24.2.25

KONGO U RWANDA - POŻIZZJONI DIPLOMATIKA

25532. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni diplomatika ttieħdet u x’rappreżentazzjonijiet saru fil-konfront tal-gwerra ċivili li għaddejja fil-Kongo u Rwanda u jekk pajjiżna huwiex b’xi mod jgħin umanitarjament?

 

13/02/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta beda l-kunflitt bejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Rwanda, Malta ħadet inizjattivi bilaterali u diplomatiċi biex tikkundanna l-eskalazzjoni tal-vjolenza li ħalliet mijiet ta’ eluf ta’ ċivili spostati. Nibqgħu mħassba dwar l-iżviluppi riċenti, li jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż u tar-reġjun, u ninsabu fi qbil sħiħ mal-pożizzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar dan il-kunflitt kif espressa fid-dikjarazzjoni mill-Viċi President u Rappreżentant Għoli Kallas tal-25 ta’ Jannar 2025.

 

F’dan l-istadju, il-prijorità tagħna għandha tibqa’ l-ħarsien tal-integrità territorjali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Malta temmen li huwa kruċjali li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirritornaw għal-laqgħat ta’ negozjar u li l-istati jżommu mal-impenn tagħhom, kif imwiegħed waqt is-Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u l-Komunità għall-Iżvilupp tal-Afrika t’Isfel fit-8 ta’ Frar 2025. Dawn l-isforzi għandhom iwasslu għal waqfien tal-ostilitajiet, aċċess umanitarju mingħajr xkiel, u l-bidu mill-ġdid tal-proċess ta’ djalogu permezz tal-Proċessi ta’ Luanda u Nairobi. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jingħataw l-għajnuniet umanitarji lil dawk milquta, u s-sigurtà tal-persunal umanitarju trid tkun garantita.

 

Dan il-kunflitt kien ukoll indirizzat matul il-mandat ta’ Malta bħala membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn Malta dejjem sostniet il-Missjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO - Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) bil-għan li jipproteġu liċ-ċivili u jistabbilizzaw ir-reġjun. Malta sejħet ukoll lil kull parti involuta biex tirrispetta l-mandat ta’ MONUSCO u enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi biex tiġi promossa l-koperazzjoni reġjonali u jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kunflitt. Malta se tkompli tappoġġa dawn l-isforzi, li huma aktar essenzjali minn qatt qabel fid-dawl tal-kuntest attwali.

 

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjonijiet umanitarji, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu bħalissa qed jaħdem biex jidentifika atturi umanitarji affidabbli li qed jaħdmu fuq il-post fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, bl-għan li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-isforzi tagħhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

 

Seduta  314

19/02/2025

No comments:

DUBBIEN, NEMUS U LJUNFANTI

1. Fl-ekosistema tagħna, f’dik tad-dinja sħiħa li aħna mistednin ngħixu fiha, hemm diversi speċje li jikkomponuha. Ilkoll bil-qies u d...