10.1.25

TISLIMA - APPREZZAMENT - PERIT MICHAEL FALZON

1. Ma kontx ngħid li ser nikteb dwaru. Kont għadni kif segwejt il-programm Xtra, li fih kien deher fost numru ta’ persuni oħra jiddiskuti dak li seħħ is-sena li għaddiet, l-2024. Tista’, bħal kull persuna oħra, ma taqbilx ma’ dak li kien isostni, imma xorta tifhem li kien ikun żball jekk ma taqrax dak li kien jikteb, jew ma kontx tisimgħu meta kien jitkellem. Il-Perit Michael Falzon kellu karriera politika twila u kien persuna influwenti sew. Kien kapaċi jargumenta u jieħu linja politika differenti minn dik li l-oħrajn ikunu diġà aċċettaw. F’dak il-proċess għadda minn ħafna diffikultajiet u kien jikkontesta f’distretti fejn kien hemm diġà dawk li kienu stabbiliti sewwa. Ma kienx faċli fuq id-Disa’ u l-Għaxar distretti, anke jekk il-Partit kien fil-maġġoranza stabbli fihom. Imma kien irnexxilu jimmarka lilu nnifsu, sija bħala deputat, kif ukoll bħala ministru.

Kellu pinna tajba

2. F’dan aktar kellu x’taqilgħu l-pinna. Niftakar meta kienet ħarġet il-gazzetta The Democrat, li kien l-Editur tagħha. Naħseb li f’dak il-mument il-Partit kien fil-massimu tal-użu, għax kellu wkoll Il-Mument u In-Nazzjon Tagħna għaddejja wkoll. Kien kapaċi jikteb biż-żewġ lingwi, għalkemm kif irriflettejt diversi drabi, naħseb li kien iħossu iktar komdu jikteb b’dik Ingliża. Fil-fatt, tul dawn id-diversi snin li ma kienx aktar fil-Parlament, qabad namra u mħabba mal-gazzetta Malta Today. Kien jikteb regolarment fi kważi kull ħarġa tagħha. Artikoli diretti u mimlija suġġetti varji, l-iktar fuq dak li jkun għaddej u fuq dak li jara li għandu jlissen opinjoni, favur jew kontra, ta’ dak li jkun seħħ.

Mhux fuq l-istess nota


3. Nammetti li diversi drabi ma kontx miegħu fuq l-istess nota. Sija qabel bdejt inservi bħala deputat, kif ukoll aktar tard meta sirt ministru. Għandi dubju kbir fuq kemm f’kitbietu qabel ma’ dak li kont qiegħed inwettaq. Naħseb li rari kien hemm kelma ta’ ‘tifħir’, imma xorta f’dan kont infittex li nara dak li jgħid. Kien serva huwa wkoll bħala ministru u jekk, kif nafu, ma tkunx ġarrabt dik l-esperjenza, hemm ħafna li jaqbiżlek. Kien parti mill-proċess li kont nagħmel biex nifhem aktar dak li qiegħed, u dak li ħaddieħor kien jaħseb li għandi nwettaq. Anke jekk nifhem li ma kontx biżżejjed attent f’dak li kien qiegħed jindika, xorta naħseb u nittama li wrejtu li l-intenzjonijiet tiegħi kienu tajba. Proċess xejn faċli, għax ma tantx kien jaċċetta dak li ħaddieħor kien jgħid, u kien ifittex sew biex jifhem jekk ħaġa hix verament issir għal dak li ngħad dwarha.

Xettiku

4. Kien ċertament persuna li kellu doża aktar qawwija ta’ xettiċiżmu. Diffiċli biex tipperswadih, imma jekk jirnexxilek darba allura taf li ser jibqa’ ftit aktar minn qabel jieħu kliemek fid-dawl tat-tajjeb. F’dan rajtu diversi drabi fl-azzjoni u kellu għajn partikolari għal dawk li kienu jgħidu ħafna kliem fl-arja mentri huwa kien irid ikun ċert li kienu ser iwettqu u li ma kienux ser ikunu ipokriti. Niftakarni naqra artikolu partikolari tiegħu fejn kien qal hekk: “There is a limit to the amount of hypocrisy that I can stomach.” Diversi mumenti, jien u dieħel il-Qorti jew sejjer nieħu kafè, kont narah jew inkellmu fuq dak li kien ikun għaddej. Anke jekk inkun bgħattlu messaġġ li artikolu tiegħu jkun għoġobni. Fit-triq kienet iktar faċli, għax kien ikun waħdu sejjer jiltaqa’ mal-ħbieb kostanti tiegħu. Dawk li darbtejn, tlieta fil-ġimgħa kienu jkunu barra fuq xi mejda mdawrin ħdejh għand Cafè Cordina. Diskussjonijiet liberi, ċajtiera wkoll, u ħafna drabi b’xi gazzetta f’idejh. Hemm il-konverżazzjoni kienet tkun ħelwa, u fl-istess ħin, attenta. Ċert li huma direttament ser iħossu sew in-nuqqas tiegħu.

