23.5.25

ĦAL TARXIEN – TRIQ L-ISKOLA - XOGĦLIJIET

28322. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq l-Iskola, f’Ħal Tarxien hix ser tiġi rranġata tul din is-sena?

 

15/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fi Triq l-Iskola, Ħal-Tarxien diġà saru xogħlijiet ta’ rimedju fuq bankini u ingħata asfat fuq partijiet mit-triq li ġew affettwati minn xogħlijiet li kienu għaddejjin. Infrastructure Malta ma ġietx mitluba taħdem fuq din it-triq bħala parti mix-xogħlijiet neċessarji f’Ħal Tarxien mill-Kunsill Lokali rispettiv.

 

Seduta  345

21/05/2025

ĦAL TARXIEN – TRIQ SAN ANARD - XOGĦLIJIET

28321. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’jonqos sabiex Triq San Anard, f’Ħal Tarxien titlesta?

 

15/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel parti tat-triq (bejn il-pastizzerija u l-Convenience) hija lesta mill-aħħar saff t’asfalt. Komplejna bit-tieni saff t’asfalt mill-Convenience san-niċċa tal-Madonna, u sal-ġimgħa d-dieħla ser inkunu lestejna t-tul tat-triq kollha bil-wiċċ, inkluż iż-żebgħa u t-tabelli.

 

Seduta  345

21/05/2025

GĦAWDEX – XOGĦLIJIET MINN INFRASTRUCTURE MALTA

28320. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid b’liema xogħlijiet ġiet inkarigata Infrastructure Malta fil-gżira ta’ Għawdex?

 

15/05/2025

 

ONOR. CLINT CAMILLERI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  345

21/05/2025

IL-GUDJA – TRIQ SAN ĊIRU - XOGĦLIJIET

28319. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq San Ċiru, fil-Gudja u kemm ser idumu sabiex jiġu ffinalizzati?

 

15/05/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħlijiet ta’ bdil ta’ mains tad-drenaġġ kif ukoll xogħlijiet fuq in-network tal-ilma tax-xorb fit-triq indikata. Huwa mmirat li dawn jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin u wara  jissoktaw xogħlijiet oħrajn minn Infrastructure Malta.

 

Seduta  345

21/05/2025

IL-GUDJA – TRIQ SAN ĊIRU - XOGĦLIJIET

28318. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq San Ċiru, fil-Gudja u kemm ser idumu sabiex jiġu ffinalizzati?

 

15/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 28317.

 

Seduta  345

21/05/2025

IL-GUDJA – TRIQ SAN ĊIRU - XOGĦLIJIET

28317. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq San Ċiru, fil-Gudja u kemm ser idumu sabiex jiġu ffinalizzati?

 

15/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq San Ċiru qed isiru xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ, xogħlijiet fis-sistema tal-ilma tax-xorb, u bini mill-ġdid tal-bankini u t-triq, inkluż xogħol ta’ asfalt u żebgħa.  Ix-xogħlijiet huma stmati li jdumu madwar xahrejn.

 

Seduta  345

21/05/2025

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ SAN LEONARDU – CHARGING STATION

28316. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara li ċ-charging station li hemm fi Triq San Leonardu, f’Ħaż-Żabbar (li tidher li ser taqa’), tiġi rranġata urġentement?

 

15/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  344

20/05/2025

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ SAN LEONARDU – CHARGING STATION

28315. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jara li ċ-charging station li hemm fi Triq San Leonardu, f’Ħaż-Żabbar (li tidher li ser taqa’), tiġi rranġata urġentement?

 

15/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  344

20/05/2025

PEMBROKE – RESTAWR FUQ IT-TORRI TAL-ARLOĠĠ

28314. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li t-Torri tal-Arloġġ li hemm f’Pembroke, mibni fl-1903, jiġi restawrat?

 

15/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra

 

Seduta  344

20/05/2025

PEMBROKE – RESTAWR FUQ IT-TORRI TAL-ARLOĠĠ

28313. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li t-Torri tal-Arloġġ li hemm f’Pembroke, mibni fl-1903, jiġi restawrat?

 

15/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  It-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

 

Seduta  344

20/05/2025

PEMBROKE PARK & RIDE – MANUTENZJONI

28312. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-Park & Ride ta’ Pembroke jiġi miżmum aħjar billi jitneħħew strutturi żejda u jinżebgħu l-linji ta’ parkeġġ?

 

15/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija paramentari lill-Ministeru ikkonċernat.

 

Seduta  344

20/05/2025

PEMBROKE PARK & RIDE – MANUTENZJONI

28311. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-Park & Ride ta’ Pembroke jiġi miżmum aħjar billi jitneħħew strutturi żejda u jinżebgħu l-linji ta’ parkeġġ?

 

15/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ser tkun qiegħda tara x’hemm meħtieġ f’dan is-sit.

 

Seduta  344

20/05/2025

JAF FEJN HU SEJJER

1. Iktar ma naħseb u iktar ma naqra nifhem kemm Papa Ljun XIV huwa ċar fejn irid jeħodna. L-għażla tal-isem huwa iktar evidenti proprju fid-dikjarazzjoni li jrid jimxi fil-passi tal-maħbub Papa Ljun XIII. Dak li diversi bħali, Insara mpenjati fil-politika nħarsu lejh għal direzzjoni, speċjalment fid-deċiżjonijiet xejn faċli. L-enċiklika li qisu aħna d-Demokristjani għandna l-unur infakkru, ir-Rerum Novarum, hija fil-fatt il-ġebla tax-xewka ta’ ħidmietna. Infakkar sempliċement li l-kelma ‘Religio’ magħżula minn missirijietna (dik li wħud, fin-nuqqas ta’ informazzjoni tagħhom inkella fid-disprezz lejna), tiddikjara ċar li tfisser li għandna nkunu ispirati mid-duttrina soċjali l-iktar reċenti, fosthom proprju hi.

Fortunati

2. Kif mexxiet tajjeb fl-għażliet politiċi u soċjali tagħna, aħna ma nimxux ma’ dak li l-Liberali jew is-Soċjalisti jiddikjaraw imma f’dik partikolari tagħna. Dik li teħodna kontra l-kurrent, li ma niddejjaq xejn nieħu, biex isiru l-għażliet it-tajba. Jiddispjaċini għall-oħrajn li jridu jagħmlu minna kopja ta’ programmi falluti u skaduti. Triqitna hija ċara u waqt li baqgħet konsistenti issa ser issib, mertu ta’ dan il-Papa, vuċi aktar rilevanti u moderna. Għax miegħu nibqgħu dawk li jridu jsibu risposti f’dinja moderna li kontinwament qegħda tinbidel. Daqqa tmur naħa u daqqa oħra. Sfortunatament mingħajr direzzjoni, imma sempliċement f’dak li qegħdin jagħmlu ‘oħrajn’. Meta nafu li kull pass politiku, soċjali u ekonomiku jitlob prinċipju etiku fundamentali li jmexxih.

