3.1.25

IT-TAMA VERA. ANKRA TAR-RUĦ

1. Xtrajt, u bħalissa qiegħed għaddej naqra l-ktieb It-tama ankra tar-ruħ tal-Papa Franġisku, bil-lingwa nazzjonali tagħna. Maqlub mit-Taljan minn, għal darb’oħra, il-ħabrieki Francesco Pio Attard. Persuna li ħaqqu tifħir għad-diversi kotba li ħadem fuqhom. Dan il-ktieb huwa attwali quddiem il-bidu tas-sena tal-Ġublew. Wieħed li huwa ġustament reklamat. Kull paġna tieħdok f’oħra b’pass sabiħ. Ma tiddejjaqx taqrah. Anzi, jakkumpanjak fil-jiem li ġejjin. Profond mingħajr m’hu mimli bi kliem diffiċli, jew b’xi forma ta’ kumplikazzjoni. Prosit, ċertament, lilu. Kull kelma hija f’postha, imniżżla b’attenzjoni u b’impenn. M’hemmx aqwa minn ktieb bħal dan għal dawk bħali li huma mpenjati fid-dinja politika. Dawk li jagħrfu l-fatt li huwa vantaġġ li tkun Demokristjan. Dawk li ma joqgħodux lura milli jiddikjaraw dak li jippruvaw li jkunu sabiex ikollna pajjiż aħjar milli għandna llum.

F’din is-sena

2. Il-ktieb huwa, kif għidt, marbut mal-Ġublew 2025 li ser imissna direttament. Jitlaq bil-kliem tal-Papa bil-Latin: Spes non confundit, bil-lingwa tagħna: It-Tama ma tqarraqx. Linja li ġejja bħal ilma frisk fuq art niexfa. Dan proprju għax tul dawn is-snin, imma l-iktar tul din is-sena, missejna ma’ eventi madwar id-dinja u f’pajjiżna li ma konniex qed nistennew qabel. Kellna direttament linja twila ta’ żbalji politiċi li saru mill-Gvern tal-ġurnata, li fihom iddistingwa ruħu fil-punt li huwa jinsab separat mill-poplu li għandu d-dmir li jmexxi. Kien żball tal-istess li tlaqna b’emenda ndirizzata biex suppost tgħin lit-tobba fid-deċiżjonijiet tagħhom, imma li diversi rawha bħala bieb miftuħ għat-terminazzjoni tal-ħajja fil-ġuf. Kien hemm il-każ taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, li fih il-pajjiż kien qiegħed jagħraf it-talba ta’ omm sabiex issir ġustizzja ma’ binha. Kien hemm il-kawżi tal-Isptarijiet, li ħammru wiċċ il-Gvern. Waħda wara l-oħra, tul din is-sena kien hemm, kważi kull ġimgħatejn, kumulu ta’ sitwazzjonijiet simili. Kellna dejjem fuq x’hiex nitkellmu u nitolbu li jkollna tmexxija politika aqwa.

Mhux proprju storiċi

3. Sitwazzjonijiet li mhumiex proprju parti minn dik il-paġna tal-istorja li rridu niftaħru biha. Bl-aħħar kumplikazzjonijiet marbuta mal-iżvilupp ta’ iktar proġetti li l-poplu issa m’għadux iktar lest li jagħlaq għajnejh għalihom. Bqajt, f’dak kollu li seħħ, “nammira” kif ministru tal-Gvern, f’dan kollu, tul dawn il-jiem kellu jikteb artiklu bit-titolu: A really, really positive year. Sinjali ċari li jew it-togħma fl-elettorat hija tant morra li hemm bżonn id-dożi taz-zokkor, inkella li qed ngħixu f’dinjiet separati bejn dawk ta’ barra u dawk ta’ ġewwa. F’dan, il-Gvern jista’ jipprova jfakkarna iktar dwar il-punti sbieħ tiegħu, iżda huwa evidenti li l-appoġġ li kellu qiegħed jintbagħatlu l-messaġġ li tilfu, jekk ma jibdilx. Jekk ma jiġix lura għar-realtà u jieqaf mill-artifiċjalità, il-ħabi u n-nuqqas ta’ attenzjoni għal dak li jrid il-poplu. Messaġġ lill-Gvern, imma wkoll lill-klassi politika kollha.

Hemm bżonn verament Tama

4. F’dan huwa iktar ċar li l-pajjiż qiegħed fir-riċerka kostanti tiegħu għall-verità u l-onestà li jsib it-Tama fil-futur tiegħu. Tama soda mhux f’dak li issa nifhmu li huwa, kif jgħid il-ktieb li qiegħed naqra f’dik li jispjega li: “... twissina kontra t-tamiet fiergħa li tagħtina d-dinja u tikxef kemm dawn ma jiswew għal xejn u turina kemm huma bla sens.” Għandna l-għażliet quddiemna sabiex ma nilludux ruħna kif aħna għaddejjin nagħmlu. Għandna l-opportunità li nifirdu s-sewwa mill-idoli foloz li ser iġibulna l-messaġġi tagħhom. Iressquhom qishom viċin tal-fatti meta jafu li huma ’l bgħid. Iħajruna neħduhom biex naqgħu taħt loppju ta’ dak li mhuwiex tama, imma biss daħq fil-wiċċ. Forsi ftit qed jindunaw, imma f’parti sostanzjali tal-pajjiż, speċjalment dawk li ma jridux jivvutaw, il-pożizzjoni għalihom hija diġà ċara. Tama veru jridu, u mhux diskors fieragħ.

