19005. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura
u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm se ddum biex titlesta Triq
Paola, Ħal Tarxien? X’xogħlijiet se jsiru?
08/02/2021
ONOR. IAN
BORG: Fl-2020, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali
madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. B’hekk, minn meta
lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019 tat bidu għall-programm t’investiment ta’ €700
miljun biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fil-pajjiż, l-aġenzija
bniet mill-ġdid mal-285 triq residenzjali biex eluf ta’ familji li joqogħdu
f’dawn it-toroq qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom.
Bħalissa għaddejjin
xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra fosthom Triq Paola f’Ħal Tarxien
li hi twila mhux ħażin, tant li din tibda minn ħdejn il-Knisja Parrokkjali u
tmiss ma’ Triq Ħal Tarxien fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid. Ix-xogħlijiet f’din
it-triq bdew fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar u jinkludu bdil tal-pajpijiet
tal-ilma, servizzi ġodda għall-ilma u telekomunikazzjoni, bini ta’ bankini
ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq qabel ma jissaħħew il-pedamenti u jsir wiċċ
ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Fl-istess triq bħalissa għaddej ukoll xogħol
minn entità oħra, li qed jiġi kkordinat biex isir waqt il-bini mill-ġdid
tat-triq biex jonqos l-inkonvenjent lir-resident. Ix-xogħol kollu mistenni li
jkun lest fix-xhur li ġejjin.
Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien,
Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Santa Marija, Triq iż-Żejtun,
Triq is-Sorijiet u Triq Marjanu Gerada waqt li diġà hemm ippjanati biex isiru
toroq residenzjali oħrajn. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq
residenzjali se jissokta fis-sitt snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar
toroq fil-lokalitajiet madwar Malta.
Fis-sentjen li għaddew,
Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet f’aktar minn 230 triq rurali.
Għaldaqstant, fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet
mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq mifruxin fil-lokalitajiet
kollha madwar il-pajjiż, u dan apparti xogħlijet ta’ tiswijiet f’għexieren ta’
toroq oħrajn u l-bini ta’ proġetti kbar li qegħdin jinbnew fit-toroq arterjali.
Seduta 427
15/02/2021
No comments:
Post a Comment