Mexxej ġdid


3. Huwa f’dan mexxej ġdid li ser ċertament jispirana. Jista’ jkun hemm min jikkuntrastah imma biex iwettaq dan irid jifhem dak li qiegħed jgħid. Dan għax nagħrfu li kull epoka titlob tweġibiet ġodda li aħna niddikjaraw u nemmnu li jridu jkunu mwielda fil-ġid komuni, fil-ġustizzja soċjali, fid-dinjità umana. Jingħad x’jingħad, tul dawn is-snin, fi ħdan il-Knisja Kattolika li jien naħdem biex inkun parti minnha, kellna bnedmin li komplew kabbru u żviluppaw id-duttrina soċjali. Aktar ma taqra, aktar tifhem. Għax hemm patrimonju ta’ għerf li huwa għad-dispożizzjoni tagħna, u anki jekk ma jinqarax jew ma jinxteridx minn min għandu l-mezzi tal-komunikazzjoni f’idejh, xorta jeżisti. Dak il-melħ determinanti li jgħin sabiex ikun hemm soluzzjonijiet konkreti u awtentiċi lejn żvilupp uman integrali.

Sfidi tal-lum

4. Jekk Ljun XII tkellem u affronta l-isfidi li r-rivoluzzjoni industrijali ġiebet fuq il-bnedmin ta’ dak iż-żmien, illum hemm rivoluzzjoni oħra. It-teknoloġija, bil-fruntieri ġodda tagħha, qed tipprova tibdel dak li għandna. Jekk ma nkunux attenti ser nitilfu mill-umanità tagħna, mid-dinjità li nġorru. Insiru oġġetti u strumenti ta’ produzzjoni jew inkella fit-truf tas-soċjetà, emarġinati. L-isfida hija kbira u jekk wieħed ma jkollux prinċipji ċari jispiċċa jieħu deċiżjonijiet politiċi żbaljati. Fejn għandna nitilqu dejjem bil-ħsieb li t-teknoloġija fl-intelliġenza artifiċjali hija għas-servizz tal-bniedem, u mhux il-kontra. Irridu nkunu attenti u nipproteġu t-tajjeb li għandna. Għax l-intelliġenza artifiċjali, il-ġabra ta’ data kbira li teżisti, il-medja soċjali, l-awtomazzjoni, ir-realtajiet virtwali, dawn flimkien ma’ oħrajn qed jibdlulna l-ħajja kif nafuha.

Dinjità

5. Diġà bl-użu tal-algoritmi li jiddominawna u jabbużaw minna mingħajr kontrolli veri qed insibu sfidi ta’ kuljum. Fejn bihom, il-vuċijiet liberi fis-soċjetà qed jiġu maħnuqa fl-apparenza ta’ ftuħ li huwa, fil-fatt, għeluq. F’telf ta’ direzzjoni u manipulazzjoni ta’ ideat, fejn dawn Insara qed jiġu mniżżla iktar ’l isfel jew disprezzati f’forma ta’ vuċi ta’ oppressjoni. Proprju f’dan, il-mistoqsija hija kif wieħed jassigura u jara li niddefendu dak li aħna, il-kuxjenza interjuri tagħna u l-libertà esterna li niddeċiedu aħna u mhux l-algoritmi flokna. Dan iktar u iktar quddiem l-isfidi morali fis-saħħa. Dawk marbuta mat-twelid u mal-mewt tal-bniedem. F’dan iktar, id-difiża umana kontra l-allat foloz ta’ dak li qed jitressaq bħala l-etika tat-teknoloġija. Fejn nifhmu u niddikjaraw li nifhmu d-dmir fundamentali tagħna li nikkumbattu kontra l-loġika żbaljata li tiddikjara li dak li huwa teknikament possibbli huwa moralment tajjeb u ta’ dinjità umana għalina.

Fl-għeruq

6. F’dan nagħraf ukoll li qegħdin f’fażi fejn ir-riħ ser ikompli ġej mill-Amerika Latina. F’dak kollu li nbena u ġie mgħallem. Art fertili li ġiebet lil diversi bnedmin ’il quddiem jaqbżu fil-ġustizzja soċjali għal dawk l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Inġib għalhekk quddiem għajnejja lura lill-maħbub Rafael Antonio Caldera (1916-2009). Dak li għandna kitbietu f’idejna. Dak li kien iddikjara: “Il-movimenti Demokristjani mhumiex għaqdiet magħluqa ta’ riflessjoni u ta’ tagħlim, iżda gruppi ta’ azzjoni. Għalhekk ta’ min jieqaf u jirrifletti fuq it-tifsira tal-espressjoni ‘Demokrazija Kristjana’ għax inkella aħna stess, li dejjem nitħabtu mar-responsabbiltajiet tal-azzjoni quddiem il-problemi urġenti tar-realtà soċjali, aħna li dejjem nippreparaw ruħna għall-battalji li ċ-ċirkostanzi jitfgħu quddiemna, x’aktarx li nsibuha diffiċli meta niġu biex nistabbilixxu l-prinċipji li għalihom dħalna f’din il-ġlieda.” Sejħa attwali u li tibqa’ magħna.

Perjodu ġdid

7. F’dan huwa ċar li ġej żmien ġdid. Wieħed li jkompli jmexxina lejn kif wieħed jaffronta l-ħwejjeġ ġodda (rerum novarum) ta’ żminijietna. Żmien ta’ ħidma. Żmien ta’ għarfien li hemm kapitoli ġodda għad-dispożizzjoni tagħna sabiex nibdlu lejn soċjetà li tkun iktar fir-rispett sħiħ tal-bniedem. M’għandniex nibqgħu lura f’dak li ġej quddiemna. M’għandniex nibqgħu passi lura milli nikkumbattu għal dak li huwa sewwa. Il-bniedem huwa importanti għalina u ħaqqu dan. Il-linja politika tagħna twassal iktar b’dan li nkunu rilevanti u melħ qawwi f’pajjiż li tilef ħafna minn dak li huwa. M’għandniex ikollna diffikultà f’dan, li nimxu wara l-Papa Ljun XIV, għax jaf fejn huwa sejjer.

BORMLA – PARKEĠĠ QUDDIEM L-ISKOLA PRIMARJA

28310. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu u x’tip ta’ żvilupp ser isir fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ sit ta’ parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja ta’ Bormla?

 

15/05/2025

 

ONOR. CLINT CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni li saret, jirriżulta li mhux għaddejin xogħlijiet fuq is-sit in kwistjoni. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsjia, nitlob l-interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  343

19/05/2025

BORMLA – PARKEĠĠ QUDDIEM L-ISKOLA PRIMARJA

28309. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu u x’tip ta’ żvilupp ser isir fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ sit ta’ parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja ta’ Bormla?

 

15/05/2025

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din  il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  343

19/05/2025

BORMLA – PARKEĠĠ QUDDIEM L-ISKOLA PRIMARJA

28308. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu u x’tip ta’ żvilupp ser isir fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ sit ta’ parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja ta’ Bormla?

 

15/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  343

19/05/2025

BORMLA – GROUND TAL-ISKOLA PRIMARJA

28307. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ground li l-Iskola Primarja ta’ Bormla għandha preżentement, huwiex ser jiġi garantit fil-kostruzzjoni futura li ser issir?

 

15/05/2025

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta  343

19/05/2025 

IL-KALKARA - BIGHI - XOGĦLIJIET

28183. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25533, tista’ l-Ministru tgħid xi progress ulterjuri kien hemm fix-xogħol relattiv f’Bighi, fil-Kalkara?

 

09/05/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  343

19/05/2025

SANTA LUĊIJA - VJAL L-OLEANDRI - XOGĦLIJIET

28182. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Vjal l-Oleandri, Santa Luċija, u meta huma mistennija jitqiegħdu l-marki relatati?

 

09/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għal mistoqsija parlamentari nru 28180.

