1. Daqt ser inkunu għalaqna sena.
Daqt sena ser tkun għaddiet b’din is-soċjetà tgħix u tikkumbatti lura
l-kefrija tal-pandemija. Rajna ħafna
quddiemna. Kien hemm reazzjonijiet
varji. Drabi ngħalaqna. Oħrajn ippruvajna nimxu b’kawtela li ma ġietx
osservata minn xi wħud. Drabi wkoll
ippruvajna nsolvu l-isfidi tal-ħlasijiet varji lill-kategoriji differenti
fid-dinja tax-xogħol. Kemm qed
jirnexxielna nżommu l-affarijiet f’pożizzjoni li nistgħu nibdew lura hija ħaġa
oħra. Ċertament, kunsiderazzjoni li
rridu nieħdu iktar ‘il quddiem. Naraw,
fil-fatt, jekk utilizzajniex sewwa dan il-perjodu differenti.
Normalità
2. Nisimgħu ħafna dwar il-bżonn ta’ forma ta’ normalità. Inkitbu artikli varji dwar dan. Diversi qegħdin, ġustament, iwissu li dak li
kien hemm qabel Frar tal-2020 ma jistax jinġieb lura. Iż-żminijiet inbidlu sew. Diversi fatturi qegħdin, biċċa biċċa,
jimpustaw ruħhom b’mod differenti. Min
kellu vantaġġ jew forma ta’ dominanza fis-settur tiegħu, illum ser jibda, jekk
ikollu l-ispazju neċessarju, lura mill-ġdid.
Oħrajn li kienu lura, sabu ruħhom quddiem. Is-soċjetà qed tinbidel. Mhux il-valuri tagħha. Dawk jidher li ġew misjuba mill-ġdid. Forsi, iktar preċiż, qed isibu min ifittixhom
biex jiskoprihom.
Soċjetà differenti
3. L-opportunità hija, f’ħafna, unika għalina. Però, kemm qegħdin neħduha, għandi
dubju. Dan jista’ jkun mument ta’
konsolidament. Jista’ jkun li jkun iktar
mument ta’ progress soċjali u kulturali.
Għarfien sewwa tas-soċjetà li għexna fiha u direzzjoni lejn waħda li
hija iktar umana u inqas, ferm inqas, materjalista. Inbiddlu iktar li l-Istat huwa biss
l-ekonomija. Inneħħu l-ideat żbaljati li
l-bniedem huwa biss strument temporanju għall-materjaliżmu ta’ l-agħar forom
ta’ kapitaliżmu. Il-mument, illum, huwa
ta’ riflessjoni u preparazzjoni. Sejħa
sabiex dawk li, huma fejn huma fis-soċjetà, jikkontribwixxu għalih. Għandna bżonn soċjetà differenti, li tħares
li tipproteġi iktar lilha nfisha u ‘l-valuri li sawwruha.
Ġustizzja soċjali
4. Parti essenzjali mis-suċċess veru, u mhux apparenti tagħna bħala
soċjetà, ġej proprju mill-għarfien u l-konverġenza ta’ punti vitali fuq
il-bżonn ta’ stat soċjali. Jekk inħarsu
lura tul dawn l-aħħar għoxrin sena, jista’ jkun li tajna iktar importanza lil
pożizzjonijiet oħra. Naqqasna l-messaġġ
politiku, soċjali u kulturali, li huma l-ideat u mhux il-mekkaniżmi tas-suq li
jsarrfu f’suċċess. Il-kunċetti li soċjetà trid timxi magħhom ma jistgħux
jibqgħu determinati mill-manwali tal-‘management’. Hemm ferm iktar li diversi bnedmin li għamlu
isem fid-dinja ekonomika wrew u rrikonoxxew.
Il-fattur uman jibqa’ l-ġebla tax-xewka tagħna. Il-bżonnijiet tiegħu jibqgħu dawk li għandhom
jiddeterminaw dak li l-linja varja u mħallta ta’ produzzjoni titlob.
Programm politiku
5. Din hija okkażjoni ġdida li qed tippreżenta ruħha għalina. Għalina bħala soċjetà fit-tastieri sħaħ
tagħha. Għalina li nisimgħu l-vuċijiet
varji fis-soċjetà. Għalina li ngħaddu
mill-eżami elettorali, li minnu l-elettorat jagħżel biex nirrappreżentawh. Għalina iktar fi ħdan il-Partit
Nazzjonalista. Il-bażi, il-pedamenti
tal-partit hemm min qiegħed jipprova jibdilhom.
Dan huwa, u sa issa baqa’ partit Demokratiku Kristjan. Min jidħol fih, min jipparteċipa fih għandu
jagħraf dak li aħna, dak li daħal fih.
