Ix-xahar ta’ Novembru f’dan il-pajjiż jibqa’ wieħed li fih niftakru u nonoraw lil bnedmin bħalna li għaddew għal ħajja aħjar qabilna. Persuni li sawru s-soċjetà u l-familji tagħna. Kemm hija tradizzjoni antika, waħda li jixirqilha tifħir u li għandna nieħdu ħsieb li ma nitilfux. Ir-rispett lejn min miet għandu jibqa’ jinżamm.
Kemm ilni f’dan il-Ministeru sibt tradizzjoni fil-Korp tal-Pulizija li tiġi ċelebrata b’dinjità akbar. Kull sena jsiru żewġ ċerimonji fl-Akkademja għall-membri li servew u li m’għadhomx magħna. Waħda ssir viċin id-data tat-12 ta’ Lulju – Jum il-Pulizija, u l-oħra ssir fl-ewwel Ħadd ta’ Novembru. Bħas-snin ta’ qabel, din is-sena kont preżenti għalihom it-tnejn. Jibdew b’quddiesa fid-9 ta’ filgħodu fil-Kappella taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata u wara jsiru diskorsi qosra u tqegħid ta’ fjuri. Kull sena nara li l-programm jiżdied bħalma anke l-parteċipazzjoni. Passi pożittivi għax jekk ninsew lil min ta sehemu fil-passat, inkunu qed niżbaljaw.
Pajjiżna hu li hu għax għandu magħġuna fih dawn il-valuri, li jkun żball jekk jintilfu. Fortunatament, il-Korp tal-Pulizija għadu jemmen f’dan għax ir-rispett huwa mistħoqq.