It-Tama trid is-sagrifiċċju

5. Hawn tfittxija sabiħa li nħossni parti minnha, f’dik li ma nippermettix lili nnifsi jew kitbieti, li naqa’ f’dik ix-xibka sabiex ikollna anqas diskors fl-arja u iktar wieħed konkret, ibbażat fuq il-valuri fundamentali Nsara tagħna. It-Tama mhix dik il-forma ta’ ottimiżmu banali maqtugħ mill-fatti li jriduna nibnu fuqu l-bnedmin li ma jistgħux jitilqu l-poter. Mexxejja varji fid-dinja, kif diġà rajna barra minn xtutna u kif qed naraw hawn f’pajjiżna, hemm min iressaqhom qishom xi forma ta’ inkarnazzjoni ta’ Tama vera. Imma mhumiex. Kull bniedem, diġà minnu nnifsu f’xi mumenti ma tistax torbot miegħu, iktar u iktar meta jitressaq qisu l-għoġol tad-deheb. Anki jekk jista’ jkun ileqq ħafna f’għajnejn dawk li ma jridux jaraw, xorta jekk jipprova jsir hu t-Tama u mhux jifhem li triqtu hija lejn it-Tama, allura jrid jifhem li biex jasal it-triq hija dik li titlob is-sagrifiċċji, l-attenzjoni u passi ta’ prudenza lura minnu. Diġà hawn min irid jeħodna f’forom ta’ monarkiji fil-kult tal-personalità. Il-Kapijiet huma parti mid-demokrazija, iżda mhumiex rinkarnazzjoni tal-familji rjali tas-sekli passati. Għalhekk is-sustanza tal-ideat hija importanti, u jiddispjaċini ngħid li le, m’hemm ebda persuna li huwa Tama ġdida għall-poplu Malti.

Inħarsu ’l quddiem


6. Ir-rispett uman u politiku jiddependi proprju fuq dan. Inqas individwaliżmu u ebda kontroll politiku li joħnoq lil dawk li ma jaqblux miegħek. Iktar umiltà, iktar verità, iktar ħidma f’daqqa. Mhux minn fuq, imposta, imma libera, li ġejja mill-bażi elettorali. Persuni li jifhmu li fid-demokrazija ispirata mill-valuri Nsara ma jippermettux għas-sewwa xi wħud li jkomplu jippruvaw jiddominaw, imma li jiftħu l-bibien tal-libertà fejn it-talenti tal-bnedmin jiġu żviluppati verament. F’dan, waqt li nħarsu ’l quddiem, ejja nagħrfu li l-istorja turina li hemm fatti li ma jinbidlux.

Grazzi, Francesco Pio

7. Nagħlaq dan l-aħħar artiklu għal din is-sena 2024 billi nsellem lill-ex President Amerikan Jimmy Carter, li miet f’dawn il-jiem. Persuna li wieħed għandu jammira għal kemm ħadem favur id-drittijiet fundamentali, kemm stinka għas-Sewwa u għall-Paċi. Fil-passat, iva, ġie mkasbar, imma llum hemm għarfien li warajh ħalla legat uniku, li minnu għadu joħroġ il-ġid. F’dan kollu, għalhekk, nirringrazzja mill-qalb u mill-ġdid kitbet dan il-ktieb, u aktar minn hekk ħidmet min ġiebu għal-lingwa tagħna. Mimli b’messaġġi importanti. Mimli bl-għerf u l-għarfien li min irid ikun denju li jmexxi poplu ’l quddiem ikun aħjar għalih li jkun viċin il-prinċipji etiċi Nsara li huma strument fil-proċess lejn it-Tama, milli viċin dawk tal-lemin-lemin u estrem. F’dan għandna nibqgħu mpenjati biex inkunu l-Partit Demokristjan modern li aħna, u mhux nimmaġinaw li nkunu aċċettati mill-poplu jekk inkunu differenti.

Fit-Tama, għalhekk, nawgura lilek Sur Editur, u lill-ħaddiema tagħna, kif ukoll lil dawk li baqgħu jixtru l-gazzetta, jaqrawha u jqassmuha, is-Sena 2025 it-Tajba.

No comments:

IT-TAMA VERA. ANKRA TAR-RUĦ

1. Xtrajt, u bħalissa qiegħed għaddej naqra l-ktieb It-tama ankra tar-ruħ tal-Papa Franġisku, bil-lingwa nazzjonali tagħna. Maqlub mit...