29.1.25

DISKORS WAQT IT-TIFKIRA TA' JUM IX-SHOAH

Mill-2012 fil-Parlament daħħalna fis-sistema tagħna li fis-27 ta’ Jannar nieqfu biex infakkru x-Shoah, il-jum li fih niftakru fid-diversi ħutna bnedmin, l-iktar Lhud, li nqatlu fil-kampijiet tal-konċentrament. Mument li jikkundanna għall-estremiżmi, u fuq l-oħra għarfien li aħna parti mis-sistema demokratika li fiha l-bniedem għandu drittijiet fundamentali u libertajiet, fejn kull persuna, ġej minn fejn ġej, għandu d-dinjità tiegħu. Nikkommemoraw f’Ewropa li qisha trid tinsa dak li hija. Tinsa l-għeruq tagħha, dawk li sawruha, dawk Insara. Ewropa li aħna rriduha tikber aktar u tissoda ferm aktar fil-valuri tagħha ħalli tibqa’ dawl ta’ ċiviltà fid-dinja. Wieħed importanti fih innifsu, aktar u aktar illum li huwa t-tmenin anniversarju minn dak il-mument ta’ liberazzjoni, imma wkoll l-iktar ta’ għarfien ta’ dak kollu li kien seħħ fil-qtil ta’ bnedmin innoċenti. Dan għax nemmen li għandna numru ta’ dmirijiet f’dan illum.

L-ewwel dmir hu li rridu ngħidu x’gara. Dan huwa veru, kif kull min qara l-istorja jaf. Kull min qara kitbet bnedmin bħala Hannah Arendt, jaf li huwa veru li n-Nażiżmu kien fassal pjan biex jeqred dawk il-bnedmin kollha li kienu Lhud. Pjan biex joqtol bl-iktar mod ikrah, malajr u sistematiku persuni huma ta’ liema età huma. Trabi, tfal, żgħażagħ, nisa, rġiel, anzjani ttieħdu fil-kampijiet tal-konċentrament u nqatlu mingħajr raġuni ta’ xejn, salv li kienu tar-razza tagħhom. Ivvintaw l-iktar mezzi kundannabbli biex qatlu bnedmin bħalhom. Il-poplu għandu jfakkar li huwa veru li kien hemm diversi kampijiet tal-konċentrament: Auschwitz, Bergen-Belsen, Buchenwald, Dachau, u diversi oħrajn. Huwa veru li nqatlu sitt miljun persuna, kif l-istess rekords Nażisti wrew. Huwa veru li ttieħdu fil-kmamar tal-gass tfal, ġuvintur, nisa, irġiel. Huwa veru li nħarqu l-iġsma tagħhom. Huwa veru li nqatlu diversi billi ġew iffuċillati u midfuna f’daqqa. Huwa veru li dawn l-persuni tneħħitilhom kull dinjità, ħadulhom kull oġġett personali, qaxxruhom min kull dinjità tant li lanqas isimhom ma ħallewlhom u tawhom biss numru stampat fuq idhom. Dan kollu huwa veru, seħħ. Għandna dmir għalhekk proprju fil-jum meta tmenin sena ilu s-suldati mis-sittin armata tal-ewwel Front Ukren, parti mill-Armata Russa, illiberaw il-post fejn inqatlu madwar miljun persuna fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz, dak li kien l-ikbar kamp. Niftakru fihom u nfakkru biex ma nagħmlux l-iżball li n-Nażiżmu jridna nagħmlu: dak li nikkunsidraw lill-bnedmin bħala oġġetti. Niftakru għax dawk il-Lhud ħaqqhom niftakru fihom. Ma kienx ħaqqhom hekk. 

Għandna niftakru aktar kemm huwa żbaljat in-Nażiżmu. Kemm huwa ħażin il-lemin estrem u kemm huwa żball min, b’xi mod, jipprova jġibu  lura. Niddikjaraw li dan huwa żbaljat u nfakkru f’kemm huwa kriminali li wieħed jgħid li dan ma seħħx. Għandna d-dmir li nassiguraw li l-lezzjonijiet jittieħdu. Dak li seħħ huwa dak li m’għandu qatt jerġa’ jseħħ. Nifhmu li dan ġara proprju għax kien hemm politiċi li fil-mibegħda li żergħu ġabu bnedmin mhux biss jobogħdu oħrajn inġustament imma jikkunsidrawhom bħala li mhumiex entitajiet, inferjuri. Dawk li biex wettqu dan użaw il-liġi wkoll u daħħlu diversi liġijiet razzjali li bihom eskludew u pprattikaw persekuzzjoni mill-iktar atroċi. Nieħdu tagħlima għax għandna nżommu quddiemna li dan kollu jista’ jerġa’ jseħħ fil-politika tagħna u tad-dinja. Jew direttament, bħalma qed naraw f’dawk li qed fid-demokraziji tagħna, jidhru qed jersqu lura lejn l-estremiżmu tal-lemin. 

Għandna lil dawk li jfaħħru mill-ġdid, direttament u indirettament, din il-linja politika żbaljata li jaqgħu fl-istess fond uman. Niftakru li dan jista’ jseħħ meta nittrattaw oħrajn fis-soċjetà qishom mhuma xejn, jew inkella b’nuqqas ta’ tolleranza ħajja. Inkella meta nilagħbu mill-ġdid mal-ħsieb li l-bniedem jista’ jesperimenta mal-ħajja. Jaħseb li għandu l-poter li fil-libertà jwaqqaf il-ħajja ta’ oħrajn fil-bidu jew fit-tmiem tagħha. Nassiguraw f’dan li wliedna jiġu mħajra jaqraw dak li dawk li baqgħu ħajja kitbu, bħal Primo Levi, Liliana Segre, Viktor Frankl, Hannah Arendt, Tadeuz Borowski u diversi oħra. Inħajru, norganizzaw u nittrażmettu kull sena fl-iskejjel tagħna u fuq il-midja tal-pajjiż dokumentarji li jfiehmu l-ħażen ta’ dak li seħħ u kemm irridu nkunu attenti llum. Il-poplu hu fid-dmir li jassigura li b’dan kollu nibqgħu niftakru fihom. Hu Jum il-Memorja, mhux bħall-oħrajn. Jum li jinqala’ mit-trab passat imma wieħed li għadu ħaj magħna. Hu kif jgħid Hans Kung: “Non si tratta qui del passato isolato e astratto, ma della cura di un complesso del passato. Si tratta di quel passato che non vuole passare, di un passato che condiziona ancora il presente.” Għandna dmir f’dan il-post li nagħtu eżempju għalhekk ukoll li dak li qiegħed isir mertu tal-inizjattivi tal-Ispeaker, jidħol bil-liġi fis-sistema legali tagħna bħalma għamlu oħrajn diġà qabilna. Sabiex ħadd, għada pit għada, ma jitħajjar ineħħih. Anzi biex nassiguraw li kull sena jkun hemm seduta sħiħa dedikata għal dan, u li jinġiebu bnedmin li jew huma jew uliedhom jistgħu jixhdu dwar dak li ġarrbu. Pajjiżna ma rax dan iseħħ f’artna, imma dan ma jfissirx li ma jistax ikun hemm min jitħajjar jammira lil dawk li wettquh. Proprju għalhekk, jekk għadna rridu demokrazija aktar b’saħħitha, irridu nibqgħu nfakkru u nfakkruhom.

No comments:

RAĦAL ĠDID - LIBRERIJA PUBBLIKA – XIRI TA’ KOTBA ĠODDA

24728. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...