20.3.23

Forsi sejrin naslu

Forsi sejrin naslu

1.      L-eventi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat biddlu x-xenarju politiku.  Ġiebu għad-dawl nuqqas gravissimu f’ħidmet il-Gvern preżenti.  Wieħed, li waqt li tkun qed taqra s-sentenza mogħtija tifhem ferm iktar kemm hemm inkwiet milli qiegħed jidher.  Proprju dan huwa iktar kruċjali.  Il-punt li jbiddel huwa dak li jfiehem.  L-opinjoni tal-bnedmin tiċċaqlaq għax ikunu jafu l-fatti kollha.  Mhux opinjonijiet, anqas għajjat, anqas attività li tbegħedhom milli jagħtu attenzjoni, imma verità.  Dan hu li jħoll u jorbot.  Il-Partit Laburista għandu kull interess politiku tiegħu li dawn ma jaslux għand il-poplu.  L-interess nazzjonali u l-isfida għalina hija l-kontra li dawn jgħaddu għad-dispożizzjoni tan-nies f’lingwaġġ li jifhmu.
 
Nistgħu naħsbu
 
2.      Dak li naħsbu li fhimna aħna bħala politiċi ma jfissirx li hekk għamlu dak li forsi semgħuna.  Hemm bżonn dożi ta’ sempliċità, awtentiċità u umiltà biex dan iseħħ.  Iktar u iktar meta qegħdin f’xenarju politiku fejn il-Gvern għandu interess li jħawwad il-biegħa u jaljena fuq materji oħra.  Iktar u iktar meta fl-aħħar stħarriġ, il-pożizzjoni issa hija li l-Gvern ser jerġa’ jaqbad it-toroq ta’ qabel.  Dan għax qed jaħseb, l-ewwel: li fl-opinjoni pubblika tal-bieraħ dak li seħħ lilu ma laqtitux kif huwa stess kien jistenna għax baqa’ jgawdi maġġoranza; it-tieni: għax issa jista’ jibgħat barra l-messaġġ li għad fadal erba’ snin oħra qabel elezzjoni ġenerali biex “jirranġa”.
 
Bombi midfuna
 
3.      Għadna, wara tant snin, insibu mifduna taħt l-art tagħna bombi mixħuta mill-għadu fit-Tieni Gwerra Mondjali.  Għad hemm dawk li niżlu mill-ajru u ma ħadux, imma għadhom hemm, jistennew.  Iridu attenzjoni u sogru kbir biex ma jiħdux.  Imma hawn kellna bomba atomika politika li ħadet.  Kienet hemm, ippreparata tieħu f’daqqa.  Il-Gvern ipprefera jħalliha tagħmillu l-ħsara milli li jwaqqafha qabel.  Ċertament, baqa’ jittama li ser jiġri xi ħaġa fil-frattemp, imma dan ma seħħx.  Il-kawża baqgħet għaddejja u ġiet deċiża.  Il-fatt li ngħadu fiha kellhom diġà l-effetti politiċi tagħhom.  Imma mhuwiex biżżejjed f’dak li hemm bżonn li jseħħ.  Mhuwiex fil-livell li bnedmin li jagħrfu parti sew mill-fatti kapaċi jifhmu li għandhom jibdlu.
 
Din hija l-isfida
 
4.      Anke jekk mhux għall-iskopijiet politiċi, li huwa leġittimu li għandu jkollna, xorta jrid isir l-eżerċizzju għas-sewwa li għandha tirrenja f’dawn il-gżejjer.  Dak l-eżerċizzju li permezz tiegħu nkomplu niddiskutu s-suġġett.  L-eżerċizzju li nwasslu sal-irkejjen kollha tal-pajjiż dak li seħħ.  L-eżerċizzju li niftħu dibattiti interni u esterni fi proċess ta’ djalogu.  Fi proċess li fih tinbena maġġoranza politika ġdida.  Proċess li fil-kalma, fl-attenzjoni, jifhem u jfiehem.  Proċess li bih nibdlu l-metodu li bih qed naħdmu.  Iktar u iktar meta moħħna biex nirrepetu dak li qabel ma ħadimx u issa ma tantx ser ikollu s-suċċess li qed naħsbu, jew li qed nippretendu minnu.
 
Perċezzjonijiet
 
5.      F’dan hemm, iktar perikoluż għalina, il-perċezzjoni esterna mqabbda tajjeb ħafna mill-Gvern preżenti, li aħna partit magħmul minn bnedmin aggressivi jew estremisti.  Għandu interess li dan isir sabiex jibqa’ jkollu miegħu lil dawk li jridu l-paċi u l-moderazzjoni, mentri fil-fatt, dawn għandhom ikunu magħna.  B’dak li seħħ irridu nifhmu li jieħu ż-żmien biex il-bnedmin jagħtu widen għal kliemna.  Iktar u iktar jekk nibqgħu ngħollu leħinna fix-xejn, għax hemm iktar ma jsegwuniex.  Iktar u iktar meta qed inħallu barra l-pożizzjoni ta’ dawk il-votanti li baqgħu jiddikjaraw, survey wara survey, li ma jridux jixħtu l-vot tagħhom.  Kont inħossni aħjar kieku rajt din il-figura tonqos, imma minflok qed narawha tiżdied, anke wara dak li seħħ.  Jekk, wara dan kollu li għamilna f’dik li hi ħidma politika f’dawn il-ġimgħat ma ħadimx ma’ dan il-grupp, hemm bżonn bidliet.  Hemm bżonn iktar umiltà u iktar direzzjoni, mhux fir-retorika tal-arja, imma fil-kelma u l-użu tar-raġuni miktuba.
 
