak li seħħ sabu li minflok għalaqna, ftaħnilhom il-bieb beraħ biex ikomplu bl-attività illeċita tagħhom.
Libertà
7. Ħafna jitkellmu dwar li jkunu liberati minn ħakmiet umani varji. Oħrajn, f’isimha, daħlu f’ħabsijiet mentali u umani tagħhom. Imma aktar, f’dan għandna lok għal soċjetà li hemm bżonn tibda tagħraf li għandha tibda l-ġlieda tagħha sabiex kull bniedem ikollu affermata fis-sod il-libertà mid-dipendenza tad-droga. F’dawn is-snin dħalna fi sqaq dejjaq u qegħdin immissu man-nar. Diversi huma f’infern, fl-oppressjoni li sabu meta qegħdin jgħixu fit-triq li d-droga trendi. Wasal aktar il-mument li flok naggravaw, nirrealizzaw, sabiex ikollna ferm aktar bnedmin liberi. Fis-soċjetà maħkuma li għandna, nittamaw li diversi jifhmu li hemm bżonn passi lejn riforma biex verament nilliberaw irwieħna.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
3.12.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment