3.1.25

NISSEMMEW

1. Huma diversi l-kotba tal-letteratura fid-dinja li fihom jissemma pajjiżna. Ferm aktar milli naħsbu. Kull wieħed, speċjalment dawk li huma miktuba b’attenzjoni u minn awturi tajba, jidħlu biex b’xi mod jifhmuna. Fir-realtà, aħna soċjetà differenti minn oħrajn. Għandna l-aspett distint tagħna, li diversi jdumu biex jgħarblu. Imma jrid jingħad li hemm dawk ukoll li għexu magħna, jew kellhom esperjenzi diretti li minnhom kitbu dwarna. Irid jingħad li wieħed jieħu pjaċir meta nissemmew fit-tajjeb, jew b’xi mod nidħlu fl-istorja biex jagħmel sens għal min ikun qiegħed jaqra. Ovvjament, bħal ma hemm min jagħrafna fis-sħiħ, hemm ukoll min ma tantx, jew in parti, u kiteb xorta dwarna bħallikieku kien jafna kompletament.

Fortuna

2. F’dan, il-fortuna f’ħafna hija għalina li ninsabu fost dawk li nvolvewna fit-tajjeb. Hemm lista’ sabiħa ta’ kotba li qrajt u ċert li, intom ukoll, dawk il-kotba għaddew minn idejkom. F’dan proprju ħassejt li għandi nikteb dwar awtur speċjali li ċċelebrajna tul din is-sena, l-2024. Qiegħed nirreferi għall-awtur magħruf fost dawk li jaqraw, Leonardo Sciascia (1921-1989). Fakkarnih għax din is-sena kienet il-ħamsa u tletin waħda minn meta, fl-20 ta’ Novembru 1989, ġie nieqes ġewwa Palermo. Sciascia twieled f’Racalmuto fi Sqallija, mhux wisq ’il bgħid minn xtutna. Bniedem li m’abbandunax lil artu u wisq inqas lil għeruqu. Baqa’ hemm, jikteb u jaqra waqt li f’diversi jagħti xiehda għas-sewwa. Diversi ma qablux miegħu, imma wara s-snin ftit jistgħu jiddubitaw mill-intenzjonijiet tajba li mexxewh.

Kiteb ħafna

3. F’ħafna huwa iben denju ta’ dik il-gżira. Dak li għex ħajja attiva, deċiżament impenjat kontra l-kriminalità, l-illegalità, il-korruzzjoni u l-mafja. Kien kittieb, ġurnalista, poeta, kritiku tal-arti u politiku. Segwa kemm seta’ l-loġika umana bl-użu kostanti tar-raġuni. Mhux dejjem kellu raġun, bħal kull persuna oħra ma beżax jiżbalja. Tgħallem minn dak li ra li ma kellux jagħmel u mexxa lilu nnifsu ’l quddiem. F’dan, għal min isegwih jagħraf li hemm proċess ta’ bidla mill-kitba oriġinali tiegħu għal dawk iktar viċini. Mexa ’l quddiem u kien vuċi importanti f’soċjetà ikkumplikata, diffiċli u mimlija b’forom ta’ ipokresija u biżgħat. Ikkritika inġustament bnedmin oħra, u anki ħaseb ħażin fejn ma kellux, imma l-ħajja mexxietu biex jifhem. Jagħraf li ma kellux jasal fil-konklużjonijiet li wasal għalihom u li kellu jimxi ’l quddiem.

Qrajt

4. Għalkemm l-ideat politiċi tiegħu ma nappartjenix għalihom billi kien għal xi żmien viċin ħafna u elett fil-Partit Komunista Taljan, u aktar tard f’dak tal-Partit Radikali, xorta dak li jgħid wieħed ma jistax jiskartah. Anzi, kien ikun żball tiegħi kieku għamilt hekk. Niftakar għalhekk żgur li qrajt Il Giorno della Civetta (1961), A Ciascuno il suo (1966), L’Affaire Moro (1978), Alfabeto Pirandelliano (1989) u Il Cavaliere e la Morte (1988). Kitba li tistimula l-ideat favur jew kontra. Dik li tieħdok fir-rakkonti diretti. Ċertament għalija l-aktar L’Affaire Moro, li huwa bażat fuq dak li kien qiegħed jirriżulta fil-kummissjoni parlamentari, li wara kien membru tagħha, li kienet qed tisma’ x-xiehda dwar il-martirju ta’ Aldo Moro. Il-linja prinċipali tiegħu kienet f’dan dejjem aktar dak li jrid jikkumbatti għas-sewwa fis-sejħa għall-verità. Irid il-ġid lill-bnedmin, anki jekk il-proġetti mhux dejjem wieħed kien jista’ jaqbel magħhom.