 

Seduta  343

19/05/2025

L-AĠENDA HIJA L-VERITÀ

1. Wieħed irid jibda billi jipprova jifhem il-mossi politiċi ta’ dawk fil-poter. Jifhem biex jgħarbel, sa ċertu grad ta’ loġika, għala għaddej dan kollu. Għala, wieħed jistaqsi lilu nnifsu, qed naraw tant mossi ta’ aljenazzjoni li qed isiru b’ċerta veloċità u f’direzzjonijiet differenti? Ma jidhrux li huma parti minn xi programm ta’ riforma elettorali imma huma iktar punti li qed jitqajmu biex il-poplu jiddiskutihom. Ma jibqax konċentrat fuq dak li għaddej mhux fil-Parlament, imma fil-Qorti. Jum wara l-ieħor, għal dawn l-aħħar ġimgħat qed jingħadu fatti, dettalji u opinjonijiet varji li fil-verità qed imissu ma’ dak li ftit kienu jemmnu li jista’ jkollna f’pajjiżna.

Ġuri

2. Huwa iktar ċar li l-Gvern qiegħed isib ruħu jrid iwieġeb moralment u politikament fuq dak li qed jiġi skopert. Il-ġuri li fih qed jiġu ttrattati l-omiċidji, l-ewwel tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia u wara dak tal-Avukat Carmel Chicrop li qed jiġbed ħafna attenzjoni. Diġà l-ġurijiet, minnhom infushom, kif diversi gazzetti jgħidulek, jinqraw u jiġu miflija fid-dettalji. Imma dawn aktar. Hemm verament il-fatt li meta każ “jitħallat” ma’ ieħor qisu jkun hemm min jieħu l-impressjoni li xi wieħed huwa inqas importanti mill-ieħor. Imma fil-verità, l-effett fuq il-poplu huwa ikbar. Hemm diversi li qed jirrealizzaw li l-livell tas-sigurtà fl-Istat naqas. Jifhmu li kien hemm mument fejn bnedmin waslu sabiex, għal interessi varji, joqtlu persuni oħra bl-iktar metodi koroh u kundannabbli. Jista’ jkollok xi opinjoni żbaljata dwar il-ġurnalisti u l-avukati, imma ma tista’ qatt, taħt ebda kappa tax-xemx, tiġġustifika li jinqatlu.

Dan hu


3. Dan huwa li qiegħed idejjaq lill-poplu jum wara jum. Dan huwa li l-poplu jiddiskuti. Dan huwa li qiegħed jolqot fil-laħam il-ħaj lill-Gvern u dan għax diversi qed iħossu li dak li seħħ ma ngħatax l-importanza li ħaqqu. X’ġara qabel, x’ġara fid-diversi seduti li kien hemm fil-ġbir tal-provi nġabar fis-subkonxju li issa, f’daqqa, qiegħed iqajjem domandi varji. L-iktar kruċjali huwa f’kemm dawn huma gravi u f’kemm il-Gvern għamel minn kollox biex iċekkinhom. Issa però l-mument huwa inevitabbli u minn dak li qiegħed jingħad għad fadal jiem twal oħra ta’ dettalji. Proprju f’dan wieħed jifhem għala qed nisimgħu b’affarijiet oħra.

Inbiddlu d-diskors

4. Dan apparti mill-kwistjoni tal-Iskema tal-Passaporti, li wriet ukoll li l-Gvern ma kellux ħafna raġun fuq dak li kien qal lill-poplu. Imma anke jekk mhux hekk, il-fatt huwa ċar għax f’dan bdejna, l-ewwel b’kampanja ma tispiċċa qatt li l-pajjiż jiddiskuti l-introduzzjoni tal-ewtanasja, meta nafu kemm hawn opinjonijiet dwar din u kemm ser tkompli ġġib diviżjoni fi ħdanna. Inkella wara li rridu niddikjaraw li ser inħaddmu l-Att dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva, meta nafu kemm hija strument legali delikat li jrid jiġi wżat b’attenzjoni u bi qbil ma’ Stati oħra madwarna fil-Mediterran. Inkella, l-aqwa fil-loġika tal-illoġika, li wieħed jiddikjara li lest li tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija jekk il-Partit Nazzjonalista jbiddel il-Kap tiegħu! Hemm min qiegħed jieħu l-impressjoni li hemm min qiegħed jikkumbatti sew biex ma jitlifx iktar mir-reputazzjoni.

Fejn sejrin?

5. F’dan wieħed għandu jifhem aktar fejn ninsabu u x’passi għandhom jittieħdu. Ċertament wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-aġenda tal-Gvern mhijiex dik tal-Oppożizzjoni. Anzi, hawn huwa evidenti li l-Gvern jiddependi u għandu bżonn ta’ diversi oħrajn u tal-Oppożizzjoni sabiex imexxi ’l quddiem din l-istrateġija ta’ aljenazzjoni. Għax f’dan wieħed ikun qiegħed jibdel dak li bħalissa kulħadd irid jifhem li ġara. Pajjiżna mhux aljenazzjoni għandu bżonn, imma li tingħadlu u li jsir jaf aktar il-verità. Dik li fuqha tista’ titlaq biex dak li seħħ ma jerġax iseħħ u tibni Stat demokratiku aqwa milli għandna llum.

15.5.25

IL-KALKARA - BIGHI - XOGĦLIJIET

28181. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25533, jista’ l-Ministru jgħid xi progress ulterjuri kien hemm fix-xogħol relattiv f’Bighi, fil-Kalkara?

 

09/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lil Onor. Interpellant illi dawn ix-xogħolijiet maqsumin fi 3 partijiet, għalkemm ix-xogħol għaddej fl-istess ħin. Fl-ewwel parti għandna ix-xogħol b’emerġenza fin-naħa tax-Xjenza Malta fejn emendajna u ffinalizzajna d-disinn minħabba l-limitazzjonijiet tal-post u l-inġenji.

It-tieni parti hija dik tal-bini tal-moll fin-naħa ta’ Heritage Malta. Id-disinn huwa finalizzat u l-approvazzjoni mill-entitajiet kollha waslet. Rigward it-tender għall-istabbilizzazzjoni u r-restawr tal-ħitan storiċi f’Bighi mistenni jiġi ppublikat fiż-żmien li ġej.

 

Seduta  342

14/05/2025

SANTA LUĊIJA - VJAL L-OLEANDRI - XOGĦLIJIET

28180. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Vjal l-Oleandri, Santa Luċija, u meta huma mistennija jitqiegħdu l-marki relatati?

 

09/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Vjal Oleandri Santa Luċija kienu jinkludu xogħlijiet relatati ma’ bdil tal-medda tal-ilma tax-xorb, xogħlijiet ta’ telekomunikazzjoni, installazjoni ta’ arbli ġodda tad-dawl, bini mill-ġdid ta’ bankini u bini mill-ġdid tat-triq inkluż asfalt. Iż-żebgħa tat-triq beda llum.

 

Seduta  342

14/05/2025

SANTA LUĊIJA - TRIQ IL-ĠNIEN - XOGĦLIJIET FUQ APPARTAMENTI

28179. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27910, jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u okkorendo li jippreżenta kopja tar-rapporti tekniċi relattivi?

 

09/05/2025

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.

 

Seduta  342

14/05/2025

CONSUL-ON-THE-MOVE - SERVIZZI

28178. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27918, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm talbiet pendenti għas-servizz magħruf bħala Consul-on-the-Move u fejn?

