Xejn inqas
2. Ħassejt mill-ġdid id-direzzjoni u t-tagħlim li konna ngħatajna bħala studenti tal-Liġi fil-Filosofija tad-Dritt. Meta ġiet quddiemna Antigone, li fit-traġedja Griega ta’ Sofokle (497-504 QK) tfakkar li l-bnedmin, ’il fuq minn kull liġi umana, għandu jkollhom u jixirqilhom id-dinjità f’mewthom. Tisfida l-forza politika tar-Re Kreon u tidfen lil ħuha Policene, anke jekk mir-Re kien kkunsidrat bħala ‘traditur’ u li għaldaqstant ma kellux jingħata difna xierqa. Is-sejħa tagħha kienet li hemm liġi superjuri għall-bniedem li għandu jobdi u josserva fis-sewwa u li l-ġustizzja hija akbar mill-konsegwenzi li l-poter politiku jista’ jkollu fuq il-bnedmin. Xenarju li l-Irlandiż Seamus Heaney (1939-2013) jiżviluppa aktar fil-kitba The Burial at Thebes (2004).
Ftakart ukoll
3. Ftakart ukoll li s-sistema legali tagħna, fost il-wirt uniku tad-Dritt Ruman, fit-tradizzjoni ċivilista tagħna tipprovdi għal azzjoni legali partikolari. Dik magħrufa bħala jus sepulchri, li fiha l-post fejn persuna tiġi midfuna huwa protett. Dritt ta’ viġilanza u tutela tal-persuna midfuna. Mhux dritt ta’ proprjetà, imma dak ta’ tutela. Il-post fejn hemm midfun ġisem persuna umana huwa sagru f’għajnejn il-liġi. Id-dinjità tal-persuna midfuna hija protetta tant li r-Rumani kellhom l-actio sepulchri violati, li kienet tikkundanna, b’multi għoljin ħafna, lil min kien ikisser jew jiftaħ il-qabar ta’ ħaddieħor.
Iva, hekk hu
4. Minn żmien antik, u dan sew qabel il-Kristjaneżmu, kien hemm dejjem il-kunċett li fil-mewt hemm bżonn ir-rispett. Lejn il-ġisem, imma anki lejn l-ispirtu tiegħu. Dawk ta’ qabilna, Griegi u Rumani, kienu jinsistu li wara l-mewt ta’ persuna kien irid ikun hemm persuna oħra li tibda tagħmel l-offerti għal ruħ il-mejjet/mejta quddiem l-allat u d-divinitajiet tagħhom minflokhom. Kienu jippermettu li anki skjav, li għall-effett tal-liġi kien meqjus bħala oġġett, kien saħansitra jiret biex proprju jkompli jwettaq dan. Il-kultura Mediterranja oċċidentali tagħna hemm qegħda. Dejjem kien hemm kunċetti li jmorru kontra l-ħsieb li l-bniedem, kif imut jispiċċa, u jiġi qisu ma kien xejn. Fortunatament aħna konna, u għadna, parti mill-kurrent b’saħħtu li nagħrfu li għandu jibqa’ jkun hemm ir-rispett u d-dinjità anki wara l-mewt.
Parir
5. Li tmur funeral, bħala bniedem huwa ħafna drabi kkunsidrat bħala dmir u sinjal ta’ rispett. Huma diversi dawk li japprezzaw il-preżenza ta’ min imur jingħaqad magħhom f’mument tant determinanti fil-ħajja tagħhom li, bla dubju ta’ xejn, jimmarkahom. Min ikun solidali magħhom jibqa’ f’qalbhom u apprezzat. Bħalma tgħodd għal kulħadd, tgħodd ukoll għal dawk li aħna nivvutaw biex jirrappreżentawna fil-Parlament. M’għandhomx, anzi aħna d-deputati, m’għandna xejn inqas mill-bnedmin l-oħra. Għall-kuntrarju, ħafna drabi għandna piż morali ikbar li nkunu hemm għal dawk li nafu, jew nagħrfu, li tul ħajjithom irrispettawna, appoġġjawna u kif ukoll ivvutawlna. Niftakarni f’dan naqra kliem is-Sindku ta’ New York Rudy Giuliani (1944) li bħala politiku, fil-ktieb tiegħu Leadership (2005), lilna l-politiċi kien għaddielna dan il-parir: “Funerals are mandatory, weddings are optional.” Regola, li ngħidu x’ngħidu, tgħodd għall-bniedem fil-livell ta’ ħidmet Antigone. Għax hemm liġijiet superjuri li l-bnedmin iħossu li huwa sewwa u xieraq li josservaw, iżda iktar minn hekk, li jridu li jiġu osservati.
Allura
7. Għaldaqstant f’dan naħseb li wieħed għandu fuqhiex jirrifletti b’mod aktar kalm u jħares lejn l-affarijiet b’lenti oħra. Għax kif nistgħu, fis-soċjetà tagħna, bl-istorja u ċ-ċiviltà tagħna, f’dan kollu nidderieġu deputat tal-poplu li ma jmurx għal funeral? Dan imur kontra dak, li kif ħasset Antigone, inħossu ġewwa fina bħala li huwa sewwa. Kif nistgħu, mingħajr m’aħna nindunaw, jew irridu, inċekknuh u ngħidu li m’għandux jattendi? Kull deputat huwa daqs kull persuna oħra, u għaldaqstant irid jingħata l-ħin biex minn fuq ix-xogħol imur u jagħmel dak li jħoss li huwa dmiru. Nafdawh fil-fiduċja li diġà ngħata li jkun qed jagħmel dan b’attenzjoni. Jekk ma nagħmlux hekk, wisq nibża’ li dan isarraf f’pass li jkun kontra l-kultura tagħna u li nħoss li huwa diskriminatorju għall-aħħar. Huwa proprju f’dan li hemm il-lok li naġixxu biex nibdlu. Jekk ma hemm xejn miktub fil-liġi għandna naċċettaw dak li hemm imnaqqax fil-qalb naturali tal-bniedem. Nibdlu r-regoli, il-Kodiċi tal-Etika, il-liġijiet, sabiex dak li qabel dejjem ġie ġustament osservat ikompli jiġi hekk, u nassiguraw dinjità fil-libertà u l-ugwaljanza li kull deputat elett mill-poplu għandu jkollu.
Għax Antigone kellha, u għad għandha, raġun.
No comments:
Post a Comment