25531. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni diplomatika ttieħdet u x’rappreżentazzjonijiet saru fil-konfront tal-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sudan u jekk pajjiżna huwiex b’xi mod jgħin umanitarjament?
13/02/2025
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta beda l-kunflitt
fis-Sudan, Malta baqgħet konsistenti fl-enfasi tagħha fuq l-importanza li
tinżamm l-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tas-Sudan, filwaqt li
sejħet għal waqfien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ġlied sabiex
jiffaċilita’ djalogu politiku u triq lejn il-paċi. Malta tkompli tappoġġa
l-isforzi diplomatiċi mill-Unjoni Afrikana (AU), l-Awtorità Intergovernattiva
dwar l-Iżvilupp (IGAD), il-Lega tal-Istati Għarab, in-Nazzjonijiet Magħquda
(UN), kif ukoll il-kontributi minn pajjiżi bħas-Sawdi Arabja, l-Eġittu,
l-Iżvizzera, it-Turkija u l-Istati Uniti.
Malta wkoll kienet soda
fil-kundanna tagħha tal-azzjonijiet ta’ atturi kemm statali kif ukoll mhux
statali li kkontribwew għal ammont ta’ mewt u qerda fost iċ-ċivili kważi mingħajr
preċedent, u li l-għemil tagħhom wassal għas-sitwazzjoni diżastruża preżenti.
Aktar minn 10 miljun persuna ġew spostati internament, filwaqt li aktar minn 2
miljuni ħarbu lejn pajjiżi ġirien.
Malta hija ferm imħassba li
aktar minn 20 miljun persuna fis-Sudan jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti,
iżda minħabba l-vjolenza persistenti, numru żgħir biss minn dawn irċevew
l-għajnuna meħtieġa. F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli
għall-aċċess umanitarju u li d-daħliet biex taqsam il-fruntieri fis-Sudan
jibqgħu miftuħa sabiex l-għajnuna tilħaq lil dawk fil-bżonn.
Malta temmen bis-sħiħ li dawk
kollha responsabbli għall-kriżi attwali għandhom jiġu identifikati u miżmuma
responsabbli għall-atroċitajiet li wettqu u li għadhom iwettqu. F’dan
ir-rigward, Malta appoġġjat bis-sħiħ l-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex timponi
miżuri restrittivi fuq individwi u entitajiet li heddew il-paċi, l-istabbiltà u
s-sigurtà tas-Sudan, u se tkompli tappoġġa sanzjonijiet addizzjonali kontra
dawk fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija li jfixklu l-operazzjonijiet umanitarji u
r-ritorn għal tranżizzjoni demokratika.
Fl-aħħar nett, kif indikajna
bosta drabi matul il-mandat ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet
Magħquda bejn l-2023 u l-2024, Malta temmen li t-tranżizzjoni lejn gvern
demokratiku trid tibqa’ l-għan aħħari għas-Sudan, flimkien ma’ żieda konsiderevoli
fl-għajnuna allokata għaċ-ċivili fil-pajjiż. Minn meta beda l-kunflitt fl-2023,
il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta madwar €125,000
f’għajnuna umanitarja, u l-Ministeru se jkompli jipprovdi din l-assistenza
matul l-2025.
Seduta 314
19/02/2025
No comments:
Post a Comment