 

09/05/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum hemm 227 talba pendenti għas-servizz magħruf bħala Consul-on-the-Move (COTM) fil-pajjiżi tal-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Renju Unit, u New Zealand. L-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin qed jagħmlu l-preparamenti meħtieġa sabiex iż-żjarat tal-COTM jitwettqu fix-xhur li ġejjin, biex dawn it-talbiet jiġu milqugħa.

Seduta  342

14/05/2025

ARMATURI ĠAPPUNIŻI - RESTAWR

28177. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27916 dwar ir-restawr li sar reċentement tal-armaturi Ġappuniżi, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn ġew u għadhomx qegħdin jiġu restawrati l-armaturi inkwistjoni u kemm hija mistennija li ser tkun l-ispiża finali?

 

09/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien diġà provdut fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27916, l-armaturi tas-Samuraj kienu ngħataw bħala rigal lil Malta minn delegazzjoni Ġappuniża li żaret pajjiżna u li kienet tinkludi lill-ħassieb famuż Yukichi Fukuzawa – Samuraj, edukatur, filosfu, u figura prominenti fil-modernizzazzjoni tal-Ġappun. Kien ukoll il-fundatur tal-Università Keio f’Tokjo u sa ftit ilu kien jidher fuq il-karta tal-10,000 yen Ġappuniż. Id-delegazzjoni kienet parti mill-Missjoni Bunkyu, li kellha l-għan li tinnegozja trattati ġodda u ħadet sehem f’laqgħat diplomatiċi madwar l-Ewropa kollha. Waqfa f’Malta kienet ħaġa naturali minħabba l-qagħda strateġika ta’ pajjiżna, u minn hawn id-delegazzjoni baqgħet sejra Franza. Din kienet l-ewwel żjara rekordjata ta’ nies Ġappuniżi f’Malta.

 

Ninsab infurmat li r-restawr għadu mhux finalizzat peress li x-xogħol fuq tnejn mill-armaturi għadu għaddej. Fid-dawl ta’ dan, l-Aġenzija ma’ tistax tagħti ċ-ċifra finali għalissa.

 

Seduta  342

14/05/2025

TRADE MALTA – MISSJONI KUMMERĊJALI

28176. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27921 dwar il-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Ġappun, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm kien hemm missjonijiet kummerċjali mmexxija minn Trade Malta u jagħti d-dettalji relattivi ta' dak li seħħ fihom?

 

09/05/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li TradeMalta organizzat delegazzjoni kummerċjali uffiċjali waħda lejn il-Ġappun matul il-perjodu msemmi. Din il-missjoni saret bejn l-10 u s-16 ta’ Novembru 2024 u kienet iffukata b’mod partikolari fuq is-settur tat-Taħriġ u l-Edukazzjoni. Id-delegazzjoni kienet tinkludi tliet kumpaniji privati u għaxar entitajiet governattivi, u żaret kemm Tokyo kif ukoll Osaka.

 

F’Tokyo, saru laqgħat ma’ diversi istituzzjonijiet ewlenin fosthom il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Tokyo, l-International House of Japan, iċ-Ċentru UE-Ġappun għall-Kooperazzjoni Industrijali, JETRO (Japan External Trade Organisation), u MIPRO (Manufactured Imports and Investment Promotion Organisation). Saru wkoll laqgħat ta’ segwitu.

 

F’Osaka, id-delegazzjoni kellha laqgħat mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Osaka, Quintbridge u l-Università Kindai, kif ukoll laqgħat oħra ta’ segwitu.

 

Separatament, membri mit-tim ta’ TradeMalta, li jiffurmaw parti mill-Kumitat Tekniku għall-Expo 2025, żaru l-Ġappun f’Settembru 2023 u f’Ġunju 2024 bħala parti mill-preparamenti għal missjonijiet kummerċjali li ser isiru matul l-Expo 2025.

 

Seduta  342

14/05/2025

14.5.25

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID - TRIQ SAN ĠUŻEPP – XOGĦLIJIET

*27933. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma previsti għal Triq San Ġużepp, f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid?

 

02/05/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI: Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta Numru 341
13/05/2025

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID - TRIQ SAN ĠUŻEPP – XOGĦLIJIET

*27932. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet huma previsti għal Triq San Ġużepp, f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid?

 

02/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant lix-xogħlijiet jikkonsistu f’bini tat-triq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti, tibdil ta’ servizzi kif ikun mitlub mill-entitajiet rispettivi u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa.

 

 

Seduta Numru 341
13/05/2025

RAĦAL ĠDID - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

*27931. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ma jħossx il-ħtieġa li jinnumera s-siġar taż-żebbuġ. Rigward il-ġbir taż-żebbuġ innifsu, l-Kunsill ser jieħu ħsieb jinforma lill-kuntrattur tiegħu sabiex dan jinġabar.

 

Seduta Numru 341
13/05/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ PAOLA – XOGĦLIJIET

*27930. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar Triq Paola, f’Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet laħqu saru matul din is-sena u kemm intefqu flus għalihom? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xogħol ulterjuri ieħor li huwa previst li ser isir?

 

02/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninfroma lill-Onor. Interpellant li x xogħlijiet f’din it-triq qed isiru f’fażijiet differenti b’konsultazzjoni kontinwa mall-Kunsill Lokali. L-ewwel fażi kienet marbuta ma’ xogħlijiet ta’ trinek biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fiż-żona, liema xogħlijiet kienu b’kollaborazzjonii bejn Infrastructure Malta u Enemalta. Saru wkoll xogħlijiet ta’ asfaltar temporanju sabiex it-triq tkun fi stat aċċettabli għat-traffiku li jgħaddi minn din it-triq ta kuljum. Eventwalment se ngħaddu għall-aħħar fażi li hija pjanata tibda wara ċ-ċelebrazzjonijet tal-festa u li se jkunu qed jinvolvu wkoll xogħlijiet maġġuri inkluż servizzi fi Triq Paola. Hekk kif dan il-proġett ikun kompletat, isir il-kejl kollu neċessarju sabiex tiġi kwantifikata l-ispiża globali.

 

Seduta Numru 341
13/05/2025

ĦAL TARXIEN - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

*27929. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li s-suġġett imsemmi ser ikun qed jiġi diskuss fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.

 

Seduta Numru 341
13/05/2025

IL-FGURA - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

*27928. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali tal-Fgura biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura m’għandux ħsieb li jinnumra s-siġar taż-żebbuġ, li ħafna minnhom jinsabu fit-triq prinċipali fejn jgħaddu ammont kbir ta’ karozzi. Għal din ir-raġuni, iż-żebbuġ ma jistax jinġabar biex jintuża. Iż-żebbuġ l-ieħor, li jkun f’siġar li jinsabu fit-toroq residenzjali, jinġabar mir-residenti.

 

Seduta Numru 341
13/05/2025

13.5.25

TLIFNA ĦABIB - TISLIMA LIL MANWEL SCIBERRAS, MAGĦRUF AĦJAR BĦALA 'TAL-PASTIZZI'

1. Kif inhija l-istorja tad-dinja, diversi bnedmin jissejħu kuljum lura għand il-Ħallieq tagħna skont il-pjan tiegħU. Aktar ma wieħed jgħix, aktar jipprova jifhem dan kollu u ħafna drabi jaċċetta li t-toroq tagħna mhumiex dawk tiegħU. Jifhem li dan isir ukoll għax huwa minnu li kull bidu mitmum. Kull persuna tagħraf li hemm il-mument meta trid titlaq minn din id-dinja u tħalli warajha familjari, ħbieb u konoxxenzi, u tifhem aktar kemm dan mhuwiex f’idejha. Il-bniedem mhuwiex sid il-ħajja, anqas dik ‘tiegħu’. Dan aktar waqt li wieħed idur lura u jara lil dawk id-diversi ħbieb li jkun akkumpanja u li jkunu ħallew din id-dinja u jifhem ukoll li huwa wkoll irid jgħaddi minnha. Jifhem li, iebsa kemm hi iebsa, m’għandux għażla oħra ħlief dik li jaċċettaha.

Fejn trabbejt

2. Ġewwa Bormla, fejn trabbejt, għad għandi memorji varji ta’ dak li kienet. Dawk il-memorji li ġew lura quddiemi waqt li s-Sibt li għadda filgħodu qbadt Triq San Ġorġ, nieżel lejn il-Knisja Parrokkjali, sejjer għall-funeral. Sakemm ġejt għall-kantuniera ta’ Triq Santa Marija ftakart f’dawk li għexu hemm u li m’għandhomx magħna, kif ukoll il-ħwienet varji li kont inkun mibgħut nixtri mingħandhom li llum jinsabu magħluqa. Ismijiet li ħafna tal-età tiegħi ċertament jiftakru, ta’ persuni li llum qed igawdu l-mistrieħ ta’ dejjem. Fost dawn, fil-bidu tat-triq, għalina kien hemm il-ħanut magħruf bħala “Tal-Pastizzi”. Il-familja Sciberras, li kienet tmexxih, kienet tkun hemm, taqdi lil dawk kollha li kienu jmorru jixtru mingħandhom. Il-familja kollha, b’xi mod, kont taraha hemm.

Gwardjani

3. Niftakarni li mid-dar sal-MUSEUM u sal-iskola Primarja kelli bankina waħda. Ninżel fuq l-istess linja sitt darbiet fil-ġurnata u kif niġi fil-kantuniera kont narahom jien ukoll. Fil-fatt kont inħosshom isegwuni b’attenzjoni. Kelli seba’, tmien snin u niftakar li mhux l-ewwel darba li kienu jsejħuli. Lill-aħwa Sciberras u lill-ġenituri tagħhom niftakarhom sew. Bil-karattri differenti u bl-ideat tagħhom. Fosthom kien hemm in-nisa: Mary, Rita, Pera u Tessie, u l-irġiel, fosthom Emanuel, jew kif kien magħruf aħjar, Leli. Kien ikbar minni fl-età imma kellu l-ħsieb tiegħu ċar ħafna. Paċifiku għall-aħħar, imma fl-istess ħin attent u jaf dak li kien ikun għaddej fit-triq, f’Bormla u fil-pajjiż. Dak ma kienx żmien faċli biex tgħix u fl-istess ħin tesprimi opinjonijiet differenti minn dawk li dak il-ħin kienu ultra dominanti.

Attiv

4. Kien politikament attiv mingħajr diskors żejjed jew konfrontazzjonijiet bla sens. Filgħodu kien jaħdem fil-ħanut tal-aħwa Bajada fil-Belt ibigħ id-drapp biex minnu jsiru lbiesi għall-irġiel. Kien maħbub sew minnhom. Diliġenti u kapaċi ħafna jgħin lil kull min kien jidħol jixtri dak il-materjal mill-isbaħ u b’saħħtu. Diversi, mill-kbar saż-żgħar, ta’ kull klassi, professjonisti, b’xi mod kien jiltaqa’ magħhom. Kien jaf imur ma’ kulħadd u kien paċenzjuż, salv ma’ dawk li kienu jaħlulu l-ħin jew jgħidu xi ħaġa kontra l-familja Bajada. Kellu f’dan idejh fuq il-polz u kien jaf l-umuri veri tal-poplu. Kien attent, u hemm kellu ħafna ħbieb li magħhom kien jitkellem u jsiefer. Kien kuraġġuż u avventuruż. Irid isir jaf u f’dan resaq dejjem aktar viċin ta’ missieri, dak iż-żmien fil-bidu tal-missjoni politika tiegħu, li Manwel segwa.

Kien hemm ġabra

5. Manwel kien fost grupp ta’ bnedmin li kienu mpenjati f’Bormla. Insemmi xi wħud għax kien hemm diversi oħra bħal Maurice Debono, John Borg, Joe Gatt, Joe Cassar, Toni Said, Richard Garzia, Pawlu Tabone u Mike Ciappara. Jiltaqgħu fil-Kumitat, jiddiskutu u fl-istess ħin jgħinu. Parti mill-kurrenti li kienu jkunu għaddejjin fil-Partit qabel, waqt u wara l-Kunsilli Ġenerali, il-Laqgħat Ġenerali u d-djalogi li kienu jsiru. Fuq bażi regolari kont ngħaddi ftit ħin ħdejh il-ħanut. Ftit minuti kollox. Manwel kien jappoġġja ħidmet missieri b’intelliġenza. Taf li ser issibu u taf x’inhuwa għaddej minn moħħu. Kapaċi jagħti gwida u ġeneruż fiha. Ikla kien jieħu pjaċir biha, speċjalment mal-ħbieb veri. Flixkun birra, jew Bormla jew għand Ellul il-Belt, kien japprezzah.

Meta għalqu

6. Meta ngħalaq wieħed mill-ħwienet ta’ Bajada fil-Belt, ġie jieħu ħsieb dak ta’ Triq San Ġorġ, Bormla. Il-ġenituri tiegħu kienu ġew nieqsa u waqa’ ħafna fuqu. Diversi kienu jgħaddu ħdejh, ibda mill-ġenituri li kienu jkunu qed jieħdu ’l uliedhom l-iskola, u kompli matul il-ġurnata. Miftuħ tulha bi bnedmin varji li kienu jidħlu jew jieqfu jitkellmu miegħu. Ħafna jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum, għax verament kellu minn kollox. Ħobż, ħalib, perżut kienu jkunu dak li kont immur għalih, inkella li kien itella
’  lilna u lil ġirien oħra. Kien attent, u fl-istess ħin, bil-għaqal. Dak li kien jaqla’ kien kapaċi jkattru u jinvestih. Ħadd ma naqsu xejn. Ma kienx jiftaħar wisq, anqas jitkessaħ jew jitkellem żejjed. Japprezza lil dawk bħalu, speċjalment lil dawk li lejn l-aħħar tal-jum kienu jinġabru ħdejn jaqsmu kelma flimkien. Wara jum fil-ħanut, fil-ġabra tad-dar ma’ ħutu u man-neputijiet.

Tal-Kunċizzjoni

7. Kien devot u benefattur kbir tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Fid-dar kellu xbieha mill-isbaħ tagħha li l-ħabib Ġużeppi ta’ Xandru, il-magħruf arġentier, kien b’sengħa u b’reqqa kbira għamillu. Mal-jiem tal-festa kien ikun ferħan ħafna, aktar u aktar meta l-ewwel kienu jgħaddu l-baned u wara meta kienet tgħaddi minn quddiemhom il-vara tal-Madonna. Iktar ’l isfel fit-triq kellu sehem fit-tqegħid ta’ statwa tal-Qalb ta’ Ġesù. Dik li kien, sajf u xitwa, kważi kuljum mat-tlieta jfakkar lil kulħadd bil-preżenza tagħha u bil-vuċi distinta tiegħu u b’leħen li kien jinstema’, jitlob. Maż-żmien kien sar ikona tal-lokal u ħafna kienu jafuh. Biss, reċentement saħħtu ma ppermettietx u ddeċieda li jagħlaq il-ħanut. F’dan ipprova jsib lil xi ħadd bħalu biex jidħol għas-sagrifiċċji li kien iġorr imma ma sabx u kien żammu hekk, magħluq, jittama fil-futur.

Hekk jibqa’

8. F’dan kollu jibqa’ ħabib awtentiku, ġenwin u li tista’ tafdah b’kollox għax qatt ma kien ser jittradik. F’dan proprju hu, li kien ħafna drabi fis-silenzju, issa qiegħed igawdi l-paċi eterna. Is-Sibt filgħodu, waqt li nġbarna nagħtuh l-aħħar tislima, ġew quddiemi dawn u aktar episodji ta’ ħajtu. Ser iħalli vojt kbir fil-ħajja ta’ diversi. Minn qalbi nsellimlu u ninsab ċert li diġà jinsab flimkien mal-membri tal-familja u d-diversi ħbieb tiegħu li marru qablu.


SANTA LUĊIJA - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

27927. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li, peress li l-ammont ta’ siġar taż-żebbuġ fil-lokalità huwa sostanzjali, mhux possibbli li wieħed jinnumera s-siġar kollha. Min-naħa l-oħra, iż-żebbuġ jiġi maqtugħ bħala parti minn inizjattiva ta’ EkoSkola sabiex minnu jsir iż-żejt.

 

Seduta  340

12/05/2025

IL-GUDJA - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

27926. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali tal-Gudja biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Gudja ser ikun qed jara li jinnumera s-siġar kollha taż-żebbuġ b’tag apposta. Rigward l-ġbir taż-żebbuġ, matul ix-xahar ta’ Settembru u l-bidu ta’ Ottubru, il-Kunsill ser ikun qed jorganizza inizjattiva fil-lokalità sabiex ir-residenti jiġu mħeġġa jiġbru ż-żebbuġ li hemm f’diversi żoni fil-Gudja. Il-Kunsill ser ikun qed jipprovdi l-għodda neċessarja biex dan ikun jista’ jsir.

 

Seduta  340

12/05/2025

ĦAL GĦAXAQ - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

27925. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq li jiddiskuti l-possibbilità ta’ enumerazzjoni  tas-siġar taż-żebbuġ iktar ‘il quddiem, wara li jitlesta proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ żona li fiha diversi siġar taż-żebbuġ. Rigward il-ġbir taż-żebbuġ, dan mhux qed jintilef, imma qed jinġabar u jintuża mir-residenti.

 

Seduta  340

12/05/2025

AMBAXXATA TA’ MALTA FIĊ-ĊINA - RAPPORT TA’ ĦIDMA

27924. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fiċ-Ċina inkluż il-ħidma tal-konsolati relatati?

 

02/05/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fiċ-Ċina inkluż il-ħidma tal-konsolati relatati.

 

Seduta  340

12/05/2025

IŻ-ŻEJTUN - RESTAWR TA’ KNEJJES

27923. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid liema knejjes ġew restawrati jew kienx hemm għajnuna għall-konservazzjoni tagħhom matul dawn l-aħħar tliet snin fil-lokalità taż-Żejtun?  Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali sa issa?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar tliet snin ġew restawrati dawn il-knejjes fil-lokalita’ taż-Żejtun:

 

·             Kappella ta’ San Klement – restawr minn barra (taħt l-Iskema tar-Restawr tal-Kunsilli Lokali 2022/23). Nefqa ta’ Eur11,037.35 għal xiri ta’ materjal, bir-restawr isir minn ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.

·             Parroċċa ta’ Santa Katerina – restawr tal-faċċata ta’ wara (li tagħti fuq Pjazza Diċembru 13). Nefqa ta’ Eur112,697.79, bir-restawr isir minn kuntrattur wara sejħa għall-offerti.

 

Barra minn hekk, ftit tal-ġimgħat ilu inbeda ukoll ir-restawr minn barra tal-Kappella ta’ Santa Marija f’Misraħ Santa Marija (taħt l-Iskema tal-Kunsilli Lokali 2024-25).

 

Seduta  340

12/05/2025

IŻ-ŻEJTUN - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

27922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li mhux possibbli li jiġu ennumerati s-siġar taż-żebbuġ minħabba l-ammont kbir ta’ siġar fil-lokalità. Il-maġġoranza taż-żebbug jinġabar sabiex jingħasar fl-attività ta’ Żejt iż-Żejtun kif ukoll jinqata’ mir-residenti sabiex jintuża għas-salmura u għat-tagħsir.

 

Seduta  340

12/05/2025

STAĠUN POLITIKU ĠDID

1. Waqt li kif inhuwa ġust u xieraq, matul din il-ġimgħa d-dinja tat l-aktar attenzjoni lill-Konklavi sabiex jiġi elett Papa ġdid, fl-istess jiem fil-Ġermanja seħħ pass importanti ħafna u jingħad x’jingħad dwar dan il-pajjiż, huwa jibqa’ determinanti fil-ħajja u l-istorja Ewropea. Għal dawk li huma b’xi mod parti minn jew li jsegwu l-politika fl-Unjoni Ewropea, m’hemmx dubju li mingħajr il-kunsens ta’ dan l-Istat Membru, l-affarijiet ma jimxux. Proprju għalhekk li l-ħatra ta’ Friedrich Merz (1955) bħala l-Kanċillier il-ġdid (Prim Ministru) ta’ dak il-pajjiż tul il-ġimgħa ġibdet l-attenzjoni.

Fuq livelli

2. Dan fuq diversi livelli, proprju għall-persuna li hu u għal dak li jirrappreżenta. Ġej mill-Partit Demokratiku Kristjan (CDU) li mmilita fih għal snin twal. Kellu, u għadu għaddej f’karriera twila u xejn faċli għalih. Personalment ġarrab ħafna u ġie f’pożizzjoni li kellu jwarrab lura lejn il-karriera professjonali fil-liġi li huwa għandu. Minn żagħżugħ (1972) kien diġà membru attiv fil-partit u fl-1989 ġie elett Membru tal-Parlament Ewropew. Żmien ta’ formazzjoni qawwija fejn fost ħidmietu kien ukoll membru ta’ kumitat responsabbli mir-relazzjonijiet ma’ pajjiżna. Wara din il-leġislatura sar membru tal-Parlament Federali, il-Bundestag.

Ċeda l-pass

3. Ma kenitx faċli għalih u kellu diffikultajiet mal-magħrufa Kanċilliera Angela Merkel (1954), ikbar minnu fl-età bi ftit xhur. Kunflitti nterni xejn pjaċevoli, li minħabba fihom iddeċieda li ma jikkontestax l-elezzjoni tal-2009. Ħadem b’suċċess bħala avukat però, kif qed naraw, spiċċa lura fil-parlament. Dan seħħ wara li kkontesta bħala Kap tal-partit tlett darbiet sabiex fl-aħħar, fl-2021, ġie elett. Dan ġieb perjodu xejn faċli għalih u kien qiegħed kull darba jikkumbatti lil dak li kien jidher ċar li kien is-suċċessur il-“midluk” ta’ Merkel. Biss minn hemm, bil-karriera personali tiegħu u bl-importanza u l-attenzjoni li huwa ta lis-settur ekonomiku, spiċċa jmexxi l-partit li ġieb l-iktar voti u siġġijiet fl-elezzjoni ġenerali li saret din is-sena. Mexxa diskussjonijiet mal-Partit Soċjalista (SPD), li tilef il-poter, sabiex issir koalizzjoni.

