24727. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jindika kemm hija prevista u x’tip ser tkun l-għajnuna umanitarja ta’ pajjiżna lill-Ukrajna tul is-sena 2025?
17/01/2025
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kif spjegajt fil-mistoqsija
parlamentari 22859, il-Gvern Malti, inkluż il-Ministeru għall-Affarijiet
Barranin u t-Turiżmu, ilu b’mod konsistenti jipprovdi appoġġ umanitarju
lill-Ukrajna sa mill-bidu tal-invażjoni illegali mir-Russja. Din l-invażjoni
kkawżat tbatija kbira u bla preċedent lill-poplu Ukren.
L-appoġġ tagħna se jkompli
matul l-2025, bil-prijorità tkun li naħdmu b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’
organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi dawk tan-Nazzjonijiet Maqgħuda,
biex jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna. Nemmen bis-sħiħ li l-aħjar
mod kif nipprovdu għajnuna effettiva huwa billi nsaħħu l-kapaċitajiet
tal-atturi umanitarji li diġà qegħdin fuq il-post u huma familjari mill-qrib
mal-ħtiġijiet urġenti tal-komunitajiet lokali.
Bħalissa, il-Ministeru
għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu qed iħejji l-pjan ta’ nefqa annwali
għall-iżvilupp barra minn Malta għall-2025. Dan jeħtieġ konsultazzjonijiet
mal-imsieħba Ewropej tagħna, u ma' organizzazzjonijiet umanitarji madwar
id-dinja, inklużi organizzazzjonijiet fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, sabiex
ikollna fehma ċara tal-ħtiġijiet li jeżistu u kif jistgħu jiġu indirizzati
bl-aħjar mod.
Madanakollu, l-ewwel
donazzjonijiet lill-entitajiet umanitarji huma mistennija jibdew fil-ġimgħat li
ġejjin. L-Ukrajna u l-poplu tagħha se jibqgħu prijorità assoluta għall-azzjoni
umanitarja tal-Gvern Malti sakemm tibqa’ teħtieġ l-għajnuna tagħna.
Seduta 304
28/01/2025
No comments:
Post a Comment