3.1.25

MA' ELIŻABETTA FIS-SKIET

1. F’dawn il-jiem forsi wieħed ikollu l-ħin jieqaf jaħseb. Iwettaq dan aħjar meta jkun waħdu, maqtugħ ’il bgħid minn dik ir-rutina tal-ħajja li jkollu. Jidħol, jew idaħħal lilu nnifsu, fis-solitudni. Jiskopri dak li għaddej minnu. Jagħraf aħjar dak li jaħseb li jinsab fih. Fuq kollox, isib xi forma minnu nnifsu, lilu nnifsu. Fejn hu, fejn jinsab sejjer u fejn jixtieq li finalment jasal.

Esklużi

2. Hemm ukoll dawk li jinsabu emarġinati. Dawk li oħrajn iridu jaqtgħu mill-kumpanija tagħhom. Jew għax skomdi għalihom, fi kliemhom u ħidmiethom. Forsi jidhru antipatiċi. Inkella għax jaħsbu li ma jmorrux tajjeb magħhom. Imma l-fatt jibqa’ li indipendentement mir-raġuni, ikun hemm min jiddeċiedi li jwarrabhom. F’dan hemm ukoll u jrid jingħad li hemm dawk li jsibu ruħhom esklużi f’soċjetà mimlija ħsejjes. Dawk minħabba l-mard, inkella minħabba l-età, inkella sempliċement għax huma mistħija. Dik li titwieled minn dawk li jibqgħu lura biex ma jdejqux lill-oħrajn. Inkella f’dawn li jiġu minsija jew għax ħaddieħor jaħseb li għandhom diġà biżżejjed kumpanija, inkella għax oħrajn jaħsbu li m’għandhomx bżonn kumpanija.

Għażliet

3. F’dan hemm diversi għażliet li jiġu quddiemna. Diversi drabi jiddependi minna xi jsib ħaddieħor lilu nnifsu fih. Dawk li nagħżlu li ma nkellmux. Jew dawk li naħsbu li huwa fl-interess tagħna li naħarbuhom. Il-ħajja hija mimlija b’dawn il-mumenti. Aktar u aktar f’soċjetà fejn l-akkużi huma mill-iktar irħas. Meta huwa ferm faċli li tgħid u tallega fuq l-oħrajn bil-mezzi li għandna llum f’idejna. Fejn dak li mhuwiex fatt jiġi mressaq bħala fatt. Fejn id-diskors isir żejjed, imħawwar u mill-iktar bla sens. Imma d-dinja bħal ma hija mimlija b’kollox għandha wkoll dan l-aspett iebes fix-xejn.

Kull deni


4. Billi ninsab fid-dinja, ġarrabt ukoll minn dan, bħal diversi oħrajn qabli u dawk li għad jiġu warajja. Tgħallimt ukoll li s-solitudni, l-emarġinazzjoni, ma jiġux għal xejn. Dak li jidher li huwa ta’ deni, maż-żmien tapprezza li hemm l-aspett ta’ ġid tiegħu. Waqt li jifirduk minnhom tkun fil-fatt qiegħed tinfired minnhom. Tifhem sewwa dawk li huma verament ħtijietek u dawk li għabbewk bihom imma mhumiex. Timxi, anzi, pass ieħor forsi wkoll ikbar lejn il-verità. Dik li tibda jew tkompli tapprezza ferm u ferm iktar. Tifhem li ’l bgħid minn dak li jgħidu għandek tfittex lilha. Tfittixha u ma tistrieħx fuq dak li jgħidu, imma fuq dak li huwa minnu.

Fittxet li tinħeba

5. Is-solitudni hija wkoll parti minn dan il-proċess. Tinqata’ biex tagħraf aktar. Tħalli l-affarijiet għaddejja biex tifhem aktar. F’dawn il-jiem tal-Milied, li għalina nibqgħu ngħożżu l-iktar il-ġabra fil-familji u l-ħbieb rispettivi, wieħed għandu japprezza ferm aktar dan kollu. Proprju meta wieħed jitlaq mill-pożizzjoni li ħadet Eliżabetta wara li nisslet fil-ġuf. Meta minkejja dak li kien mill-isbaħ għaliha, proprju dawk li kienu iebsa magħha għax ma kellhiex ulied, issa kienu ġejjin fis-skiet u għalhekk għarfet fejn u f’liema ambjent qegħda tgħix. U hemm naqraw li hija, b’għaqal iddeċidiet li “fittxet li tinħeba min-nies”. Tinġabar u tifhem ferm iktar minn qabel.

Id-dinja hija iebsa

6. Lezzjonijiet għal min huwa fil-politika jew fil-ħajja pubblika. Tagħlim li l-mumenti jiġu, jgħaddu, imma aktar importanti, li nieħdu direzzjoni minnhom. Ninbidlu aħna għall-aħjar u naħdmu biex nibdlu lill-oħrajn. Fid-dinja iebsa u kiefra li ninsabu fiha, jew aħjar, f’dan il-wied ta’ dmugħ, fejn ħafna jispiċċaw emarġinati minn oħrajn, f’dawn il-jiem għandna naġixxu. Niġbru lil dawk li ma jinġabrux. Nagħmlu l-kuraġġ li nkellmuhom. Naħdmu biex din ma tkunx ta’ darba, imma kostanti. Pajjiżna mimli b’nies fl-irkejjen. Huma qegħdin fis-skiet isofru wkoll. Imma aħna, f’dan kollu għandna d-dmir nagħrfu li fis-skiet ta’ Eliżabetta hemm ukoll il-ferħ tal-verità.

Awguri

7. Nawgura l-Milied it-Tajjeb mill-qalb lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna. Nawgura wkoll lil kull min jibqa’ jixtri, jaqra u jxerred din il-gazzetta, li hija tant neċessarja fil-progress politiku, soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna.

No comments:

IT-TAMA VERA. ANKRA TAR-RUĦ

1. Xtrajt, u bħalissa qiegħed għaddej naqra l-ktieb It-tama ankra tar-ruħ tal-Papa Franġisku, bil-lingwa nazzjonali tagħna. Maqlub mit...