Triq xejn faċli

4. Il-pożizzjonijiet politiċi passati ġabuh f’kunflitt ma’ diversi. Però l-bniedem huwa sod u mimli b’valuri tajbin. Strateġikament ma’ qabilx fuq ħafna u huwa proprju għalhekk li wieħed jifhem għala fl-ewwel jum li fih kellu jiġi konfermat bħala Kanċillier kien hemm min ried iferih ulterjorment. Jidher li ħmistax-il membru tal-partit tiegħu stess iddeċidew li ma jivvutawlux u riedu jibgħatulu, żbaljatament, messaġġ. Biss, fit-tieni vot, li huwa wkoll kien sigriet, il-maġġoranza ġiet mirbuħa b’325 vot. Issa qiegħed fil-pożizzjoni u qabad triqtu jdur l-Ewropa sabiex jieħu postu. Il-Ġermanja tiddependi fuqu, u daqshekk ieħor il-kontinent.

Kapitolu ġdid

5. M’għandix dubju li dan il-bniedem ser fil-fatt jiftaħ kapitolu differenti u ġdid, sija għall-partit kif ukoll għall-gvern. Ser ikun hemm tibdil fuq l-infiq u l-kwistjoni tal-awsterità. Ser ikollu wkoll l-isfidi li Donald Trump kontinwament qiegħed jibgħat, minbarra wkoll ix-xenarju li qiegħed jinbidel ta’ Ġermanja li tibqa’ lura fl-armamenti militari għal waħda li trid tarma lilha nfisha. Għandu però vantaġġ politiku għax għandu esperjenza twila li fiha ġie mbaskat sew. Ma ssirx Kanċillier ta’ pajjiż bħal dak mingħajr ma tkun għaddejt minn ħafna. F’dan għandu wkoll id-dehen li jagħraf li jista’ juża tajjeb it-talenti differenti li għandu.

Nittamaw

6. Ċertament ser ikollu l-vantaġġ ta’ Unjoni Ewropea mmexxija minn Ursula von der Leyen (1958), li qabel kienet miegħu fil-partit. Kif ukoll diversi mexxejja Ewropej li ser iħarsu lejh b’rispett. Il-bidu għalih ma kienx faċli, u lanqas triqtu biex ġie maħtur Kap u Kanċillier, imma naħseb li dan ser iservih f’dożi aqwa ta’ umiltà u attenzjoni għal dak li hu għaddej fil-partit. M’hemmx dubju li d-demokrazija Tedeska hija eżemplari u r-reputazzjoni tagħhom ma marritx lura. Jafu x’inhuma jagħmlu u kapaċi jibdlu. Proprju għalhekk li fil-mument attwali nawgurawlu u nittamaw li ħidmietu tkun aktar għas-sewwa u l-valuri sodi Nsara li l-Ewropa tant għandha bżonn.

7.5.25

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID - TRIQ IT-TARZNA - XOGĦLIJIET

27915. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar xogħlijiet fi Triq it-Tarzna f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma previsti?

 

02/05/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Seduta  338

06/05/2025

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID - TRIQ IT-TARZNA - XOGĦLIJIET

27914. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar xogħlijiet fi Triq it-Tarzna f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet huma previsti?

 

02/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant lix-xogħlijiet jikkonsistu f’bini tat-triq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti, tibdil ta’ servizzi kif ikun mitlub mill-entitajiet rispettivi u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa.

 

Seduta  338

06/05/2025

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID - TRIQ LAMPUKA - XOGĦLIJIET

27913. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar xogħlijiet fi Triq Lampuka f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma previsti?

 

02/05/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  338

06/05/2025

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID - TRIQ LAMPUKA - XOGĦLIJIET

27912. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar xogħlijiet fi Triq Lampuka f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet huma previsti?

 

02/05/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant lix-xogħlijiet jikkonsistu f’bini tat-triq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti, tibdil ta’ servizzi kif ikun mitlub mill-entitajiet rispettivi u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa.

 

Seduta  338

06/05/2025

SANTA LUĊIJA - TRIQ IL-ĠNIEN - XOGĦLIJIET FUQ APPARTAMENTI

27911. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16565, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fl-appartamenti ta’ Triq il-Ġnien, f’Santa Luċija u kemm ġew jiswew?

 

02/05/2025

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27910.

 

Seduta  338

06/05/2025

SANTA LUĊIJA - TRIQ IL-ĠNIEN - XOGĦLIJIET FUQ APPARTAMENTI

27910. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16561, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fl-appartamenti ta’ Triq il-Ġnien, f’Santa Luċija u kemm ġew jiswew?

 

02/05/2025

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-blokok numerati 1 sa 7 fi Triq il-Ġnien, li jinkludu l-faċċati tal-binjiet, bjut u partijiet komuni tat-taraġ, b’proġett stmat li jiswa €522,900 li minnu diġà tħallsu €204,600.

 

Seduta  338

06/05/2025

6.5.25

SAL-AĦĦAR TAL-ĠIMGĦA

1. Hija ċertament ġimgħa determinanti għal dawk li huma parti mill-Knisja Kattolika, imma daqstant ieħor għal dawk li jifhmu kemm din il-kariga hija importanti fid-dinja. Vuċi li ġġib lill-bnedmin jifhmu aħjar dak li jgħaddu minnu. Minn għada jibda l-proċess li fih, u minnu, jiġi magħżul il-Papa l-ġdid. Dak li jrid iġorr responsabbiltà xejn faċli. Dak li jagħti direzzjoni ħajja lil diversi bnedmin bħali li jħarsu lejn il-kliem u l-aġir tiegħu. Dan ser ikun is-sitt persuna li nara jiġi elett u li nittama li nsegwi l-ħidma tiegħu. Kull Papa jiġi bil-missjoni tiegħu. Kull wieħed iwettaq ħafna aktar minn dak li l-kritiċi jbassru. Jissupera fuq ħafna u jispira ’l-popli biex jidħlu għas-servizz tas-Sewwa. L-onestà, il-verità, l-awtentiċità, il-ġustizzja, il-ħniena jsibu ruħhom spjegati u mwettqa.

Tħares ’il fuq

2. Mingħajr ma trid tifhem li tkun qed tħares ’il fuq lejn dawn il-bnedmin kbar. Kull diskors, kull kitba, kull azzjoni huma mimlija b’sens u sustanza. Mhux biss, imma għandhom messaġġ li taqrah meta taqrah, jew issegwih meta ssegwih, ser jinfluwenzak. Huwa universali, imma fl-istess ħin mhuwiex ristrett fiż-żmien partikolari. Hemm proċess u żvilupp kontinwu li tmiss miegħu u tingħaqad fih. U tifhem dan aktar meta taqra ħajjet dawn il-persuni uniċi. Dak li ġarrbu qabel saru u dak ta’ wara l-ħatra tagħhom jispjega ħafna. Tħares lura u tiġi konvint li kull wieħed minnhom ġie mbaskat u mgħoddi minn numru ta’ esperjenzi proprju biex ikun ippreparat għal dak li kien ġej għalih. M’għandix dubju li min, sal-aħħar tal-ġimgħa ser jiġi magħżul, ser ikun huwa wkoll kompletament f’din il-linja. Ippreparat għal dak li ġej. Għax kif kien qal il-Papa Benedittu XVI: “The Church marches forward to the fulfillment of history. No, one does not go back, nor can one.

