1. Wara tmenin sena minn meta seħħet laqgħa importanti f’din il-belt mill-isbaħ, tajjeb li wieħed jifhem u forsi jirrifletti. Art li llum għaddejja minn ħafna nkwiet u instabilità. Forsi f’dan nistgħu nħarsu lura lejn dak li kien seħħ bejn l-4 u l-11 ta’ Frar 1945, meta finalment iltaqgħu t-tlett mexxejja li kellhom f’idejhom il-gwerra kontra n-Nażi-Faxxiżmu. Persuni kbar li għarfu jmexxu popli fi ġlieda xejn faċli. Josef Stalin (1878-1953) għall-Unjoni Sovjetika, Winston Churchill (1874-1965) għar-Renju Unit u Franklin Delano Roosevelt (1882-1945) għall-Istati Uniti tal-Amerika. Hemm ġew f’daqqa sabiex jiddiskutu diversi punti fi gwerra li kienet qed tersaq lejn tmiemha. Għal uħud kien mument biex tiġbor flimkien u tipprova ssolvi kwistjonijiet ta’ politika futura f’punti komuni u f’kif tipprova ġġib alleanza militari trasformata f’waħda politika u ekonomika bejn dawn it-tlett Stati. Riedu dinja fejn tikber il-paċi, fejn tikber l-abbundanza ekonomika u tispiċċa l-iskarsità, fejn tinbena struttura ġdida fil-Ġnus Magħquda u li din tikkonsolida l-poter veru f’idejha f’Kunsill ta’ Sigurtà viġilanti.
Mument partikolari
2. Fil-fatt kien mument determinanti fl-istorja tat-Tieni Gwerra Dinjija. Pass ukoll neċessarju billi l-Alleati ma setgħux iħallu t-truf mhux miġbura f’direzzjonijiet, ideat politiċi li fihom ma jkunx hemm linja li taqbad futur komuni u stabbilit. Kien ukoll, imma iktar partikolari billi f’dak il-ħin l-Armata Russa kienet f’vantaġġ kbir fuq ix-xenarju militari. Waqt li ġew f’daqqa dawn il-mexxejja, ir-Russi kienu avvanzaw sew lejn Berlin, iddistruġġew fi triqithom ħamsa u erbgħin diviżjoni Tedeska u għamlu erba’ mitt elf suldat priġunier. Kien aktar hekk u f’dan għax kien ħaqqhom il-gratitudni li esprimew l-Alleati l-oħra lejhom proprju f’dak li dan il-mument kien jirrappreżenta. Dan għax kienu ħadu fuqhom l-attenzjoni Tedeska. Fil-mument meta fil-battalja magħrufa bħala “The Bulge” f’Diċembru 1944 kienu taw kedda sew lill-Anglo Amerikani. Il-prestiġju militari Russu ma setax ikun akbar milli f’dak il-mument li nġabru f’daqqa dawn il-mexxejja.
Setgħu ċertament
3. B’dak li kien għaddej fil-kamp tal-battalja, l-Unjoni Sovjetika setgħet għalhekk ħadet il-Ġermanja, speċjalment Berlin waħdedha qabel jaslu l-Alleati l-oħra. Imma fit-taħdidiet li kien hemm f’Yalta huma qablu li ma jwettqux dan u għalhekk ir-rebħa kellha tkun tat-tlieta. Fil-laqgħa proprju qamu diversi punti oħra li fil-fatt għadhom jidwu magħna llum. Hemm id-dinja nqasmet f’forma ta’ żoni ta’ influwenza imma l-għoqiedi għadhom jidwu biex jinħallu. Kien hemm il-kwistjoni ta’ x’għandu jsir mill-Ġermanja, kif kellha tinqasam u xi ħlasijiet kellha tħallas. Kien hemm dik Pollakka, xi gvern u xi fruntieri kellu jkollha. F’dak li jingħad li Stalin kien spjega lill-Alleati li l-Polonja kienet kwistjoni ta’ unur u sigurtà għalihom. Dik tat-twaqqif tal-Ġnus Magħquda bil-kumplikazzjonijiet ta’ min kellu jkun fil-Kunsill tas-Sigurtà u x’poteri dwar x’hiex setgħu jeżerċitaw il-veto. Iċ-Ċina, li kienet għadha b’partijiet okkupati mill-Ġappun. L-Iran, bil-bjar taż-żejt li kellu u li għad għandu.
