18180. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura
u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’xogħlijiet qed isiru
fi Triq l-Oratorju f’Bormla, meta ser ikunu konklużi u kemm ser jintefaq?
13/01/2021
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure
Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma
ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma
b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità,
l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan
qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din
il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed
twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema
tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq
residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji
oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa
qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u
b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art
f’pajjiżna.
Fil-ftit zmien kemm ilha li
twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq.
Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin
xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Bormla diġà bniet
mill-ġdid Triq Alessandra, Triq San Ġorġ, Triq il-Pellegrinaġġ u Triq l-Iljun.
Waqt li bħalissa qed issir Triq l-Oratorju, diġà hemm ippjanati biex fix-xhur
li ġejjin jinbdew ukoll Triq San Franġisk, Triq Santa Margerita, Triq Ċetta
Mintoff u Triq Wiġi Rosato.
L-istima preliminari
tax-xogħlijiet fit-triq indikata hija ta’ €403,888 bla VAT u dawn jikkonsistu
fi bdil tas-servizzi taħt l-art partikolarment dak tal-ilma, bini mill-ġdid ta’
partijiet mill-bankini, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid lit-triq b’diversi
kisjiet t’asfalt.
Intennu l-impenn tagħna li
nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar
lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Seduta 421
27/01/2021
No comments:
Post a Comment