Hija ċertament prijorità
2. F’dan jidher iktar ċar li f’dawn ix-xhur telgħet fil-wiċċ problema soċjali li akkumulat sew. Ġabret iktar kumplikazzjonijiet u sfidi milli qatt kellha qabel. Il-ġlieda kontra t-traffikar illegali tad-droga ilha għaddejja s-snin. Xi mindaqqiet kienet tkun aktar determinata minn drabi oħrajn. Imma kienet inbniet esperjenza fil-fatti, fl-istatistika, u l-iktar fl-imġieba tal-persuni nvoluti. Waħda li fuqha, minn żmien għal żmien inbniet, u mhux ġiet żarmata. Il-messaġġ ċar qabel kien dejjem li l-Gvern kien kontra kull forma ta’ traffikar ta’ droga. Mentri llum irridu naċċettaw li s-sitwazzjoni nbidlet ta’ taħt fuq. Il-messaġġ li qiegħed jiġi perċepit huwa li m’aħniex daqshekk deċiżi, u allura hemm issa politika li mhijiex daqshekk kontra u li lesta tagħlaq għajn.
Direzzjonijiet
3. Fuq dan proprju hawn ħafna li huma nkwetati. Dan għax qed jaraw li madwarhom hemm ferm iktar traffikar u attività umana marbuta mad-droga milli qatt kellhom qabel. U din qegħda ssir fl-apparenza ta’ libertà kbira. Tul dawn ix-xhur, diversi waqqfuni biex ikellmuni dwar dan. In-nies huma nkwetati sew. Imma issa, tul dawn il-ġimgħat, l-affarijiet ikkumplikaw iktar ruħhom. Fuq naħa sirna nafu bil-kwantità enormi ta’ droga li nqabdet dieħla lejn pajjiżna, destinata għas-suq lokali fil-miljuni – kważi tletin miljun. Sinjal ċar li dak li qiegħed iħoss il-poplu huwa veru fir-realtà. Sinjal akbar li kabbarna dipendenza ferm akbar milli qatt kellna fuq drogi li min jidħol għalihom diffiċli li joħroġ lura minnhom. U ma nistgħux naħsbu li huma biss dawk li ġejjin mill-bgħid ta’ xtutna li huma dipendenti. Ċertament hawn ħafna miċ-ċittadini ta’ dawn il-gżejjer.
Indawru l-arloġġ
4. Hemm min qiegħed jaħseb li dan huwa proċess irriversibbli. Wieħed li ma tistax treġġgħu lura, u għalhekk pajjiżna huwa kkundannat jibqa’ sejjer hekk sakemm id-droga kollha tiġi legalizzata biex indaħħlu aktar taxxi. Ma naqbilx ma’ dan. Għandna nagħrfu li mhux kollox huwa mitluf. Għandna nifhmu li hemm bżonn ta’ aktar riżorsi u li l-messaġġ politiku tal-Gvern tal-ġurnata jkun deċiżament kontra d-droga. Ebda tmexxija ma tkun f’postha jekk tippermetti li aktar bnedmin minn ħdanha jintilfu. Isiru dawk li ma tistax torbot fuqhom. Isiru dawk li ma jistgħux jaħdmu. Isiru aktar dawk li jarmu ġidhom u dak tal-familja tagħhom lil bnedmin li huma bla skruplu u li ħaqqhom kundanna.
Aktar fil-fond
5. Inqabdu dawn il-konsenji deħlin. Dan huwa tajjeb fih innifsu, imma nistaqsu: kemm hemm aktar li daħal, jew dieħel, li ma nafux bih? Kemm aktar miljuni hawn fis-suq bħalissa, li ma nafux bihom? Dwar dan, il-pajjiż fehem ferm aktar tul din il-ġimgħa. L-aħbar li nstab persuna, minn dawk li jibilgħu u jġorru fihom id-droga, mejjet, mimli bid-droga ġewwa fih, waqqfet pajjiż sħiħ. Fuq naħa l-istat makabru li nstab fih: imqatta’. Fuq l-oħra, aktar, li nqatel fl-isfond tat-traffikar tad-droga. Mhux biss, imma aktar minn hekk, fl-għarfien aktar kiefer li hawn diversi li qed jidħlu u jġorru. Bnedmin, li fil-faqar tagħhom, jippruvaw jaqilgħu għixien b’dan il-mod. Traffikar li jidher li ħadd m’huwa jidentifika. Flus kbar, li bihom nies jitilfu l-għaqal u jinxtraw.
Leġittimu
6. F’dan kollu, huwa aktar milli leġittimu li nistaqsu: x’qiegħed jiġri f’dawn il-gżejjer? Nistaqsu jekk inżilniex daqshekk fil-fond li ħadd ma jrid jitla’ ’l fuq? Nistaqsu jekk tlifniex il-boxxla soċjali tagħna? Nistaqsu jekk il-ġlieda kontra t-traffikar hijiex tittieħed, jew hijiex ser tibda tittieħed, bis-serjetà? Nistaqsu aktar għala l-pariri tal-Caritas u ta’ oħrajn li kienu ngħataw ġewx, jew għadhomx qed jiġu njorati? Nistaqsu sew fejn ninsabu u ninsistu li l-linja politika għandha tinbidel. Nistaqsu aktar biex dak li qiegħed jinħeba minna joħroġ għad-dawl. Nistaqsu ferm aktar sabiex ikollna iktar informazzjoni u fatti biex nifhmu t-traġedja li ninsabu fiha u għalhekk, x’verament qiegħed jiġri.
No comments:
Post a Comment