Influwenza

5. Fuq dan, fil-kitba tiegħu ħalla influwenza ċara li messet ma’ oħrajn warajh. L-iktar fl-għaġna ta’ kitbietu. Diretta, ċara u li tinftiehem minn ħafna. Ċert f’rasi li Andrea Camilleri (1925-2019) kien wieħed minnhom. Imma f’dan kollu nammetti li ma kontx daqshekk ċert, waqt li ġejt biex nikteb dan l-artiklu, jekk kontx qrajt il-ktieb Il Consiglio d’Egitto (1963). Għandi amment li iva. Imma biex inkun iktar ippreparat għaddejt biex naqrah mill-ġdid f’dawn il-jiem. Kitba mill-isbaħ, fi storja marbuta ma’ saċerdot Malti, Giuseppe Vella, li madwar l-1782 għex f’Palermo. L-istorja tmiss ma’ dokument, apparentement fil-lingwa Għarbija, li l-imsemmi saċerdot suppost li jittraduċi u jaqleb. L-għarfien tal-lingwa huwa bbażat fuq il-fatt li kien jaf jitkellem bil-Malti. Imma dan id-dokument, li fir-realtà huwa marbut mal-ħajja tal-Profeta Mawmettu, Vella jibnih f’wieħed politiku. Fejn minħabba fih, Sciascia jgħidilna li: “... permetterebbe, l-abolizione di tutti i privilegi feudali, potrebbe perciò valere da scintilla per un complotto rivoluzionario.” (jippermetti l-abolizzjoni tal-privileġġi fewdali kollha, u għalhekk seta’ kien ir-raġuni għal komplott rivoluzzjonarju.)

Grave ma lucido azzardo

6. L-awtur u impostur jispiċċa f’dan is-sogru perikoluż immens u jinqabad. F’paġni mill-isbaħ u drammatiċi. Fejn tibda taqra u verament ma tkunx trid titilqu minn idejk. Fejn f’dan, mingħajr ma trid, ta’ Malti tinġibed lejn din il-protagonista. L-abbiltajiet tiegħu “ċelebrati” u dan fl-isfond storiku u dettaljat. Sinjal ċar li Sciascia ħa ħafna ħin fir-riċerka sabiex ikun korrett f’dak li qiegħed jikteb dwarna. Mhux biss, imma għalkemm il-figura ċentrali fil-fatt kien iffalsifika kollox, xorta l-awtur ma jpinġihx bħala l-“ħażin”, imma l-intelliġenti. Mhux biss, imma kien attent sabiex ma jweġġgħax is-sentimenti u l-patrijottiżmu tagħna. Fil-fatt, f’mumenti varji, dan iben pajjiżna jirnexxilu jġib warajh biex jemmnuh u jsostnuh lil diversi fis-soċjetà ta’ dik il-gżira. Kapaċità li l-awtur jirrikonoxxilu. Ċertifikat b’karatteristiċi differenti, imma indirettament lilna wkoll.

Ce ne ricorderemo, di questa pianeta

7. Fuq il-lapida fejn jinsab midfun hemm dawn il-kliem speċjali. Meħuda minn dak li Auguste de Villiers de l’Isle Adam (1838-1889), li kien neputi tal-ewwel Granmastru li kellna f’pajjiżna, kien kiteb. F’dan, konnessjoni oħra iktar ċara fir-rabtiet “Maltin” li huwa kellu. Sciascia jgħid hekk dwar din l-għażla: “... avverto che una certa attenzione questa terra, questa vita meritano.” Għandu raġun l-awtur anke jekk għaddew ħamsa u tletin sena li d-dinja verament ħaqqha attenzjoni u ħaqqha li nikkumbattu għaliha sabiex tkun aħjar u protetta. Inħarsu ’l quddiem wara sena xejn faċli għad-dinja sabiex niftakru fl-ambjent ta’ madwarna u nipproteġuh.

Minn qalbi nawgura lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna. Nawgura l-isbaħ xewqat ukoll lil dawk kollha li jaqraw u jixtru l-gazzetta, għax mertu tagħhom li għandna vuċi rilevanti fis-soċjetà demokratika tagħna.

No comments:

IT-TAMA VERA. ANKRA TAR-RUĦ

1. Xtrajt, u bħalissa qiegħed għaddej naqra l-ktieb It-tama ankra tar-ruħ tal-Papa Franġisku, bil-lingwa nazzjonali tagħna. Maqlub mit...