Bilanċi u suspetti
4. Id-diskussjonijiet ma kinux nieqsa minn suspetti reċiproċi. Anke jekk, kif nafu, li Churchill u Roosevelt kienu ltaqgħu ftit qabel f’pajjiżna bejn it-30 ta’ Jannar u t-2 ta’ Frar 1945, ma kienx hemm qbil perfett. Imma f’Yalta nbena forma ta’ bilanċ f’dak li kellu jkun għalihom. Kull parti daħlet u ħarġet b’dak li ħasbet li kien l-aħjar u dak li ppretendiet li l-oħrajn ser iġibu ruħhom fih fil-futur. Però nafu aktar fil-qosor li wara li l-Gwerra ġiet fi tmiemha, dawk li kienu alleati ma baqgħux iktar hekk. Saru verament rivali. Effetti li ġew minħabba l-fatt li Roosevelt miet ftit wara u laħaq Harry Truman (1884-1872) u dak tal-politika li ġiebet posponiment ta’ diversi punti li baqgħu mdendla. Ma’ dan, sakemm kien hemm il-Ħajt ta’ Berlin kien hemm mhux biss rivalità, imma forma ta’ bilanċ fis-suspetti li komplew u fit-theddid sottili jew inqas li rajna. Id-dinja saret iktar qisha skakkiera, b’mossa kontra-mossa. Meta waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin u l-Unjoni Sovjetika ġiet żarmata, il-pożizzjoni nqalbet tant li l-iżbilanċi kibru bejn dawk li kienu qabel alleati b’Federazzjoni Russa inqas b’saħħitha mill-Unjoni Sovjetika.
Illum
5. F’dak kollu li seħħ f’dawn is-snin, tajjeb li nirriflettu mill-ġdid. Inħarsu lejn l-istorja u r-reazzjonijiet li r-riżentimenti passati jagħtu. Dak li hu għaddej jidher aktar li ġej minn hemm, u wieħed irid jifhem aktar dan. Għalhekk f’dan għandna iktar nippruvaw nirriflettu, l-ewwel proprju fil-mument storiku li ninsabu fih waqt din it-tielet sena ta’ din il-gwerra li għaddejja f’Ukrajna b’din l-invażjoni tal-Federazzjoni Russa; it-tieni fil-ħsieb li din il-belt ta’ Yalta bidlet l-idejn mill-ġdid għax wara t-tmiem tal-Ħajt għaddiet f’idejn l-Istat tal-Ukrajna u issa tinsab okkupata; u t-tielet f’dak li qiegħed jingħad bil-bidla tal-Presidenza Amerikana. Kemm il-partijiet segwew skont il-viżjoni oċċidentali l-loġika u kemm it-trattattivi li jidher li bdew jagħmlu sens hija f’dan li trid attenzjoni. Il-pożizzjonijiet inbidlu ħafna u f’dak li qiegħed jingħad mill-President Donald Trump ferm aktar ukoll.
Ftehim jew le
6. Min ser jersaq mal-mejda tat-trattattivi għad irridu naraw. X’ser jiġi diskuss huwa xi ħaġa oħra, imma huwa iktar importanti li tinqabad it-triq għal ftehim. Wieħed li jagħmel sens u jirrispetta kemm huwa possibbli l-pożizzjonijiet rispettivi. Wieħed li ma jipposponix, imma li jaffronta l-kwistjonijiet b’dawk involuti. Ma jistax, għalhekk, f’dan ikun hemm ftehim jekk ma jkunx hemm preżenti l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u Volodymyr Zelensky (1978). Huwa tajjeb għal ftehim veru u fit-tul. Mhux biżżejjed l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa waħedhom. F’dan hemm linja ta’ prinċipju li qiegħed fuq il-mejda, imma hemm ukoll il-kumplikazzjonijiet veri li ħarġu. Aktar u aktar waqt li qed naraw tibdiliet li wieħed jistaqsi lilu nnifsu jekk huwiex jisma’ sew. Il-bidliet verament sew saru f’dawn it-tmenin sena.
Fl-ispirtu
7. Nittamaw li l-vantaġġi ta’ Yalta jiġu identifikati u li l-iżbalji li seħħew ma jirrepetux ruħhom. Nittamaw li l-ispirtu li kellhom dak iż-żmien, b’xi mod, jirrendi ruħu lura. Fil-11 ta’ Frar 1945 kienu dawn it-tlett mexxejja li fil-ftehim tagħhom kienu ddikjaraw hekk: “Our meeting here in Crimea has reaffirmed our common determination to maintain and strengthen in the peace to come that unity of purpose and of action which has made victory possible and certain for the United Nations in this war. We believe that this is a sacred obligation which our Governments owe to our peoples and to all the peoples of the world.” Nittamaw li dan id-dmir qawwi jinħass mill-ġdid sabiex tirrenja l-paċi fil-ġustizzja. Nittamaw li l-ispirtu ta’ Yalta jikber, jispira, jfiehem u jkattar mill-ġdid lilu nnifsu.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
M'GĦANDNIEX NINSEWH - APPREZZAMENT TAS-SUR LORENZO ZAHRA
1. Hemm bnedmin li ssir taf u aktar ma tiltaqa’ magħhom aktar jikbru fuqek. Mill-ewwel impressjoni tiegħek tagħhom ’il quddiem timxi m...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment