31.3.21

UFFIĊĊU TAL-PRIM MINISTRU – SPIŻA FUQ MOBILE PHONES

15311. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet l-ispiża li saret fil-Ministeru tul is-sena 2018 f’mobile phones kif ukoll jista’ jiġi indikat l-ispiża li saret fis-segreterija privata tal-ministru tul dik is-sena? 

 

04/06/2020

 

  ONOR. ROBERT ABELA:  Ninsab nformat li ma kien hemm ebda spiża fuq mobile phones fl-2018.

 

Seduta  346

22/06/2020 

TAĦRIĠ U ŻVILUPP FIL-KARRIERA DIPLOMATIKA

 

 

15310. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi u programmi ġew segwiti għat-taħriġ u żvilupp fil-karriera diplomatika tul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jindika kemm persuni attendew għalihom?

 

04/06/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej joffri diversi opportunitajiet ta’ taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera lid-diplomatiċi tiegħu.  Kull sena l-Ministeru joffri lil-uffiċjali tiegħu, korsijiet fuq livell ta’ Masters kemm fl-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC) tal-Universita’ ta’Malta, kif ukoll fl-Universita’ ta’ Sussex, l-Ingilterra jew f’dik ta’ Bruges, il-Belġju. 

 

Flimkien mal-EEAS, jiġu offruti korsijiet qosra ġewwa Brussel relatati ma’ temi diversi tal-politika esterna u ta’ sikurezza komuni tal-Unjoni Ewropeja (CFSP).  Bl-għajnuna tal-MEDAC kif ukoll tad-DIPLO Foundation, il-Ministeru joffri korsijiet fid-diplomazija u l-istorja Mediterranja, fir-rizoluzzjoni tal-konflitti, fl-ekonomija fid-diplomazija kif ukoll dwar id-dinja tal-informatika w l-governanza permezz tal-internet. 

Diversi diplomatiċi jintbagħtu jsewgu korsijiet qosra fid-diplomazija offruti minn Ministeri tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjizi li magħhom Malta għandha relazzjoni mill-qrib.

Wara li jiggradwaw mill-Universita f’qasam relatat mal-professjoni diplomatika u jsir reklutaġġ ta’ uffiċjali ġodda, l-Ministeru jorganizza korsijiet qosra imma ntensivi dwar ix-xogħol marbut mad-diversi direttorati tal-Ministeru sabiex dawn jiffarmiljarizzaw irwieħhom mad-doveri professjonali li jkunu qegħdin jistennewhom.  Lid-diplomatiċi li jkunu qegħdin iservu barra minn Malta, l-Ministeru joffrilhom l-opportunita’ sabiex jitgħallmu jew jiżviluppaw il-lingwa barranija tal-post fejn ikunu qegħdin iservu.  Dan it-taħriġ, jekk ikun possibbli, jista’ jitkompla ġaladarba l-uffiċjal jirritorna Malta. 

L-istatistiċi għal dan il-perjodu jindikaw li fl-aħħar tliet snin, 130 uffiċjal min dan il-Ministeru attendew it-taħriġ li 60 minnhom huma membri tal-korp diplomatiku.  Dan it-taħriġ ivarja minn taħriġ fil-lingwa, għal taħriġ fil-kura tal-klijenti, għad-diplomazija u taħriġ relatat mal-politika barranija, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.

 

Seduta  346

22/06/2020

RAĦAL ĠDID - ĊENTRU TAS-SAĦĦA ĠDID - SPEJJEŻ

 

 

15309. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi spejjeż saru sal-aħħar ta’ April 2020 fil-proġett li qiegħed jsir għal Ċentru tas-Saħħa Ġdid f’Raħal Ġdid? Jista’ jindika kemm huwa previst li jiġi minfuq u jekk il-miri finanzjarji humiex jinżammu jew superati?

 

04/06/2020

 

  ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal-proġett tal-Paola Hub sal-aħħar t’April 2020, tħallset is-somma ta’ €728,296 f’xogħol ta’ kostruzzjoni kif ukoll fi spejjeż preliminarji bħal studji u investigazzjonijiet għal Impatt tat-Traffiku, Nar u Ventilazzjoni, Ġeotekniċi, Stħarriġ fuq l-Art, Kontaminazzjoni ta 'Artijiet, Cost Benefit Analysis u Konsulenza dwar Applikazzjoni tal-Unjoni Ewropeja. Minn dan l-ammont, €449,882 ġew minn Fondi Ewropej.

