24712. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni uffiċjali ttieħdet minn pajjiżna fir-rigward tas-sitwazzjoni preżenti ġewwa l-Venezwela?
17/01/2025
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-poplu tal-Venezwela vvota b’mod
paċifiku fl-elezzjoni li saret fit-28 ta’ Lulju 2024 li fiha maġġoranza
sinifikattiva vvutat għal bidla demokratika billi appoġjat lil Edmundo Gonzáles
Urrutia. Peress li l-awtoritajiet
irrifjutaw li jippubblikaw ir-rekords uffiċjali mill-postijiet ta’
votazzjoni, ir-riżultati mħabbra jibqgħu mhux verifikati u għaldaqstant ma
jistgħux jiġu rikonoxxuti bħala rappreżentattivi tar-rieda tan-nies. Malta, bħall-pajjiżi tal-UE,
għadha ma tagħrafx il-leġittimità tal-presidenza ta’ Nicolás Maduro, peress li
ma ġiex elett b’mod demokratiku.
Flimkien mal-pajjiżi tal-UE, Malta appellat lill-awtoritajiet tal-Venezwela
biex itemmu d-detenzjonijiet inġusti u arbitrarji kollha u sabiex il-priġunieri
politiċi jinħelsu mingħajr kundizzjonijiet. Malta ħeġġet lill-awtoritajiet biex
jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem inkluż id-dritt għal għaqda
paċifika u l-libertà tal-espressjoni.
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, flimkien mal-istati membri tal-UE, Malta
addottat pakkett ta’ sanzjonijiet kontra 15-il individwu responsabbli
għad-dgħajfien tad-demokrazija, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem
fil-Venezwela. Dawn l-individwi huma membri tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali
tal-Venezwela (CNE), tal-ġudikatura, u tal-forzi tas-sigurtà. Malta ma addottat
l-ebda miżura li tista’ tikkawża ħsara lill-poplu Venezweljan jew
lill-ekonomija. L-għan huwa li tiġi appoġġata soluzzjoni negozjata u
demokratika għall-kriżi. It-treġġigħ lura tas-sanzjonijiet tal-UE ser
jiddependi fuq progress tanġibbli fid-drittijiet tal-bniedem u l-istat
tad-dritt fil-Venezwela, flimkien ma' passi sinifikanti lejn djalogu ġenwin u
tranżizzjoni demokratika. Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jestendi l-miżuri
restrittivi għal sena oħra sal-10 ta' Jannar 2026.
Seduta 302
22/01/2025
No comments:
Post a Comment