Il-partit mhuwiex, kif żbaljatament qed jingħad, wieħed li m’għandux ideat
jew pedament omoġenju. Hemm kwalitajiet
essenzjali li, isir xi jsir, hemm jibqg
u. Anki min jipprova jibdel il-bażi tal-partit,
jerġa’ jġibu lura għall-ordni oriġinali tiegħu.
Faċċati jew tastieri
6. Il-persuni li jirrappreżentaw ‘l-elettorat tal-partit għandhom
il-kwalitajiet tagħhom. Għandhom
it-talenti u l-prijoritajiet tagħhom.
Dan huwa parti minn proċess ta’ kull żmien fl-istorja tiegħu. Huma faċċati u tastieri individwali. Imma dan ma jfissirx li l-partit ma baqax
wieħed li jifhem l-importanza tal-patrijottiżmu u li jibbaża l-programm ta’
ħidmietu fi ħdan id-duttrina soċjali.
Il-partit, minnu nnifsu, huwa wieħed taċ-ċentru. Wieħed li huwa moderat, u jrid jibdel biex
jassigura iktar progress soċjali.
Mhuwiex wieħed tal-liberaliżmu tax-xellug, jew tal-lemin. Anqas huwa wieħed konservattiv. Mhuwiex partit tal-lemin, imma kif turi
l-istorja fis-suċċess, partit taċ-ċentru li jimxi lejn ix-xellug.
Għarfu dan
7. Jekk wieħed imur lura, jara li l-Partit Laburista dan li
rnexxielu jwettaq fl-aħħar żewġ appuntamenti elettorali. Segwa dak li l-partit tagħna kien mexa
fih. Segwa wkoll dak li persuni bħall-ex
Prim Ministru Ngliż Tony Blair wettaq.
Fis-sens li kien eżempju ta’ suċċess li seta’ jiġi segwit u
aċċettat. Kien hemm abbandun tax-xellug,
l-iktar xellug li miegħu l-ex Prim Ministru Alfred Sant kien assoċjat sabiex
daħal fiċ-ċentru. Pożizzjoni li okkupa,
u għadu, f’dan il-mument partikolari.
Kemm ser jibqa’ f’dan hija ħaġa oħra.
Iktar u iktar illum li qiegħed jaqbad it-triq żbaljata li jaħseb li
t-teknokrazija politika hija superjuri, jew soluzzjoni, għall-politika
tal-poplu.
Kultura politika
8. L-ideat jiffurmaw ruħhom fil-bniedem u bid-diskussjoni. Iktar u iktar meta għandhom il-vantaġġ li
jistgħu jaraw u jifhmu l-lezzjonijiet tal-passat. Poplu li jinsa l-passat tiegħu jkun qiegħed
jaġixxi kontra t-tessut demokratiku tiegħu.
Meta ninsew l-istorja, inevitabilment jerġgħu jsiru l-iżbalji li saru
qabel. Kienu x’kienu l-ideat politiċi
ta’ oħrajn hemm, għall-vantaġġ tagħna, żewġ fatturi. L-ewwel: ir-riżultat tagħhom, jiġifieri ta’
suċċess jew diżastri. It-tieni:
l-għarbiel u l-analiżi tagħhom minn bnedmin varji li kitbu dwarhom. Il-politika t-tajba tiddependi minn dan
l-għarbiel. Tiddependi mill-paċenzja u
sabar li wieħed jifhem sewwa. Min jaħseb
li huwa tant mimli ideat li għandu s-‘soluzzjonijiet ġodda’ u m’għandux bżonn
lezzjonijiet, jiżbalja.
Suppervji varji
9. Hemm kultura politika li trid tiġi kultivata, mhux abbandunata,
jekk irridu nħarsu li jkollna progress ġdid għas-soċjetà tagħna. Ninnota wisq protagoniżmu reazzjonarju. Wisq persuni li jaħsbu li jgħaddu mingħajr ma
jippreparaw ruħhom. Jew li jrid juri li
min jipprepara ruħu huwa fil-passat, mentri huwa qiegħed fil-preżent għax
m’għandux bżonn ‘lezzjonijiet’. Jaf
kollox diġà, u għalhekk m’għandux bżonn jisma’ jew jaqra. Hawn forom varji ta’ suppervji li qed jieħdu
f’idejhom il-mazz. Is-suppervja qegħda,
imma m’għadhiex postha fil-politika.
L-umiltà hija l-element essenzjali li jwassal verament
għas-suċċess. Proprju għalhekk li
fiż-żmien li aħna fl-Oppożizzjoni, irridu nagħrfu iktar dawn
il-lezzjonijiet. Irridu nagħtuhom iktar
importanza fil-kuntrast li qed jiżviluppa jum wara jum. Dan għax għandna dmir naħdmu f’passi
fil-progress soċjali tagħna.
No comments:
Post a Comment