 Dan il-proġett se jkun jiswa madwar €39 miljun ewro.

 

Seduta  346

22/06/2020

JOINT COMMISSION - LAQGĦAT

 

 

15308. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14084, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa previst li terġa’ tiltaqa’ l-Kummissjoni Konġunta Malta-Alġerija?

 

04/06/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant li waqt il-ħames sessjoni tal-Kummisjoni Konġunta Malta-Alġerija li saret hawn Malta fid-19 ta’ Diċembru 2018, ġie maqbul li s-sitt sessjoni ta’ din il-Kummissjoni għandha tiltaqa’ fi żmien sentejn f’Alġiers. Id-data għad trid tkun maqbula bejn iż-żewġ naħat tramite kuntatti diplomatiċi, u dan suġġett li ċ-ċirkustanzi jippermettu.

 

Seduta  346

22/06/2020

GHANA U KOSTA TAL-AVORJU - ŻJARAT

 

 

15307. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14086, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi kuntratti li ġew iffirmatiwaqt iż-żjara kummerċjali fil-Ghana u jista’ jindika mil-liema entitajiet pubbliċi u governattivi kienu l-erba’ uffiċjali għolja?

 

04/06/2020

 

  ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet pubbliċi u governattivi li żaru l-Ghana, apparti TradeMalta, kienu l-Malta Enterprise, l-MCAST, il-Malta Medicines Authority u l-Universita ta Malta. F'din iż-żjara kienu ffirmati ħames ‘memorandum of understanding’ bejn entitajiet pubbliċi u governattivi u privati.

 

Seduta  346

22/06/2020

PUBLIC SERVICE COMMISSION - IMPJEGATI

 

 

15306. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni preżentement impjegati sal-aħħar tas-sena 2019 fil-Public Service Commission u jista’ jindika l-gradi relattivi?

 

04/06/2020

 

  ONOR. ROBERT ABELA:  Ninsab nformat li sa l-aħħar ta’ l-2019 kien hemm 18-il impjegat mal-Public Service Commission li jvarjaw bħala gradi minn Segretarju Eżekuttiv għal Assistenti Diretturi u ħaddiema klerikali u amministrattivi.

 

Seduta  346

22/06/2020

IX-XGĦAJRA – MANUTENZJONI TAX-XATT

 

 

15126. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14292, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk il-Kunsill huwiex ser jingħata l-fondi neċessarji sabiex il-ħadid msaddad u li jista’ jkun perikoluż, jiġu mibdula u fejn possibbli kkurati lura?

 

01/06/2020

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li x-xogħol se jitwettaq mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

 

Seduta  342

10/06/2020

ARGOTTI AND BOTANIC GARDENS RESOURCE CENTRE – INIZJATTIVI U STUDJI

 

15125. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14257, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jidhirlux li l-budget annwali ta’ madwar €10,500 (li ma jinkludix il-pagi) ma huwiex biżżejjed sabiex issir l-ħidma u r-riċerka fl-Argotti and Botanic Gardens Resource Centre, post strateġikament importanti għall-pajjiżna senjatament ukoll sabiex ikun hemm ġnien botaniku?

01/06/2020

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li għal bosta snin u sal-lum il-ġurnata il-baġit annwali baqa' l-istess. Iċ-Ċentru kien ħa sehem fi proġetti finanzjati minn entitajiet oħra u b’hekk seta’ jagħmel xogħol importanti u iktar voluminuż minkejja d-daqs modest tal-baġit allokat lilu.  Kif kien ġie spjegat, proġett wieħed kien jinvolvi żvilupp ta' pakketti edukattivi marbutin mal-immaniġġjar tal-ġonna, u l-ieħor kien jinvolvi ġbir ta' żerriegħa u bini ta' bank taż-żerriegħa. Għalhekk, barra minn dawn il-proġetti, ir-riċerka li saret kienet dik li saret minn studenti ta' dipartimenti diversi. Hija l-fehma tal-bord tal-Argotti li din id-direzzjoni għandha tkompli u tissaħħaħ.

 

Seduta  342

10/06/2020

HERITAGE MALTA – PUBBLIKAZZJONIJIET

 


15124. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm pubblikazzjonijiet minn Heritage Malta fis-sena 2018? Jista’ jelenkahom u jgħid kemm ġew mibjugħa jew distrubwiti u kemm għad fadal?

 

01/06/2020

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif murija fit-tabella hawn taħt:

 

Sena 2018 - Heritage Malta – pubblikazzjonijiet

Nru ta’ Pubblikazzjonijiet

Dettalji tal-Pubblikazzjonijiet

Kemm ġew mibjugħa/distribwiti

Kemm għad fadal

1200

Tesserae 6, Spring 2018 – ISBN 978-99932-57-54-7

585

715

1000

Il-Misteru ta’ Taht is-Sigra tal-Harrub – ISBN 978-99932-57-52-3

869

131

50

Valletta, my city, my Story (Talking Book) - ISRC MT-A1D-18-00001

10

40

1000

Il-Mithna ta’ Kola, Ktieb ta’ Hidma – ISBN 978 99932-57-61-5

181

819

1000

Il-Katakombi ta’ San Pawl, Ktieb ta’ Hidma – ISBN 978-99932-57-62-2

544

456

1000

Il-Muzew Marittimu, Ktieb ta’ Hidma – ISBN 978-99932-57-63-9

151

849

1000

L-Armerija tal-Palazz, Ktieb ta’ Hidma – ISBN 978-99932-57-64-6

313

687

1000

The Schranz Family of Artists, a journey of Discovery – ISBN 978-99932-57-51-6

745

255

1000

Archaeological Fragments and Other Sources of Information – ISBN 978-99932-57-53-0

174

826

2000

MUZA, The National Community Art Museum, ERDF 05.019 – ISBN 978-99932-57-56-1

1171

829

1000

Core & Periphery, Mdina & Safi in the 9th & 10th centuries – ISBN 978-99932-57-58-5

413

587

1000

Humillima Civitas Vallettae, From Mount Xebb-er-rass to European Capital of Culture (Soft Bound) – ISBN 978-99932-57-55-4

673

327

1500

Impressions of an Island, A Malta Comic Con Artbool – ISBN 978-99932-57-57-8

501

999

1200

Tesserae 7, Autumn 2018 – ISBN 978-99932-57-60-8

224

976

500

Humillima Civitas Vallettae, From Mount Xebb-er-rass to European Capital of Culture (Hard Bound) – ISBN 978-99932-57-65-3

76

424

 

 

Seduta  342

10/06/2020

 

AMBAXXATURI TA’ PAJJIŻNA – PREŻENTAZZJONI TAL-KREDENZJALI

 

 

 

15123. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14092, jista’ l-Ministru jindika jekk kemm-il darba fl-għażla tal-ambaxxaturi huwiex jingħata iktar piż għal dawk fil-karriera diplomatika minn dawk li ma għandhomx u fost id-diplomatiċi huwiex jiġi miżmum l-esperjenza u s-servizz li għandhom?

 

01/06/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-għażla tal-ambaxxaturi l-Ministeru jkun qed jieħu bosta konsiderazzjonijiet, inkluż il-prioritajiet tal-Gvern li jkun attiv bl-aħjar mod fil-qasam internazzjonali. Nista’ nikkonferma li jingħata piż xieraq lil dawk l-Uffiċċjali fil-karriera diplomatika

 

Seduta  342

10/06/2020

TRASFERITI TA’ PARTITI TAL-MUŻIKA LIL PAJJIŻNA

 

 

15122. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kundizzjonijiet kif kontenuti fl-Att Pubbliku tat-13 ta’ Ottubru 1988 li fih ġew trasferiti lill-pajjiżna l-partiti tal-mużika komposta mill-Maestro li d-dettalji dawru qed jingħataw separatament, huwiex qiegħdin jiġu debitament osservati?

 

01/06/2020

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

 

Seduta  342

10/06/2020

 

ŻONA TA’ KORDIN – FAĊILITAJIET SPORTIVI – IRRANĠAR TA’ BANKINI

 

 

15121. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14273 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13389 jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret biex jiġi rettifikat dak li kien indikat fl-istess domanda f’Kordin fil-parti fejn hemm il-Faċilitajiet Sportivi?

 

01/06/2020

 

 ONOR. SILVIO SCHEMBRI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tingabar.

 

Seduta  342

10/06/2020

PERSUNI LI JINSABU F’ĦABSIJIET BARRA MILL-PAJJIŻ

14533. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hiex qiegħda tingħata għajnuna soċjali lill-persuni li preżentement jinsabu f’ħabsijiet barra minn pajjiżna?

 

11/05/2020

 

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jħallas l-ebda Għajnuna Soċjali lil persuni li qegħdin il-ħabs, la f’Malta u lanqas barra minn Malta.

 

Seduta  338

02/06/2020

MALTIN LI JINSABU F’ĦABSIJIET BARRA MILL-PAJJIŻ

 

 

14532. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Maltin li preżentement jinsabu f’ħabsijiet barra minn pajjiżna? Jista’ jindika kemm ġew rilaxxati tul is-sena li għaddiet?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Infurmat li bħalissa hemm ħdax (11)-il persuna ta’ nazzjonalità Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta. Dawn qegħdin fil-pajjiżi kif imsemmi hawn taħt:

 

L-Awstralja (8), l-Italja (1), il-Polonja (1), u Spanja (1).

Matul is-sena li għaddiet inħelsu żewġ (2) persuni: wieħed (1) mill- Emirati Għarab Magħquda u ieħor (1) mir-Renju Unit.

Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li din iċ- ċifra tikkorrispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-Missjonijiet tagħna barra minn Malta.

Seduta  338

02/06/2020

 

MALTIN LI JINSABU F’ĦABSIJIET BARRA MILL-PAJJIIŻ

 

 

14531. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin li jinsabu preżentement f’ħabsijiet barra minn pajjiżna? Jista’ jindika kemm ġew rilaxxati tul is-sena li għaddiet?

 

11/05/2020

 

  ONOR. BYRON CAMILLERI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  338

02/06/2020

AMBAXXATI – MOD TA’ KIF JITMEXXEW

 

 

14530. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għall-aħbar li ġiet imxandra f’Novembru 2017 li hemm “Ħsieb biex ambaxxati jiġu mmexxijien aħjar”, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u x’kienu r-riżultati? Jista’ jindika x’miżuri medium u long term ġew identifikati?

 

11/05/2020

 

ONOR. EVARIST BARTOLO: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Novembru 2017, ġew segwiti numru ta' miżuri sabiex jitjieb l-operat tal-Ambaxxati ta' Malta sabiex jirrappreżentaw u jmexxu aħjar l-interessi tagħna kif ukoll biex iservu aħjar liċ-ċittadini Maltin li jgħixu jew jinsabu barra l-pajjiż. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-miżuri.

 

Seduta  338

02/06/2020

PERSUNI REĠISTRATI VOLONTARJAMENT BĦALA RESIDENTI BARRA

 

14529. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13775, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex se jittieħdu xi passi sabiex iktar persuni li huma residenti barra jiġu infurmati li jistgħu jirreġistraw taħt in-Notifika D?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-waqt li r-reġistrazzjoni taħt in-Notifka D intiża għal dawk il-Maltin li jgħixu barra minn Malta hija fuq bażi volontarja, il-Ministeru qed jaħseb dwar modi kif din in-Notifika tista’ tkun iżjed magħrufa permezz ta’ iżjed pubbliċita’ u metodi aktar moderni kif wieħed ikun jista’ jaċċessaha biex jimliha u jibgħatha minnufih. Dan u aktar impenn minn naħa tal-Ambaxxati Maltin biex jippromwovu din ir-reġistrazzjoni voluntarja għandu jgħin biex in-numri ta’ dawk li jitħajjru jimlew u jibgħatu din in-notifika jiżdied.

 

Seduta  338

02/06/2020

CONSUL ON THE MOVE - SERVIZZI

 

 

14528. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej:

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed jingħataw taħt l-iskema Consul on The Move kif ukoll f’liema pajjiżi u jekk kemm-il darba sarux talbiet għall-iktar fondi sabiex dan jibqa’ jiġi sostnut tul din is-sena?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru informa lill-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin fejn jiġi organizzat il-Program Consul-on-the-Move kull sena biex il-projezzjonijiet ta’ żjarat għal din is-sena jkun sospiżi minħabba l-pandemija COVID-19. Dettalji dwar meta l-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jippjanaw għal skeda ġdid ta’ żjarat tiġi kkomunikata lilhom fi żmien opportun. Sandanittant il-Ministeru jixtieq jinforma li għal din is-sena ma sarux talbiet għal iktar fondi biex isostnu dan il-Program permess li sa issa ma tinħassx il-ħtieġa għal dan.

 

Seduta  338

02/06/2020

KUNSILL INTERMINISTERJALI DWAR IT-TAGĦLIM TAL-LINGWA MALTIJA

 

14527. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jindika minn min huwa kompost il-kunsill interministerjali dwar it-tagħlim tal-Lingwa Maltija ai termini tal-ħidma li għandha ssir taħt il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta? Jista’ jiġi indikat jekk kemm-il darba l-applikazzjoni għall-fondi mill-Unjoni Ewropea ġietx milqugħa jew le?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmi Kunsill kien fil-verità Kumitat li twaqqaf fl-2015 mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, bil-għan li jsegwi mill-qrib l-idea oriġinali li titwaqqaf pjattaforma diġitali għat-tagħlim tal-ilsien Malti. Fil-perjodu li fih kien attiv il-Kumitat saret ħidma flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jinkisbu fondi Ewropej mill-Integra-LLAPSI+ (Language Learning and Parental Support for Integration Plus) għal dan il-proġett. Il-Kumitat baqa’ jiffunzjona sal-2017 meta l-fondi ġew allokati lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex tkun tista’ tibda l-ħidma fuq dan il-proġett. Il-Kumitat imsemmi kien kompost mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Politiċi u Ewropej, id-Direttur responsabbli għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, is-Segretarju tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, id-Direttur tal-Akkademja Mediterranja għall-iStudji Diplomatiċi (MEDAC), u rappreżentanti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol rispetttivament. Tajjeb wieħed ifakkar li fl-aħħar laqgħa ġeneral tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, id-Direttur Ġenerali responsabbli minn dan il-proġett fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol informa l-membri tal-Kunsill li l-proġett imsemmi beħsiebu jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.

 

Seduta  337

01/06/2020 

HOME EQUITY RELEASE FOR PENSIONERS

 

 

14526. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13778, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni li l-Awtorità rċeviet sabiex jiġi offrut l-Equity Release for Pensioners ġietx approvata u jekk fl-affermattiv liema huwa l-bank applikanti?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni li l-Awtorità rċeviet sabiex jiġi offrut l-Equity Release for Pensioners għadha qed tiġi proċessata. 

 

Meta applikazzjoni tiġi approvata mill-Awtorità informazzjoni fuq l-entità li ġiet liċenzjata titpoġġa fuq il-website tal-Awtorità.

 

Seduta  337

01/06/2020

KUNSILL GĦALL-MALTIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA – INFORMAZZJONI DWAR IL-ĦIDMA

 

 

14525. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-assoċjazzjonijiet tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta humiex isibu diffikultà sabiex jinformaw il-membri tagħhom dwar ħidmet il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta u jistgħux jingħataw għajnuna finanzjarja u loġistika sabiex iwettqu dan?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Infurmat li waħda mill-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu barra minn Malta hi li jżomm lill-assoċjazzjonijiet tal-Maltin infurmati bl-inizjattivi li jkunu qed isiru, kif ukoll jgħaddilhom informazzjoni oħra utli li fil-fehma tal-Kunsill tinteressahom mill-qrib. Mill-informazzjoni li għandu l-Ministeru, l-assoċjazzjonijiet Maltin attivi barra minn Malta m’għandhomx diffikultajiet biex din l-informazzjoni jgħadduha lill-membri rispettivi tagħhom u jqis il-kuntatt tal-membri tal-Kunsill ma’ dawn l-assoċjazzjonijiet bħala fundamentali biex jinżamm kuntatt ħaj bejn iż-żewġ naħat. Dwar għajnuna finanzjarja u loġistika lill-assoċjazzjonijiet imsemmija, f’dan l-istadju l-Ministru ma jħossx li għandu jikkonsidraha, anki għaliex fil-ħidma pjanata tal-Kunsill, hemm diġa’ maħsubin miżuri bie jindirizzaw xi lakuni li jista’ jkun hemm bl-użu aktar effiċjenti tal-informatika.

 

Seduta  337

01/06/2020

 

KUNSILL GĦALL-MALTIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA – MUŻEW/ĊENTRU TA’ INFORMAZZJONI FUQ L-ISTORJA TAL-IMMIGRAZZJONI TA’ MALTIN U GĦAWDXIN LEJN PAJJIŻI OĦRA

 

14524. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proposta li tresqet fi ħdan il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta li jkun hemm mużew jew ċentru ta’ informazzjoni flimkien mal-Università ta’ Malta sabiex l-istorja tal-immigrazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin lejn pajjiżi oħra, tiġi miġbura u ppreservata?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Infurmat li l-inizjattiva msemmija kienet preżentata fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta fl-2011 u li kienet issemmiet fil-Konvenzjonijiet tal-Maltin li Jgħixu barra minn Malta ta’ bejn 1969 u l-2000. Madankollu minħabba nuqqaas ta’ finanzi baqa’ qatt ma sar xejn. Sadanittant tajjeb wieħed ifakkar li l-Kummissjoni Emigranti kienet waqqfet il-Mużew tal-Emigrazzjoni f’Dar l-Emigrant li t-tieni fażi tiegħu tnediet fl-2012. F’dan is-sens il-gvern iqis li Mużew ieħor ddedikat għall-Emigranti Maltin ikun qed jidduplika x-xogħol tajjeb li diġa’ sar mill-Kummissjoni Emigranti, u minflok qed jaħseb biex isaħħaħ l-infrastruttura diġitali tiegħu biex fuq medda ta’ żmien il-Maltin li jgħixu barra minn Malta jkollhom sit elettroniku ddedikat għalihom.

 

Seduta  337

01/06/2020

ĦAL TARXIEN – TRIQ IL-KURUNELL MAS – OPEN AIR GYM – FONDI ALLOKATI

14523. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi li ġew allokati mid-Dipartiment lill-Kunsill Lokali Tarxien biex kif kien ġie debitament imħabbar isir Open Air Gym fi Triq il-Kurunell Mas, Ħal Tarxien? Jista’ jiġi indikat ukoll min kienu l-kuntratturi/suppliers li ġew inkarigati biex jaħdmu fuq dan il-proġett u jekk tħallsu meta tħallsu? Jista’ jiġi indikat jekk kemm-il darba ġewx utilizzati fondi oħra apparti dawk mgħoddija speċifikament għall-proġett? Jekk iva, jista’ jindika minn liema vot u meta tħallsu dawn il-pagamenti?

 

11/05/2020

 

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-fondi allokati lill-Kunsill biex isir Open Air Gym fi Triq il-Kurunell Mas jammonta għal € 250,000.

 

Il-Kuntrattur inkarigat biex jaħdem fuq dan il-proġett kien Catbros Ltd. II-proġett attwalment ġie jiswa € 335,791.80 u sal-aħħar ta’ Ġunju 2019 kien tħallas l-ammont ta’ €95,172.71. Bejn Lulju 2019 u April 2020 l-ammont li tħallas kien dak ta’ € 295,285.80. Il-bilanċ pendenti jitħallas meta ssir iċ-ċertifikazzjoni mill-perit fuq ix-xogħlijiet.

Il-fondi in eċċess qed jitħallsu mill-fondi tal-Kunsill.

 

Seduta  337

01/06/2020

 

ORGANIZZAZZJONIJIET MHUX GOVERNATTIVI - APPLIKAZZJONI GĦALL-FONDI TAL-UNJONI EWROPEA

 

14522. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12205, jista’ l-Ministru jgħid jekk waħda mill-ħames organizzazzjonijiet mhux governattivi reġistrati ai termini tal-artikolu 10 tal-Kapitolu 515 tal-Liġijiet ta’ Malta humiex eleġibbli sabiex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, liema u jekk le x’diffikultajiet hemm?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Infurmat illi l-organizzazzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, ma jikkwalifikawx ai termini tal-artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.

 

Seduta  337

01/06/2020

SEGRETARJU TAL-KUNSILL GĦALL-MALTIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA

 

14521. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid min, preżentement, qiegħed iservi bħala Segretarju tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta u jekk il-ħatra hiex uffiċjali?

 

11/05/2020

 

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta huwa s-Sur Joseph A. Xerri li reġa’ inħatar fil-kariga għal terminu ieħor ta’ tliet (3) snin b’seħħ mill-24 ta’ Novembru 2019. Il-ħatra hija uffiċjali wara li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej bagħat l-ittra tal-ħatra lis-Sur Xerri fit-18 ta’ Frar 2020 wara li kienu tlestew il-proċeduri meħtieġa.

 

Seduta  336

27/05/2020

 

 

ĦAL TARXIEN – QAGĦDA FINANZJARJA TAL-KUNSILL LOKALI

 


 

14520. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema pożizzjoni finanzjarja kien jinsab il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien fl-aħħar ta’ Ġunju 2019? Jista’ jgħid jekk kienx hemm deficit u jekk iva kemm kien? Jista’ jiġi indikat ukoll x’kienet il-pożizzjoni finanzjarja sal-aħħar ta’ April 2020?

 

11/05/2020

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi sal-aħħar ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill kellu deficit ta’ €244,373 skont il-Mid-Term Financial Audit għas-sena finanzjarja bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u t-30 ta’ Ġunju 2019.

 

Skont ir-Rapport Finanzjarju tal-ewwel kwart tas-sena, il-Kunsill kellu deficit ta’ €135,646.

 

Seduta  336

27/05/2020

 

MASĠAR BEJN IL-FGURA U ĦAŻ-ŻABBAR - RIJABILITAZZJONI

 

 

14293. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex jiġi riabilitat il-masġar li hemm bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar li qiegħed fuq ix-xellug li jibda minn Triq Kottoner fil-Fgura u jieħu għal Triq il-Kunsill tal-Ewropa?

 

04/05/2020

 

  ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-masġar bħalissa qiegħed jiġi rijabilitat. Dan il-masġar jikkonsisti primarjament minn siġar maturi taż-żebbuġ li kollha ġew miżbura. Sar ukoll twittija ta’ ħamrija madwar is-siġar u tul il-masġar kollu sabiex l-art tkun aktar stabbli u sigura. Dan in vista li dan il-Park ikun jista’ jilqa’ familji fih meta jinfetaħ għal pubbliku. Sar ukoll tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni u mistenni li jsir aktar tħawwil fil-planting season ta’ Settembru/Ottubru.

 

Matul il-masġar tqiegħdu picnic benches u bins flimkien ma' sistema ta’ dawl baxx matul il-passaġġi f’nofs il-masġar. Inbnew faċilitajiet sanitarji u inxtara logħob għat-tfal li ser ikun qiegħed jiġi installat fil-jiem li gejjin. Saret ukoll installazzjoni tal-ewwel parti ta’ sistema ta’ CCTV sabiex timmoniterja l-attivita fil-Park.

 

Seduta  336

27/05/2020

 

IX-XGĦAJRA – MANUTENZJONI TAX-XATT

 

 

 

14292. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11910, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu mill-Ministeru sabiex ikun hemm rijabilitazzjoni tax-Xatt tax-Xgħajra senjatament il-ħadid li huwa msaddad sew? Jista’ jgħid jekk il-public convenience hiex ser titlesta kollha qabel is-sajf jew le?

 

04/05/2020

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li bħalissa għaddej xogħol ta' manutenzjoni tal-bankijiet kif ukoll tal-latrina pubblika li maħsuba tkun lesta sal-aħħar ta' Mejju.

 

Apparti minn hekk, fix-Xatt tax-Xgħajra sar ukoll xogħol ta' railing fit-turġien li jagħtu għal fuq il-blat u tindif u qtugħ ta' ħaxix. Il-Kunsill qed jaħdem sabiex jinbidel ir-railing tax-xatt kollhu minħabba li qiegħed fi stat ħażin ħafna.

 

Seduta  336

27/05/2020

 

IX-XGĦAJRA – MANUTENZJONI TAX-XATT

 

14291. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11910, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu mill-Ministeru sabiex ikun hemm rijabilitazzjoni tax-Xatt tax-Xgħajra senjatament il-ħadid li huwa msaddad sew? Jista’ jgħid jekk il-public convenience hiex ser titlesta kollha qabel is-sajf jew le?

 

04/05/2020

 

  ONOR. JULIA FARRUGIA PORTELLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  336

27/05/2020 

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...