Forsi mertu

5. F’dan kollu kien wieħed mill-ftit persuni li wara li spiċċajt inġustament minn ministru kien ċempilli biex immorru nieklu flimkien ma’ ħabib komuni. Ħassejt li kelli mmur, hekk għamilt u ma jiddispjaċini xejn. Ħassejtni lura bniedem fil-politika li għandi ideat u li nista’ naqsamhom, anke ma’ min ma kienx jaqbel miegħi. Staqsieni numru ta’ domandi, li ma ddejjaqtx inwieġeb. Nibża’ li kkonfermajtlu l-ħsieb tiegħu fil-konfront ta’ oħrajn. Imma fl-aħħar mill-aħħar, hu li ma kien xejn faċli u li anki ma kienx anqas proprju “supporter” tiegħi, fehem aktar dak li kont għaddejt u li kont ser ngħaddi minnu. Mertu ta’ dik l-ikla stajt inwassal iktar dak li naħseb u għamilt iktar kuraġġ biex nibqa’ għaddej proprju fi żmien meta ħassejtni abbandunat f’rokna.

Rajtu f’aktar

6. Kellu wkoll il-mertu li ma qagħadx lura milli jikkritika anke lil dawk li kien, f’mument jew ieħor, appoġġja. Kien xellfiha wkoll ma’ xi wħud. Biss, kif jiġri spiss, anki llum hemm l-idea li m’għandekx bżonn tifhem lil dak li ma jaqbilx miegħek. Kibret, u għadha kkultivata minn xi wħud fil-partiti politiċi tagħna, li jekk ma taqbilx mal-famuża “tmexxija”, allura ma tiġix ikkunsidrat. Li huwa żball politiku fih innifsu, imma minkejja dan hu kien baqa’ jikteb b’indipendenza. Ma kellu ebda ħsieb li jidher sabiħ ma’ dak jew mal-ieħor. Ried jgħid biss kif jara l-affarijiet. F’dan baqa’ l-persuna li jħobb lil pajjiżu u lill-Partit li serva fih. Kiteb u kien ċar ħafna fuq dak li għaddejna minnu u ċert li xtaq mod ieħor. Għax, kif nafu sew, il-ġlied fil-partiti ma jżidx fil-voti. F’ħafna nittama li wħud jifhmu kemm ġejna fi kliemu.

Radju

7. F’dan ser nitilfuh ukoll aktar illum. Dan għax kellu appuntament kważi fiss fuq Campus FM 103.7 kull nhar ta’ Tlieta fid-disgħa ta’ filgħodu għall-kummentarju tal-gazzetti. Kont insegwih invarjabbilment u diversi drabi kien josserva, kif għandu, fuq dak li kien ikun għaddej. Kummenti preċiżi u diretti li kien jieħu pjaċir jagħmel, proprju għax ma kienx qata’ mix-xena u żamm lilu nnifsu jaqra u jsegwi sew. F’dan kien, u baqa’, vuċi kritika ħafna. Nammetti li dak li qal fl-aħħar programm li semmejt żammni naħseb u kont, sal-Ħadd, deċiż li ser nikteb artiklu fuq il-pariri tiegħu. Dan għax baqa’ persuna bl-ideat politiċi. Proprju għalhekk li l-aħbar li ġie msejjaħ lura għal għand il-Ħallieq tagħna ħaditni għall-għarrieda. Minn hawn, għalhekk, insellimlu u ngħaddi l-kondoljanzi tiegħi lill-familja għażiża tiegħu.

No comments:

TISLIMA - APPREZZAMENT - PERIT MICHAEL FALZON

1. Ma kontx ngħid li ser nikteb dwaru. Kont għadni kif segwejt il-programm Xtra , li fih kien deher fost numru ta’ persuni oħra jiddis...