1. Tul din
il-ġimgħa, rajna tibdil politiku ieħor fir-Renju Unit. Għall-Partit Konservattiv Ingliż mhuwiex
proprju staġun mill-aqwa. Wisq inqas
mimli bi stabbiltà. L-avventura li daħal
għaliha David Cameron qegħda twassal, iktar u iktar, lill-partit fi sqaq
politiku li ma jistax joħroġ minnu.
Kienet mossa li kellha l-intenzjoni li trebbaħ elezzjoni, li spiċċat
waħda mill-ikbar kumplikazzjonijiet.
Offrew dak li kienu jaħsbu li m’għandhomx bżonn iwettqu. Ipproponew dak li ħasbu li għandhom jidħlu
għalih biex jibqgħu fil-poter u, minflok, ġara ħafna l-kontra.
Lezzjonijiet politiċi
2. Fil-verità, dan
ir-referendum marbut mal-ħruġ tar-Renju Unit, qed isir dejjem iktar ħolma
kerha. Kif nafu, ma din il-ġimgħa
spiċċat ukoll Teresa May, li serviet għal dawn is-snin bħala Prim
Ministru. It-tieni persuna fi ħdan dan
il-partit li kellha ċċedi, għax dak li ġie propost elettoralment ma jistax isib
eżitu tajjeb. May ma kellha żmien faċli
xejn. Kien mill-iktar iebes. Serviet b’umiltà sabiex tipprova żżomm
il-maġġoranza parlamentari fi triq fejn ma naqsux dawk li għamlulha ħajjitha
diffiċli. Daħlet għal negozjati
mal-Unjoni Ewropea. Waslet fi ftehim li
huwa bażikament tajjeb u l-aħjar li jista’ jkun hemm.
Mhux biżżejjed
3. Ġiet impinġija ħażin
minn dawk li ħarġu huma wkoll stalletti politiċi għaliha. Ġiet imqegħda fil-pożizzjoni fejn membri
tal-partit tagħha ma ġibdux il-ħabel kif kellhom. Kellha tgħaddi mill-proċess fejn trid toqgħod
attenta, mhux biss mill-Oppożizzjoni, dejjem iktar qawwija, jew min-negozjati,
imma minn ħdan il-membri eletti fil-partit tagħha. Kellha t-taħbila ta’ ministri varji li
f’mument jew ieħor iddeċidew li jitilqu, min għal raġuni, u min għal oħra. Ma kienx faċli xejn, u nifhem li minkejja
kull kritika li sabet, żammet ruħha fuq it-triq it-tajba.
Macchiavelli għadu ħaj?
4. Għalkemm meta
taqra u tanalizza r-rapporti fil-gazzetti barranin issib kliem dispreġjattiv
għaliha, Teresa May serviet tajjeb.
L-iktar, ma waqgħetx għan-nassa li tippreferi l-poter għall-prinċipji
tagħha. Sofriet daqqiet żbaljati, imma
ma waslitx biex wettqet lura. Ħaddieħor
ħass li huwa ġustifikat li jiġġustifika mezz żbaljat biex jikseb il-poter,
mentri hi dan ma wettqitux. Għamlet minn
kollox b’paċenzja u attenzjoni sabiex twassal għal pożizzjoni li hija l-aħjar
soluzzjoni f’dan l-intopp. Għażlet ukoll
li ma tarax l-interessi tagħha, imma
tal-pajjiż.
Is-sewwa jibqa’
5. Warrbet mhux
għax ma ressqitx l-aħjar soluzzjoni, imma minħabba parti mill-partit li riedet, mill-bidu,
il-poter f’idejha. Parti mill-partit li
ilu b’din il-pożizzjoni maqsuma għaddej is-snin. Partit li kellu fi ħdanu, il-ħin kollu, lil
dawk li huma favur u dawk kontra l-Unjoni Ewropea. Fil-verità, tul dawn is-snin, kull mexxej u
Prim Ministru Konservattiv kienu dejjem jafu ‘l-partit, imma huma kienu parti
mill-maġġoranza interna favur l-Unjoni.
Issa, minn dak li seħħ din il-ġimgħa, jidher li l-minoranza interna
ħadet il-partit f’idejha. Fejn ser
tasal, u kif, għad irridu naraw.
Proċess imdardar
6. Boris Johnson,
għal min isegwih u qara x’jgħid, jaf li ried, mill-bidunett, is-siġġu li kellu
dak li kien il-ħabib tiegħu, Cameron.
F’ċertu sens, irrepetiet ruħha fix-xenarju Ingliż, bi sfumaturi
differenti, dak li għaddew minnu Tony Blair u Gordon Brown fi ħdan il-Partit
Laburista. Wara sentejn skorruti, issa
daħal hu. Biss, fil-proċess wettaq
diversi mossi politiċi li jrid issa jaffronta huwa. Meta partit jibda jara dissensi qawwija
interni li jwasslu viċin id-diviżjoni ċara f’għajnejn il-poplu, dik l-istampa
ma ġġibhiex lura b’sempliċi bidla ta’ min kien il-ħin kollu parteċipi
fiha. F’dan huwa iktar evidenti li
Johnson qed jipprova jidħol sabiex l-ilma li huwa stess kien darbar fil-partit,
jipprova jiċċarah.
Il-volontà mhux biżżejjed
7. Hemm min jaħseb
li, fil-politika, kull ma trid huwa li tidher mexxej li għandek il-volontà li
tmur xi mkien. L-esperjenza li l-istorja
tgħaddi turi li dan mhuwiex biżżejjed.
Mhux biżżejjed li wieħed jidħol bi ħsieb li minn issa stess nafu li mhux
ser jirnexxi. L-għażliet, għalkemm
inbidel il-Prim Ministru, ser jibqgħu l-istess.
Il-kwistjoni ċentrali tibqa’ dik li r-Renju Unit ser joħroġ mill-Unjoni
Ewropea bi ftehim, jew le? Isir xi jsir
minn dan il-Gvern “ġdid” jibqa’ sekondarju, jistenna din id-deċiżjoni. F’dan nafu li l-Partit Konservattiv kien
maqsum, u ser jibqa’ wieħed maqsum fil-vot parlamentari tiegħu.
X’wiret?
8. Wiret minoranza
parlamentari u minoranza elettorali.
F’ħafna sens, f’dan il-proċess sħiħ ftakart f’diversi mumenti f’dak li
William Shakespeare iddeskrieva tant tajjeb f’Ġulju Ċesri. Johnson kien
wieħed mill-persunaġġi li ħa ħsieb it-tmiem ta’ Teresa May billi bena
maġġoranza interna li ħarġet u tat id-daqqiet tal-istalletti. Issa wiret partit mhux biss tradizzjonalment
diviż, imma li huwa stess ikkontribwixxa iktar sabiex jifred. Anki fl-ewwel passi tiegħu, assigura iktar
dan. Il-kompożizzjoni tal-kabinett
tiegħu turi li ried “jippremja” lil dawk li kienu lejali lejh u “jippenalizza”
lil dawk kontra.
Fejn sejjer?
9. F’ħafna sens,
daħħal lilu nnifsu iktar f’minoranza parlamentari. Mhux biss, imma ser iżid il-kontroversji u
l-inkompatibilità bejn bnedmin fuq l-istess naħa. Jekk, kif qed tidher l-aġenda u l-messaġġ
politiku tiegħu huwa li hu, kif ukoll min għażel, huwa iktar kapaċi minn
ħaddieħor, dan, minnu nnifsu huwa ta’ iktar inkwiet. Il-kabinett waħdu, fis-sistema demokratika ma
jimxix ‘il quddiem jekk ma jkollux maġġoranza parlamentari warajh. Jekk qed jaħseb il-kontra, mhux jinduna li
ser jispiċċa malajr. Fil-jiem li ġejjin
ma hemmx seduti, imma maeta jerġa’ jibda l-parlament, din ir-realtà numerika
jrid jiffaċċjaha.
X’aġenda politika?
10. Huwa ċar li
l-aġenda ta’ Boris Johnson ser tkun dik li f’Ottubru jipprova jgħaddi
mill-House of Commons il-proposta li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea
mingħajr ftehim. Kemm ser jirnexxilu, ma
nafx, għax ma hemmx in-numri. Quddiemu
għandu għażla waħdanija: li wara telfa parlamentari jmur għal elezzjoni
ġenerali. Hemm, il-pożizzjoni ser tibqa’
iktar u iktar diffiċli. Diġà rajna
‘l-elettorat Ingliż jinbidel, u jaf imur lura għal dak li kien qabel,
fl-inabbiltà tal-Partit Konservattiv li jaqbel fuq pożizzjoni waħda. F’ħafna sens, qed naraw proprju tibdil lura
għal dak li kienu.