24730. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jindika kemm hija prevista u x’tip ser tkun l-għajnuna umanitarja ta’ pajjiżna lill-poplu Palestinjan f’Gaża tul is-sena 2025?
17/01/2025
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif spjegajt fil-mistoqsija parlamentari
22858, il-Gvern Malti, inkluż il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u
t-Turiżmu, ħa azzjoni immedjata biex jindirizza l-katastrofi umanitarja f’Gaża
hekk kif saret evidenti il-gravità tas-sitwazzjoni. Sfortunatament,
is-sitwazzjoni kompliet tiggrava minn Ottubru 2023. Madankollu, nittama li
l-waqfien mill-ġlied miftiehem reċentement jippermetti flussi umanitarji ferm
ikbar u aktar stabbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-persunal umanitarju jkun
protett u jingħata aċċess lejn Gaża f’dan il-mument kruċjali.
Il-Ministeru għall-Affarijiet
Barranin u t-Turiżmu bħalissa qed jippjana n-nefqa annwali tal-għajnuna
għall-iżvilupp għall-2025. Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni f’Gaża, fejn
mijiet ta’ eluf ta’ persuni jeħtieġu għajnuna immedjata u assistenza fil-bini
mill-ġdid ta’ djarhom, Gaża se tkun fost l-ewwel prijoritajiet li se jiġu
ndirizzati. Matul l-2024, il-Gvern żied l-appoġġ tiegħu lejn l-Aġenzija
tax-Xogħlijiet ta’ Ħelsien tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, UNRWA għal EUR 190,000,
waqt li ħafna pajjiżi oħra kienu waqqfu jew naqqsu l-finanzjament tagħhom. Dan
huwa għarfien ċar tal-ħidma essenzjali li tagħmel din l-aġenzija f'Gaża.
Minkejja dan, il-ħidma
tal-UNRWA hija mhedda minħabba żewġ liġijiet reċenti tal-Knesset Iżraeljan, li
jistgħu jnaqqsu l-kapaċità tagħha li tipprovdi għajnuna umanitarja. Malta qed
taħdem mill-qrib mal-imsieħba fl-UE biex tiżgura li l-operat tal-UNRWA ikun
garantit. Barra minn hekk, qed jiġu evalwati forom oħra ta’ għajnuna, inkluż
kollaborazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali biex
jindirizzaw ħtiġijiet essenzjali bħal ikel, saħħa, edukazzjoni, u
r-rikostruzzjoni tal-infrastruttura ta’ Gaża. Dan kollu jsir filwaqt li nżommu
impenn sod lejn is-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati, li tippromwovi paċi u sigurtà
bejn il-Palestina u l-Iżrael.
Seduta 305
29/01/2025
No comments:
Post a Comment