Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
3.12.24
PRETI FIL-FUTUR
Ankri
2. Dan kien ta’ ġid għalina. Ġid li għadna sal-lum il-ġurnata fil-pussess tat-teżori li kienu tagħhom u li llum hum tagħna. Fil-patrimonju artistiku m’aħniex, f’dan il-wirt partikolari, neqsin. Tmur fejn tmur fil-knejjes tagħna, issibhom jistennewk. Ħafna drabi fil-ġenb, silenzjużi, mhux dejjem apprezzati minna fuq din l-art waqt li huma għad-dispożizzjoni tagħna. Forsi wkoll wieħed jista’ jargumenta li hemm telfien fil-memorja kollettiva. Fis-sens li ta’ qabilna kienu jafu u ma kienx hemm bżonn spjegazzjonijiet li minflok, issa, hemm bżonn ta’ aktar. Informazzjoni li mhux dejjem hija disponibbli fil-preżent, imma li tkun ta’ vantaġġ jekk tingħata. Ikun dejjem aħjar li nkunu nafu dak li għandna. Ikun aqwa jekk napprezzawhom u ninsistu u nirsistu sabiex jiġu apprezzati.
Jafu sew
3. F’dan wieħed irid jgħid li nammiraw lil dawk il-pajjiżi, dawn il-bliet li jiftaħru bil-preżenza passata ta’ dawn l-artisti u bnedmin tal-arti. Għandhom wirt uniku u jridu jgawduh u jesponuh. F’diversi bliet kelli l-okkażjoni li nidħol f’mużewijiet dedikati lil dawn il-bnedmin speċjali. Jirnexxilhom jaqbdu viżitaturi għalihom mill-partijiet kollha tad-dinja. Dan mhux biss għax jagħrfu jikkonċentrawhom u jesponuhom f’post wieħed, imma iktar minn hekk jispjegaw. Jgħaddu l-informazzjoni, id-dettalji, u jsiru huwa wkoll ċentri ta’ studju u speċjalizzazzjoni. Sabiex min imur, wara joħroġ mimli b’esperjenza unika li b’xi mod tibqa’ mmarkata fil-memorja tiegħu. Dak li jwettqu oħrajn, ċertament aħna kapaċi nagħmlu bħalhom, jekk mhux aħjar. Iktar u iktar għax għandna kollezzjonijiet varji preżenti, jistennew l-appuntament tagħhom mal-futur.
San Andrea della Valle
4. Dan ġieni f’rasi waqt li kont f’din il-knisja mill-isbaħ ġewwa Ruma. Kien hemm l-istatwa ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun esposta b’mod prominenti għad-diversi turisti li jidħlu fiha. Imma f’dak il-post mimli bl-arti, hemm ukoll numru ta’ affreski tal-pittur magħna magħruf sewwa, Mattia Preti. Dawk marbuta mal-ħajja u l-martirju tal-Appostlu Sant’Andrija, u li ġew esegwiti minnu bejn l-1650 u l-1651. Ftakart mill-ġdid kemm aħna għandna pitturi tiegħu. Kemm ħadem hawn mill-1658 meta ġie hawn għall-ewwel darba, sat-3 ta’ Jannar 1699, meta ġie nieqes u ġie midfun fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Mertu tal-Kavallieri u l-ispirtu taż-żmien irċieva kummissjonijiet varji. Dawk li esegwixxa u jinsabu magħna llum.
Isem magħruf
5. Ma nħossx li għandi nagħmel elenku ta’ dak li diversi kittieba kitbu dwar ħidmietu. Nemmen li ħafna jafuh. Jafuh fl-id mill-aqwa tiegħu. Però ċert li f’dan ukoll dawn jixtiquh apprezzat aktar milli fil-fatt huwa. Anzi jħossu li għandu jkun espost ferm aħjar milli huwa. Diversi drabi ssirlu inġustizzja. Nippreferu bi preferenza assoluta lil Michelangelo Merisi da Caravaggio (1571-1606), li ċertament huwa fost l-aqwa, imma li fil-fatt ħalla ftit pitturi magħna minn dawk li hu tant ħadem. Nippreferuh, u kważi kważi niddubitaw mill-abbiltajiet kbar tiegħu. F’dan qisu għandna bżonn naqraw il-kotba voluminużi li diversi Maltin bħalna kitbu biex ifaħħruh u jispjegawh. Kemm f’dan aħna xxurtjati li għandna dawn il-bnedmin intelliġenti. Dawk li tieħu pjaċir tiltaqa’ magħhom u tismagħhom jitkellmu b’tant imħabba fuq dan il-pittur għal qalbna.
Hemm il-pedamenti
6. F’dan ngħid li għandna l-bażi diġà lesta sabiex nagħrfuh ferm iktar. Ngħid li wasal il-mument li jkollna post dedikat biss għall-pittura ta’ Mattia Preti. Ikollna mużew li fih, dak li qiegħed jiġi espost ma’ oħrajn, isir separatament. Wasal iż-żmien li nidentifikaw binja, fil-Belt fejn kellu dar, forsi wkollf’wieħed mill-palazzi li għandna, li jippermettu li dan isir. Ngħid li f’dan hemm ferm aktar u aktar ta’ importanza, u dan dejjem jekk irridu ninvestu sewwa fil-futur. Ħa jkun parti minn deċiżjoni strateġika marbuta mal-bżonn kostanti tagħna li niġbdu aktar turisti ta’ kwalità. Ħa jkun f’dan ġojjell ieħor li nistgħu ngawduh f’Belt li m’għandhiex tkompli titlef mill-valur tagħha. Belt li qed iżżid aktar fid-doża li tkun ċentru ta’ divertiment, milli waħda ta’ valur kulturali.
Il-Kultura
7. F’dan wieħed irid jirrimarka li huwa aktar determinanti għall-futur ta’ pajjiżna li nieħdu deċiżjonijiet strateġiċi bħal dawn. L-ewwel għax jaqbel u huwa sew li jkollna mużew għax dan huwa tajjeb fih innifsu. It-tieni għax inġibu aktar ’il quddiem il-ġid tagħna, u t-tielet għax permezz ta’ dan jirnexxilna nippjanaw aħjar is-settur turistiku tagħna. Hija forma ta’ karambola li ġġibna lkoll nifhmu dak li għandna. Proprju f’dan għandu jibqa’ jkollna ħarsa ta’ tama lejn il-futur. Proprju aktar għalija tama li fil-futur qasir ikollna mużew nazzjonali ddedikat lil Mattia Preti. Nittama li jkollna s-sodisfazzjoni li dan narawh mibni u ma ndumux.
20.7.23
FL-ISOLA DEI FAMOSI
1. Meta Napuljun Bonaparti (1769-1821) riedna. Meta l-Imperu Ngliż fehem il-vantaġġi militari ta’ dawn il-gżejjer. Meta konna parti mill-punt ċentrali li fihom il-potenzi ta’ dak iż-żmien ftehmu dwarna. Meta ġejna msemmija fit-Trattat ta’ Amiens tal-1812. Missirijietna fehmu aktar li pajjiżna huwa importanti u parti sħiħa mill-eventi Ewropej. Dak li seħħ mitejn sena ilu skorruti mmarka ħafna mill-ideat u l-kultura li għandna ngħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. Bnedmin b’identitajiet varji tagħhom, uħud jifhmu l-bżonn li tipproteġi dak li għandek u oħrajn li jridu jibdew kollox mill-ġdid, qisu ma għadda xejn qabilna.
Fil-Ftehim
2. Fl-ideat u fil-konklużjonijiet li diversi minnhom ma ġewx
implimentati, kien ċar li l-pożizzjoni strateġika tagħna fil-Mediterran,
bil-wirt storiku li kellna diġà akkumulat, kienet unika. Issemma li pajjiżna jmur lura f’idejn l-Ordni
tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, kif ukoll in-newtralità tagħna. Imma, f’dak kollu li seħħ wara, spiċċajna
parti mill-Imperu. Spiċċajna ġbarna
importanza mod, u tlifniha mod ieħor.
L-identità tagħna ntilfet għal ħaddieħor fost gżejjer u artijiet oħra li
kienu jiddominaw fil-proċessi varji li l-kolonjaliżmu tagħhom kien jagħti. Anki jekk għaddew is-snin, xorta hemm il-bżonn
li wieħed jeżamina mill-ġdid dak li ngħad lilna u dak li għandna iktar fatti
għad-dispożizzjoni tagħna biex nagħrfu.
Debunking of the Myth
3. Meta wieħed jaqra d-dibattiti parlamentari ta’ seklu ieħor. Meta wieħed jara kif dawk id-deputati, li kienu ġejjin minn ambjenti u ideat kulturali varji, f’liema pożizzjoni sabu ruħhom u b’liema mod tkellmu, tifhem. Tifhem li kellhom warajhom ġabra ta’ snin ta’ qari u formazzjoni. Tifhem li, fuq kollox, mill-prijoritajiet tagħhom u mill-affermazzjonijiet li naqraw riedu jqegħdu l-pożizzjoni ċara. Riedu jneħħu dak li mhuwiex minnu, imma jidher li huwa minnu billi jdaħħlu lura l-fatti. Il-Fatti li dawn il-ġżejjer kellhom storja li rari ssib bħalha. Kif jgħid tajjeb John Cook f’kuntest ieħor, imma applikabbli hawn: “The key facts you wish to communicate rather than the myth. Otherwise you risk making people more familiar with the myth than with the correct facts.” (Importanti li trid tikkomunika l-fatti aktar mill-mit. Inkella tissogra li tagħmel lill-poplu iktar familjari mal-miti milli mal-fatti korretti.)
Għadna fejn konna?
4. Għadna l-pajjiż li jagħraf il-passat tiegħu u jrid jaffermah? Għadna dawk li nafu li għandna valur uniku fl-identità nazzjonali tagħna u rridu niddikjarawh? Għadna dawk li għandhom il-ħsieb u l-konvinzjoni li kapaċi mmexxu b’dinjità u b’mod eżemplari lil pajjiżna? Għadna dawk li għandhom fihom l-għarfien li aħna parti minn dawk l-eventi Ewropej, Mediterranji u fi ħdan il-Ġnus Magħquda? Għadna dawk li jħarsu lejn dak li seħħ fl-istorja sabiex jagħrfu li hemm linji li m’għandhomx jinqabżu? Għadna dawk li jifhmu li qed nitkellmu fuq gżejjer fejn hemm ħamest’elef sena ta’ ċiviltà? Għadna dawk li nagħrfu l-bżonn tal-ordni, u mhux tad-diżordni?
M’aħniex
5. F’dan iż-żmien partikolari, anzi f’dawn l-aħħar għaxar snin, missejna mal-kontra. Daħħalna liġijiet u mexxejna politika li ħaduna ’l bgħid minn dak kollu li kien akkumulat. Jekk qabel konna konxji tal-fatt li dawn il-gżejjer ma tantx huma kbar, illum m’għadniex. Jekk qabel konna konxji li hemm bilanċ naturali li għandna nkomplu nirrispettaw bejn l-ambjent u l-bniedem, illum m’għadniex. Jekk qabel kellna l-konvinzjoni li missirijietna kienu jafu x’inhuma jagħmlu, u li ħafna minnhom ċertament kienu onesti u deċiżi li jaqbżu għall-interessi tagħna, illum m’għadniex. Jekk konna soċjetà fejn il-verità kellha valur demokratiku uniku, illum m’għadniex. Fil-bluhat li dħalna fihom ċħadna li aħna biex tlifna dak kollu li aħna. Tlifna l-imluħa tagħna u issa qed ninxeħtu ’l barra biex nintrifsu mid-disprezz tal-oħrajn.
Il-kuntest
6. Jekk qabilna kienu jissieltu għall-identità tagħna, dan kienu qed iwettquh fil-kuntest ta’ potenzi militari varji. Imma llum hemm min, żbaljatament jaħseb li m’hemmx bżonn li wieħed ikompli f’din il-linja. Kif jiġri lil dawk li f’mumenti ta’ debbulizza jitilfu mill-kredtu tagħhom. Dawk li jkunu qed jgħixu fl-għarfien li għandhom missjoni xi jwettqu għall-oħrajn, li minflik jitilfu ġieħhom. Dawk li jkunu qed jibdlu l-gżira li jgħixu fiha mingħajr kap jew kuda f’ħidmiethom jew ħsibijiethom. Jaħsbu li għandhom il-fakultà li jagħmlu ’l hekk imsejħa ‘bidliet’ u ’l hekk imsejħa ‘deċiżjonijiet’ li jwasslu sabiex nitilfu dak li akkumulajna fis-sekli. Ma setax iseħħ pass iktar traġiku f’dawn is-snin milli t-tkissir ta’ dak kollu li jagħmel minna poplu separat u distint.
Fl-istat oriġinali
7. F’dan il-kuntest huwa ċar li hemm min tellef dak kollu li konna magħrufa għalih. Anzi, ġiebna lura sabiex nitilqu f’dak li eluf ta’ snin ilu bdew il-bnedmin f’dawn il-gżejjer. Immorru lura għax-xejn fil-ħsieb li akkwistajna xi ħaġa. Proprju bħal dawk il-persunaġġi li jiksbu l-attenzjoni ta’ bnedmin varji waqt li jitilqu dak li huma u jibdew jgħixu f’dak li mhumiex. Is-serje li waslet fit-tmintax-il waħda tagħha jidher li hemm min qiegħed jiġi nfluwenzat wisq minnha. Jaħseb li l-poplu huwa tant lura għax il-programm huwa popolari li jista’ jibbaża d-deċiżjonijiet politiċi tiegħu fuqhom. Imma nafu li waqt li jista’ jkun li hemm dawk li għall-kurżità jaraw dak li jkun għaddej, ma jfissirx li jridu jgħixu bħalhom.
Magħrufa
8. Forsi, f’dan il-kuntest irridu nagħrfu sew dak li rridu nkunu magħrufa llum għalih. Pajjiżna, meta jħares lejn il-passat tiegħu, għandu jkun kburi bih. U f’dan, illum hemm mudelli varji li nistgħu nieħdu. Hemm dawk li ġbarna bl-esperjenzi umani iebsa u miġġielda ta’ dawk li ġew qabilna. Hemm ukoll dawk li huma bbażati fuq l-ordni morali u soċjali. Hemm, minflok, proprju l-kontra. Hemm dawk fejn it-triq żbaljata tas-suppost ‘ġdid’ u ‘riformat’ jintilef f’kollox. Pajjiżna għandu f’dan aktar quddiemu żewġ tipi ta’ Isola dei Famosi x’jieħu. Nittamaw li l-eventi ta’ dawn il-jiem jiftħu aktar ċar l-imħuħ lejn l-għażliet it-tajba.
ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET
35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...