1. Ninsabu fi żmien xejn faċli u mimli sfidi. Id-dinja tagħna għaddejja minn diversi xenarji li ma nistgħux ngħidu li huma aħbarijiet tajba. Il-bniedem ma jridx jitgħallem u jifhem mill-esperjenzi passati tiegħu. Jaħseb li l-gwerra, il-kunflitti bejn l-istati u l-popli huma xi forma ta’ soluzzjoni. Mentri, kif nafu tajjeb, dawn ebda vantaġġ ma jġibu salv tkissir u telf ta’ ħajjiet. Passi mhux progressivi imma rigressivi fl-iżvilupp uman.
Spes non confundit
2. Għandu raġun il-Papa Franġisku meta jiddikjara u jfakkarna li t-tama ma tqarraqx. Huwa sewwa u xieraq li ma nintilfux fil-pessimiżmu, ma nsirux ċiniċi, imma nibqgħu bnedmin li jħarsu lejn is-sewwa u lejn l-futur. Ma niqfux nittamaw. Anzi, forsi aħjar, ma niqfux naħdmu sabiex it-tama ma tonqosx. Għandna dmir u dritt li nesiġu li nħarsu lejn żmien aqwa fejn inneħħu u nsolvu dawn il-kumplikazzjonijiet umani. Dan il-Papa kien ċar din is-sena, meta ddikjara hekk: “Kulħadd jittama. Fil-qalb ta’ kull persuna hemm it-tama bħala xewqa u stennija ta’ ġid, imqar jekk ma nafux għada x’se jġib miegħu.”
Fis-Sena tal-Ġublew
3. F’dan il-proċess li qiegħed jiftaħ il-bibien tal-Knisja sabiex tinġieb lura l-maħfra u l-paċi tirbaħ kull persuna fis-soċjetà. Anki jekk m’intix Kattoliku jew ma taqbilx, xorta tifhem li dan huwa pass favur dak li huwa tajjeb. Il-miljuni li ser jimxu fil-pellegrinaġġ tagħhom, fir-realtà qed jimxu f’dik il-filosofija tal-mixi li tbaskat lill-bniedem. Dik li fit-triq, fl-esperjenzi li wieħed jaqbad, tibdlu għall-aħjar. Jifhem aktar il-ħajja u jifhem aktar x’għandu jwettaq biex l-eżistenza tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru titjieb.
Fl-iskumdità
4. Proprju aktar f’dawn il-jiem li fihom iċċelebrajna l-Jum tal-Milied. Dan fl-għarfien aktar qawwi li d-dinja, bħal meta ma tantx laqgħet koppja li riedet saqaf li taħtu setgħet tinġabar, mhix ser tilqa’ lil dawk ta’ rieda tajba. B’danakollu dan ma jfissirx li m’hemmx post għan-Nisrani, li dan għandu jaqta’ qalbu jew li għandu jabbanduna t-tama. F’dan imma hemm l-għarfien kontinwu li l-preżenza tiegħu mhix fil-kumdità, imma fl-iskumdità tal-messaġġ li jġib. Kif kien, u kif jibqa’, in-Nisrani huwa l-kontro-kurrent f’soċjetà fejn kulħadd ibaxxi rasu. Huwa dak li jsejjaħ, fil-vuċi tal-kuxjenza, dak li huwa sabiex tirbaħ il-ġustizzja u sabiex il-paċi tiġi fis-seħħ. Sabiex jikber l-għarfien ta’ dak li huwa ħażin u li dan irid jiġi kundannat u kumbattut.
Nittamaw
5. F’dan aktar irridu nagħrfu li l-vuċi tal-Knisja Kattolika ser tibqa’ skomda meta tgħid dak li ħaddieħor ma jridx jisma’. Ejja nifirħu u nittamaw f’dan. Fid-dmir tagħha li tkun xiehda ħajja favur l-Aħbar it-Tajba u li tibqa’ tiddikjara dak li jidher jaqa’ fuq widnejn torox imma li jmiss il-kuxjenzi. Hemm, kif qed naraw fix-xenarji tal-gwerra, arsenali letali li qed jiġu wżati biex ifarrku kull ċiviltà u dinjità umana. Imma l-Knisja għandha għad-dispożizzjoni tagħha arsenal ta’ determinazzjoni u perseveranza sabiex bil-mezzi non-vjolenti twassal kontinwament il-bżonn li nifhmu li bil-paċi, fil-qbil, wieħed jimxi aktar milli bil-ġlied.
Il-Futur tagħna
6. F’dan nittamaw aktar għax nafu li mill-esperjenza tas-sekli min ittama ma falliex. Il-vuċi tiegħu nstemgħet. Dawk li kienu jidhru daqshekk sodi u mimlija saħħa nvinċibbli spiċċaw, saru linji fl-istorja. Dawk li kienu jidhru qed joħolmu jew illużi sabu ruħhom iridu jibnu t-tifrik ta’ oħrajn. F’dan it-taħwid li qed naraw madwarna, barra minn xtutna, kif ukoll fi ħdanna għandna nifhmu aktar li għalina t-tama hija essenzjali. Mhux biss, imma għandna nagħrfu aktar li ma nkunux żbaljati jekk ma naqtgħux qalbna. Il-passat nafuh, il-preżent qegħdin ngħixuh, imma l-futur irridu nittamaw fih.
Ser tkun Sena Speċjali
7. Proprju f’dan kollu għandna naċċettaw li jiżbalja aktar, kif l-istorja turina, min jonqos milli jittama f’futur aħjar. Qrajt analiżi ta’ dak li dawk fl-ekonomija jbassru. Kull sena jiġu bit-teoriji varji tagħhom. Ħafna, fil-fatt, ma jiċċumbawhomx. Imma tifhem xorta u tagħraf li jibqgħu bnedmin li jridu futur aħjar. Wieħed li jirrispetta dak kollu li għandna għal qalbna. F’din is-Sena Speċjali għalina, f’dan il-Ġublew, ejjew nagħrfu aktar, bħala Nsara fil-politika, li għandna minjiera unika u importanti ta’ għerf f’idejna. Li għandna għodda determinanti li fil-perseveranza tagħna biha nistgħu nibdlu dak li huwa ikrah u żbaljat. Li ninsabu fuq linja politika li trid tibdel fit-tama ta’ dinja aħjar. Fejn nagħrfu aktar, għalhekk, li t-Tama hija valur uniku li m’għandniex nabbandunaw, imma li għandna nsostnu.
Nawgura lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema tagħna, kif ukoll lil dawk kollha li jixtru, jaqraw u jxandru din il-gazzetta għal qalbna, Sena Ġdida mill-isbaħ u li tkun mimlija b’Tama qawwija.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IT-TAMA VERA. ANKRA TAR-RUĦ
1. Xtrajt, u bħalissa qiegħed għaddej naqra l-ktieb It-tama ankra tar-ruħ tal-Papa Franġisku, bil-lingwa nazzjonali tagħna. Maqlub mit...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
1. Diżgrazzjatament , min ħ abba sekli sħaħ ta’ dominazzjoni barranija, għad hawn fostna min għandu l-mentalità li jara k...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
No comments:
Post a Comment