1. Fid-dinja li ninsabu. Fl-eventi li jum wara jum naqraw, jew naraw, jew nisimgħu, jew ukoll dawn ukoll f’daqqa, nagħrfu bżonn partikolari. Quddiem il-konfużjoni ġenerali li għaddejjin minnha fejn fl-illoġika hemm min irid jislet minnha l-loġika u hemm min iħares band’oħra. Iħares biex jittama li fid-diżordni tal-ħsieb u tal-aġir uman ikun hemm alternattiva bażata fuq is-sewwa, l-ordni u l-istorja. Dik soċjali, ekonomika, politika, u fuq kollox dik li tifrex ruħha fid-dinja li qegħda tipprova dejjem tiċkien.
Ċert
2. F’dan ninsab iktar ċert illi kieku kellna nġibu lura lil dawk li għexu qabilna jagħrfu jagħtuna direzzjonijiet aqwa. Quddiem il-politika ‘differenti’ ta’ Donald Trump li qegħda tipprova żżarma dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar tmenin sena. Quddiem l-istess ħsieb f’xenarju ieħor, Vladimir Putin li jrid jieħu lura l-Federazzjoni Russa għal dak li kienet fi żmien Katerina l-Kbira (1729-1796), wieħed irid jifhem. Jifhem li l-istorja ma tmurx lura, u anqas ma tirrepeti ruħha, imma timxi ’l quddiem fid-direzzjonijiet umani li ż-żminijiet jagħtu. Mexxejja ta’ qabilna ċert li f’dan jagħrfu jmexxuna sewwa.
Art fertili
3. M’għandix dubju li kieku kellhom jitwieldu mill-ġdid Alcide de Gasperi (1881-1954), Konrad Adenauer (1876-1967) u Robert Schuman (1886-1963) jafu jiddiriġuna. Jagħrfu li mhumiex ’il bgħid minn dak li l-Ewropa u d-dinja għaddew minnu mitt sena ilu. Jagħrfu jispjegawlna li għaddejjin minn mewġa tal-politika żbaljata tal-estremiżmu. Jagħrfu jfakkruna li proprju għax kienu t-tlieta Demokristjani li bnew għalina Ewropa ta’ paċi u ta’ stabilità: waħda li hija ferm iktar b’saħħitha milli oħrajn jaħsbu.
Estremiżmi
4. Jagħrfu aktar ifakkruna li l-Faxxiżmu u n-Nażiżmu ġiebu tkissir u qtil fil-ħsieb tagħhom li jekk tkisser tista’ terġa’ tibni soċjetà suppost differenti. Waħda fejn il-bniedem jitlef kull valur u jsir biss oġġett li jista’ jiġi skartat u mormi. Waħda li xeħtet lura kull forma ta’ kultura u tkabbir uman. Waħda li minħabba l-wirt tagħha, l-Ewropa batiet sew biex reġgħet kibret. Waħda li tilfet diversi minn uliedha u mill-wirt kulturali tagħha. Waħda li tilfet il-paċi, il-ġustizzja u l-istabilità. Ifakkruna li l-estremiżmi ma jwasslu għal imkien, salv għal iktar kumplikazzjonijiet u eżistenza aktar iebsa minn dik li diġà għandna.
Il-lezzjoni
5. F’dan il-proċess l-Ewropa, tul l-estremiżmi tilfet l-għeruq Insara li sawruha. Proprju f’dan kien l-aġir għaqli ta’ dawn il-bnedmin u oħrajn magħhom li fehmu li tista’ terġa’ tibni jekk tmur il-kontra. Tibni billi tifhem li bid-demokrazija tagħmel soċjetà aħjar, għax hija valur. Tibni aktar meta din tkompli tispira ruħha mal-valuri u l-pedamenti Nsara. Proprju għalhekk li għandna l-Unjoni Ewropea llum u proprju aktar għax din hija l-mudell li hemm min, lura fl-estremiżmi tiegħu, li jrid ikisser dak li nbena.
Żball
6. Dawk li huma minn barra jifhmu dak li għandna. Jifhmu li ngawdu minn soċjetà aktar ċivilizzata, aktar umana, u li tipproteġi dak kollu li huwa ta’ valur għaliha. Hemm min irid jimitana u hemm, minflok, min irid ifarrakna. Għandna nagħrfu aktar dan biex ma nċedux għall-ħmerijiet tal-oħrajn u nqisu fl-għaqal il-mossi politiċi ta’ oħrajn. Kull pajjiż, kif ċert li anki fir-Renju Unit hemm dan l-għarfien, jaf li mingħajr l-għaqda fl-Unjoni Ewropea ser imur lura, u anzi jkun iktar diffiċli għalih biex ilaħħaq ma’ fejn wasal. U li jkun kapaċi jimxi ’l quddiem.
Għalkemm ma jidhirx
7. Niskanta li f’dan ftit jagħrfu li meta l-partiti tal-lemin estrem jew tax-xellug fl-Ewropa fl-Oppożizzjoni jkunu mimlija bil-kontra, meta jkunu fil-Gvern jippruvaw isiru aktar moderati. Proprju aktar f’dan huwa ċar li l-linja tal-politika taċ-Ċentru, dik Demokratika Kristjana, tibqa’ għal dawk li jaqraw il-politika bħala mudell uniku. Mudell li bena dak li ħadd qabel ma rnexxielu jibni. Proprju f’dan, jekk irridu nkomplu nibnu politika Ewropea u nazzjonali aqwa, għandna nimxu f’dik id-direzzjoni. Fil-konfużjoni ġenerali u preżenti li diversi qed jaraw, huwa għalija ferm iktar ċar li hawn mhux biss għatx Demokristjan, imma wieħed klubi.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
20.2.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
KIEN JAGĦTINA PARIR
1. Fil-ħajja kostanti tiegħu, il-bniedem jaġixxi u jirreaġixxi. F’diversi setturi, l-azzjoni u r-reazzjoni jiġu f’daqqa wara xulxin. F...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment