1. Waħda minn dawk li kienu verament l-aħħar kitbiet ta’ Jonathan Sacks (1948-2020), li kien Rabbi Ingliż, tmiss direttament ma’ dak li s-soċjetà tagħna qegħda tgħaddi minnu. M’aħniex waħedna, anke jekk gżejjer. Aħna parti minn kurrent ta’ ideat u modi li nbnew l-iktar fl-Ewropa u fl-Oċċident. Għal dawk xi ftit familjari miegħu jafu li ħafna minn kitbietu huma mimlija riflessjonijiet tajba. Dawk li jħajruna nkunu aħjar milli aħna, u fl-istess ħin nagħrfu dak li qiegħed jixħetna lura bħala bnedmin. Aktar u aktar meta hemm kurrent li fih huma iktar dawk li jaħsbu li huma ekonomikament aħjar milli kienu, li però xorta jagħrfu li mhumiex ferħanin. Ifittxu dak li ma jistgħux jilħqu, proprju għax l-għodda li jużaw huma nieqsa mill-abbiltà li jwassluhom għal dak li jixtiequ li jkollhom.
Mhux faċli
2. Diversi ppruvaw u jkomplu jippruvaw ifittxu t-toroq lejn il-ferħ, imma jaħsbu li huma biss il-flus u l-pożizzjoni li jwassluhom biex jiksbuh. Il-pożizzjoni soċjali li tiggarantixxi dħul akbar. Imma hemm min, meta jġarrab jagħraf li dan mhuwiex minnu u li fil-fatt qiegħed, mingħajr ma jrid, jidħaq bih innifsu. Jista’ jkun hemm il-pjaċir tal-mument, imma dan ma jdumx fit-tul. Dak biss, għal dawn il-persuni sar l-iktar moda, u l-iktar li jgħodd. F’dan, sfortunatament ninsabu f’soċjetà li minkejja li l-maġġor parti tagħha hija affluwenti, fil-fatt tinsab fi bżonn ta’ kura. Fil-ktieb ta’ Sacks bit-titlu Morality. Restoring the Common Good in Divided Times (2020), dan huwa diskuss direttament. Huwa jgħid hekk: “People will be, by historic standards, financially rich but emotionally poor.” Ċertament il-frott tal-esperjenza tas-snin ta’ persuna li għex mal-bnedmin u li rrifletta, għallem u kiteb ħafna. Biss, anki jekk janalizza sew dak li ninsabu fih, xorta huwa pożittiv u jħares ’il quddiem lejn dinja aħjar.
Fejn sejrin
3. Fl-introduzzjoni tiegħu hemm numru ta’ punti sbieħ dwar dan, imma anki fil-ktieb sħiħ. Wieħed li jista’ jaqtagħlek qalbek għax huwa voluminuż, imma fil-fatt huwa miktub tajjeb ħafna. F’din il-parti inizjali huwa jimmarka l-pożizzjoni hekk: “If we focus on the ‘I’ and lose the ‘We’, if we act on self-interest without a commitment to the common good, if we focus on self-esteem and lose our care for others, we will lose much else. Nations will cease to have societies and instead have identity groups. We will lose our feeling of collective responsibility and find in its place a culture of competitive victimhood. In an age of unprecedented possibilites, people will feel vulnerable and alone.”
Ħamsa u għoxrin sena ilu
4. Għażilt li nikkwotah verament fit-tul għax, anki jekk għadda ż-żmien, kliemu huwa attwali llum aktar milli kien qatt qabel. Il-problema fis-soċjetà hija proprju din, biex ngħidu hekk: ġejna proprju fi kliemu. Għax ninsabu f’soċjetà li timxi fuq l-individwaliżmu, l-egoiżmu u materjaliżmu assolut. Jekk taqla’ l-flus, inti f’xi pożizzjoni ta’ rispett. Jekk taqla’ inqas jew ma taqla’ xejn, allura m’intix. Fejn għalhekk, l-atti ta’ altruwiżmu u ġenerożità mhumiex ikkunsidrati bi gratitudni. Soċjetà li, kif inhi sejra, naħseb li mhix tagħraf li ħidma volontarja għall-oħrajn hija ta’ valur ferm aktar ogħla minn dik li l-kultura preżenti qegħda tiddikjaralna. Għandu raġun ifakkarna li qed nitilfu l-mira tal-ġid komuni u qed nikkunsidraw dawk li mhumiex qed iwettqu l-profitt bħallikieku qed jagħmlu hekk.