Fil-verità

3. Ftit kienu dawk li ġew iċċumbati qabel. Identifikati korrettament qabel daħlu fil-Konklavi, li ser jilħqu. Anke jekk illum, bil-mezzi teknoloġiċi li għandna kollox jidher li m’hemmx kantuniera jew rokna mhux pubblika tal-Kardinali, xorta hemm proċess li l-bniedem jibda jifhmu biss wara. Mhux hekk biss, imma anki jekk hemm min qed jipprova jixħet u jwaħħal tabelli varji ta’ identifikazzjoni fejn il-popolari huma konservattivi u progressivi, xorta kull min jilħaq ser ikompli fit-triqat ta’ qablu u jimxi ’l quddiem. Dejjem ’il quddiem, dejjem fil-progress mhux materjalista, imma dak tal-ispiritwalità interna li tifforma ’l-bniedem. Ħadd ma jista’ jiċħad li ġewwa fih hemm dinjità li jieħu miegħu u li jista’ jinjora, jista’ jiċħad, imma f’xi mument irid imur lura għaliha.

F’Mejju

4. Hemm isbaħ li dan il-proċess ta’ għażla qiegħed isir tul dan ix-xahar mill-aqwa. Mimli bi frott spiritwali, b’qaddisin kbar bħal San Ġorġ Preca, imma l-iktar li hu ddedikat lill-Madonna. Wieħed li telaq bil-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. L-Ewwel ta’ Mejju huwa għalina forza ta’ għaqda sabiex dawk li huma msejħa biex ikabbru l-ġid iwettqu dan fid-dinjità sħiħa li kull ħaddiem jixraqlu. F’dan ninsabu fejn ninsabu bil-ġabra ta’ liġijiet industrijali varati biex jiddefenduh, li huma lkoll ġejjin minn proċess passat. Proċess li fih Papiet passati ħadu pożizzjoni u mexxewna. Favur il-bniedem li mhuwiex mezz ta’ produzzjoni imma kontributur attiv għall-ġid komuni. Mhuwiex hemm biex jassigura li oħrajn jistagħnew bla bilanċ jew skruplu, imma li jikber u jħossu parti sħiħa mill-iżvilupp personali tiegħu.

Dikjarazzjonijiet

5. Kull Papa, speċjalment f’dawn l-aħħar ħamsin sena, ħalla warajh siġill li meta tmur lura għalihom, f’kitbiethom timmarka avvanz. Pass li nagħrfu, anke jekk ninsabu f’soċjetà fejn din il-ħidma, dawn l-enċikliċi ma jissemmewx, jew ma jingħadux minħabba xi forma ta’ mistħija. Inkella ma jsibux posthom f’dawk li ma jarawx li għalihom huwa aktar politikament korrett jew vantaġġjuż elettoralment li jfakkru f’dawn il-passi daqshekk deċiżivi. Veru għalhekk, anke llum, li fuq dan wieħed irid jitlaq minn ħidmet il-Papa Ljun XIII (1810-1903) bir-Rerum Novarum (1891). Dik l-enċiklika li fetħet kapitoli ġodda fid-duttrina soċjali li tiddistingwina u li hija parti mill-missjoni politika tagħna. Warajh, ħafna komplew iżidu, fosthom il-Papa Pawlu VI, il-Papa Ġwanni Pawlu II b’Laborem Excersens (1981) u wara b’Centesimus Annus (1991), kif ukoll il-Papa Benedittu XVI, li kien riformatur ferm ikbar milli jaħsbu dawk li jiddikjarawh, u reċentement il-Papa Franġisku, li assigura li l-messaġġ jitqiegħed iktar fil-kuntest u fil-prattika. Duttrina Soċjali li titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawk li huma l-iktar fil-bżonn. Dawk li huma fil-faqar.

Rikonoxximent

6. F’dan kollu hemm idur il-punt ċentrali ta’ kemm u kif il-klassi tal-ħaddiema hija protetta fil-preżent. Kemm il-liġijiet u l-linja sħiħa soċjali tal-pajjiż humiex jiġu applikati. Ta’ kemm il-ħaddiema huma verament protetti fuq il-post tax-xogħol u f’dan x’jista’ jsir biex l-affarijiet ikun assigurat li qed isiru sew. Forsi wieħed jifhem iktar kemm il-Kapitolu 527 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna dwar il-Protezzjoni tal-Infurmatur jista’ jitħaddem ferm aktar. Biss jidher li fl-aġenda, is-soluzzjoni li qed tiġi diskussa hija f’jekk għandhiex tgħaddi liġi li ġġib li kull ħaddiem ikun, irid jew ma jridx, parti minn union. Punt xejn faċli, bil-passat u l-kumplikazzjonijiet politiċi li xi wħud ġarrbu. Imma filwaqt li wieħed m’għandux jaqbad u jagħlaq il-bieb, dak li jkun irid jara jekk fil-fatt hemmx bżonn li f’ċertu kategoriji u setturi, proprju minħabba l-isfruttament li hemm, din tidħol. Hemm bżonn ta’ djalogu matur, attent, fejn il-fatti jiġu kkunsidrati b’mod oġġettiv. Għax kull ħaddiem, ġej minn fejn hu ġej, għandu jiġi mogħti d-dinjità li ħaqqu.

Sint ut sunt, aut non sint

7. F’dan għandna nifhmu dejjem din ir-regola. F’dan il-proċess progressiv u f’dan il-kuntest niddikjaraw li aħjar inkunu kif aħna milli ma nkunu xejn. Aħjar nibqgħu nkunu dawk li jirrappreżentaw lil dawk li l-aktar għandhom bżonn li jkollhom il-ġustizzja soċjali magħhom. Dmirna llum huwa dejjem iktar dak li ningħaqdu sabiex inservu s-Sewwa. Inservu ma’ min ser jiġi elett Papa sabiex inkunu iktar melħ tajjeb f’dinja mimlija ġenn u traġedji. Dmir li m’għandniex nibqgħu lura minnu. Dak li nittama li nagħrfu ferm iktar lejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

IX-XGĦAJRA - IX-XATT - TINDIF U MANUTENZJONI

27542. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu fir-rigward ta’ tindif u manutenzjoni fix-Xatt tax-Xgħajra, issa li ġej is-sajf?

 

21/04/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li t-tindif tal-bajja tax-Xgħajra jsir regolarment matul is-sena kollha, filwaqt li fix-xhur tas-sajf din il-ħidma tintensifika iktar.

 

Seduta  337

05/05/2025

WIED IL-GĦAJN - BAJJA TA’ SAN TUMAS - TINDIF U MANUTENZJONI

27541. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu fir-rigward ta’ tindif u manutenzjoni fil-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn, issa li ġej is-sajf?

 

21/04/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li t-tindif tul il-kosta kollha ta’ Marsascala jsir matul is-sena. Filwaqt li fix-xhur tas-sajf isir tindif darbtejn kuljum.

 

Seduta  337

05/05/2025

IL-KALKARA - BAJJA TA’ RIENLLA - TINDIF U MANUTENZJONI

27540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu fir-rigward ta’ tindif u manutenzjoni fil-Bajja ta’ Rinella, fil-Kalkara, issa li ġej is-sajf?

 

21/04/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Filwaqt li t-tindif fil-bajja ta’ Rinella jsir matul is-sena kollha, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni tassisti wkoll lill-Kunsill Lokali fil-manutenzjoni tal-poġġamani (railings) li hemm tul il-promenade.

 

Seduta  337

05/05/2025

IMTIEĦEN - RAPPORTI

29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...