13.1.25

IL-POLITIKA F'PAJJIŻNA

1. Hemm messaġġi li wieħed irid jieħu. Għalija jidher ċar li hemm sejħa sabiex il-mod ta’ kif qegħda ssir il-politika bħalissa hemm bżonn li jinbidel. Issir iktar viċin il-bniedem u l-bżonnijiet tiegħu. F’dan il-proċess hemm ukoll preżentement il-ħsieb li s-soluzzjoni hija li jkun hemm iktar minn żewġ partiti fil-Parlament, li qegħda tissemma u li telgħet sew ’il fuq fl-aġenda. Ikun nieqes mill-għaqal jekk wieħed ma jagħrafhiex, u iktar minn hekk ma jippruvax jifhem minn fejn, u aktar, għalfejn ġejja.

Differenti

2. Jidher li f’terz tal-poplu li qiegħed jiġi njorat hemm dawk li ma jħossuhomx rappreżentati mill-partiti prinċipali. Ma jarawx li dawn, illum, jispirawhom. Mhux neċessarjament iridu oħrajn, imma jriduhom jinbidlu. It-tnejn li huma. Iħarsu li jivvutaw kif għamlu f’Ġunju tal-2024 għal forza terza mhux għax bilfors jemmnu fiha, imma għax iridu jwasslu messaġġ ta’ bidla lit-tnejn l-oħra. F’rashom spiċċawlhom l-alternattivi biex issir differenza u għalhekk din jarawha, tajjeb jew ħażin, bħala l-aħħar strument f’idejhom għal bidla.

Nagħtu każ

3. Iebsa kemm hija iebsa, minn dak li nġarrab, dik hija r-realtà. Waħda li tikber aktar mill-fatt li, kif l-istatistika turi, il-pajjiż iħoss li l-Partit Laburista wasal fil-venda, imma fuq in-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista għadu mhux jingħata fiduċja. Kuntrast, meta tikkunsidra li fuq naħa l-partit fil-Gvern ħlief dnubiet mortali politiċi kostanti u ħoxnin mhuwiex iwettaq, u fuq in-naħa l-oħra l-isforzi kostanti tal-partit tal-Oppożizzjoni. Hemm bżonn soluzzjoni fil-bidliet li jrid il-poplu, anki jekk huma diffiċli u għal uħud, anzi, inġusti.

Il-Poplu Sovran

4. Ngħidu x’ngħidu, huwa l-elettorat li jiddeċiedi. Jekk qiegħed jara l-affarijiet hekk, għandek żewġ għażliet: jew li tibqa’ għaddej qisu ma mhu qed jiġri xejn u tinjorah, bil-ħsieb li x-xorti ser tibdel iċ-ċirkostanzi, inkella li ssegwih b’attenzjoni u tinbidel. F’dan hemm il-mument meta tiffaċċja l-fatti. Jew tarahom inti, inkella għada pitgħada juruhomlok. Imma hemm ikun tard wisq u dak li hemm bżonn isir biex il-pajjiż u l-partit jieħdu r-ruħ ikollu jiġi pospost. Fil-frattemp jikbru l-kumplikazzjonijiet biex tibni mill-ġdid.

Hemm min iżarma

5. F’dan huwa iktar ċar li fil-ħajja hemm min irid ikun parti minn proċess li jibni lura, u hemm min irid iżarma dak li hemm. Dawk li nistgħu, anzi nżidu magħhom bħala l-ulied li, terġa’, kapaċi jfarrku imma mhux li jibnu mill-ġdid. Dawk ukoll li jintilfu għal rashom fid-deżert li mexjin fih diġà jipproklamaw u jiġbdu oħrajn mingħajr ma jkunu jafu huma stess fejn sejrin. Il-politika ma ssirx hekk. Issir b’attenzjoni u bil-ħsieb kostanti li qiegħed tibni għal futur aħjar milli għandna fis-soċjetà.

Determinati

6. F’dan iktar insib konfort fil-passjoni u d-determinazzjoni li għandi lejn il-politika t-tajba. Fil-valuri u l-prinċipji Demokristjani li jiffurmawna u li jiggwidawna. Iktar u iktar f’dinja fejn l-awtokrati qed jinbtu u l-lemin estrem jipprova jitkattar. Naf li din il-linja mhix faċli, iktar u iktar fil-ħmerijiet u l-profeti foloz li qed naraw. Imma kif jgħid il-Papa Franġisku: “Għalhekk l-Insara, l-Insara veri, qatt ma huma bnedmin faċli jew li jċedu malajr. L-umiltà tagħhom ma rridux nifxluha ma’ sens ta’ inċertezza jew ta’ ċediment.” F’dan proprju ma hemm xejn li jħammarli wiċċi li jien Demokristjan.

Hekk huwa

7. Għalhekk nagħrfu aktar li mhux kemm il-vuċi hija “soda” jew id-demagoġija “qawwija” li jgħoddu fid-demokrazija tagħna, imma l-verità u l-awtentiċità. Il-poplu ma jridx Faxxiżmu fil-poter, imma moderazzjoni u użu kostanti tal-loġika. Il-politika t-tajba ma ssirx minn fuq, imma ssir bil-parteċipazzjoni ta’ kull persuna. Għalhekk, minkejja kollox, f’dan mhux ser naqta’ qalbi u nibqa’, sakemm nista’, ninsisti li hemm bżonn li wieħed jifhem is-sinjali u l-polz tal-pajjiż. Dak li nifhmu li jekk ma ninbidlux ser jibdluna dawk li għandna dmir li nservu.

No comments:

IL-POLITIKA F'PAJJIŻNA

1. Hemm messaġġi li wieħed irid jieħu. Għalija jidher ċar li hemm sejħa sabiex il-mod ta’ kif qegħda ssir il-politika bħalissa hemm bż...