Responsabbiltà kollettiva
5. M’għadniex napprezzaw lil dawk li jaħsbu fl-oħrajn u li jiddedikaw parti sabiħa minn ħajjithom għall-bnedmin ħuthom. Qed naraw dan b’mod partikolari fl-għaqdiet volontarji, kulturali, dawk marbuta mal-festi tagħna fil-knejjes varji li mhumiex jiġu stmati kif għandhom ikunu. Diġà qed nagħmlu ħilitna biex naqtgħulhom qalbhom. Żidna l-piżijiet tar-responsabbiltajiet legali fuq l-uffiċjali tagħhom. Żidna l-ħsieb li dawn qishom xi forma ta’ kumpanniji multi-nazzjonali li jiġu wżati b’ħażen kbir biex jiġu rriċiklati flus maħmuġa, mentri mhumiex. Żidna l-karti li jridu jimlew, bi spejjeż żejda, u daħħalna ħafna suspetti fejn m’għandniex. Mentri hemm mod ta’ kif tirrikonoxxi dan bħala valur u tikkunsidrah bħala abbiltà umana meta tapplika għax-xogħol jew fl-istess impieg jew f’kull applikazzjoni li tista’ tippreżenta. Għaliex m’għandniex ikollna ċertifikat fuq livell akkademiku għal dawk li kapaċi jservu f’dawn l-għaqdiet?
Ninsabu iktar vulnerabbli
6. Illum huwa diġà diffiċli li ssib persuni biex jgħinu u jżommu t-tradizzjonijiet sbieħ għaddejjin, imma issa qed nassiguraw li naqtgħu qalb dawk li jridu jidħlu fihom. Qed nibgħatu l-messaġġ bil-fatti li fis-soċjetà tagħna m’hemmx post għalihom. Li huma inferjuri jew inkapaċi. Mentri lkoll nafu li dawn huma parti integrali minn dak li aħna bħala soċjetà. M’għandniex inħallu dak li ġej fuqna fis-soċjetà mingħajrhom. F’dan, Sacks ikompli jbassrilna u jgħidilna fejn ninsabu llum, li b’din il-linja ta’ ideat il-poplu ser iħossu aktar anzjuż, inċert, beżgħan, instabbli, mingħajr għeruq u mhux maħbub. U f’dan kollu, biex “isalvaw” fis-soċjetà jikkonċentraw biex jippromwovu lilhom infushom minflok jaħdmu f’dak li jmexxihom ’il quddiem fil-ferħ: dak li jagħmlu l-ħajja tal-oħrajn aħjar. U din hija l-mistoqsija li rridu nagħmlu lilna nfusna bħala soċjetà.
Politika wkoll
7. Dan il-ħsieb marbut mal-importanza biss tal-ġid materjali u individwali qiegħed jiddomina aktar fil-politika. Sacks ikompli jgħid hekk: “The market will be merciless. Politics will be deceiving, divisive, confrontational and extreme.” (Is-suq isir mingħajr ħniena aktar milli hu. Il-politika ssir iktar dik li tidħaq bik, diviżiva, mimlija konfrontazzjoni u estrema.) Proprju dan huwa fejn qegħdin anke f’pajjiżna, fejn il-post għall-moderazzjoni u l-użu tar-raġuni qed jispiċċaw mhux parti minnha. Għandu raġun l-awtur u għandna iktar x’nirriflettu proprju għax jekk ma nibdlux id-direzzjoni, il-konsegwenzi ser ikunu aktar u ferm aktar gravi milli aħna fihom. Il-paragrafu jagħlaq hekk: “Freedom itself will be at risk from the far right and the far left, the far right dreaming of a golden age that never was, the far left dreaming of a utopia that will never be.” Wisq drabi nħoss li hemm qegħdin. Nittama li nifhmu din il-lezzjoni biex ma nkunux il-kontra ta’ dak li aħna.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
RAĦAL ĠDID - LIBRERIJA PUBBLIKA – XIRI TA’ KOTBA ĠODDA
24728. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
1. Diżgrazzjatament , min ħ abba sekli sħaħ ta’ dominazzjoni barranija, għad hawn fostna min għandu l-mentalità li jara k...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
No comments:
Post a Comment