Il-periklu
 
6.      Naħseb li ‘opportunità’ politika ikbar, jew aqwa, minn din mhuwiex ser ikollna tul din il-leġislatura, biex naffermaw il-valuri t-tajba.  Jekk naħsbu li ser jibqgħu joħorġu skandli iktar gravi minn dan, naħseb li nkunu qed niżbaljaw.  Il-periklu huwa proprju f’dawk li qed jaħsbu u jħossu li diġà għadda kollox, u ejja nistennew dak li ġej.  Iktar u iktar għax, hekk jew b’hekk, daqt jiġu l-festi tal-Għid il-Kbir u allura jintesa, naturalment, kollox.  Il-periklu nazzjonali huwa proprju aktar dan: li dak kollu li sar ħażin jgħaddi mingħajr m’huwa ser jiġri xejn.  Is-soċjetajiet kummerċjali ħarbu.  M’aħniex ser inkunu nistgħu nieħdu lura dak li ħadu.  Terġa’, dawk li rċevew mingħandhom u daħħlu fi bwiethom, ħadd m’huwa ser ikun jaf min huma.
 
Pajjiżna
 
7.      Għax f’dan kollu, pajjiżna jixraqlu aħjar milli kellu u għandu. Jixraqlu li fit-trasparenza tingħadlu l-verità mill-Gvern stess.  Jixraqlu li jkollu bnedmin li qegħdin hemm biex iħabirku fl-interess nazzjonali, u mhux mod ieħor.  Jixraqlu li ma jibqax jara dawn l-iskandli politiċi.  Jixraqlu li jara politika nadifa u onesta.  Jixraqlu li jkollu politiċi li m’għandhomx l-inkwiet li jridu joqogħdu jnaddfu dak li ta’ qabilhom wettqu ħażin, u li jiddedikaw l-isforzi tagħhom lejn il-futur.  Jixraqlu li jkollu lil min jipprepara verament alternattiva għal dak li qiegħed iseħħ.  Alternattiva fil-valuri u fil-viżjoni ġdida li hemm bżonn li sseħħ.
 
Direzzjonijiet
 
8.      Hemm bżonn direzzjoni politika differenti.  Hemm bżonn li l-politika titħaddem lura fis-sewwa li kapaċi tagħti.  Hemm bżonn iktar dibattitu nazzjonali veru, bażat fuq il-fatti, ir-raġuni, u mhux sejħiet żbaljati fit-toroq tal-pika.  Hemm bżonn politika bażata fuq linji u ideoloġiji ċari, u mhux fuq dawk li fihom ħadd ma jaf x’ġej jew fejn sejjer.  Illum, qegħdin fejn qegħdin, propju għax inqabdet dik it-triq.  Abbandun ta’ dak li hu partit sabiex ikun kollox barra minn dak li huwa.  Minħabba f’hekk li rajna li ħafna telgħu fuq il-karru mhux biex iwettqu l-ġid kif riedu oħrajn qabel, imma għall-interessi personali tagħhom.  Qegħdin fejn qegħdin għax ġew abbandunati l-valuri tal-politika t-tajba.
 
Bil-ħsieb
 
9.      L-isfida hija issa iktar fil-ħsieb.  Fil-bżonn li nifhmu dak li għaddej fis-soċjetà u nkunu ppreparati.  Ideat ġodda, mhux metodi antikwati.  Il-bnedmin jibdlu l-opinjoni tagħhom fuq ir-raġuni, u mhux fuq ix-xejn.  Il-bnedmin, iktar u iktar f’dan il-pajjiż, huma mxennqin għall-politika s-siewja.  Jitolbu iktar politika fid-direzzjoni t-tajba.  Kif jaraw dan iseħħ, ser ikun hemm bidliet ikbar milli rajna.  F’dan, nibqa’ nittama kontra kull tama.  Nibqa’ nimpenja ruħi fit-tama li dan kollu jista’ jseħħ.  Nibqa’ nikteb biex nibdel il-ħsieb tal-bniedem lejn is-sewwa.  F’dan, jekk jibqa’ jsir kif għandu forsi naslu, imma ċertament għad fadlilna ferm iktar ħidma milli naħsbu.

No comments:

IL-MEDJAZZJONI F'PAJJIŻNA

1. Huwa dejjem tajjeb li dawk li jispiċċaw, jew jafu li ser jispiċċaw f’kawża, ikollhom mod ta’ kif jaslu fi ftehim qabel. Fis-sistema...