5.8.25

KATINA TA' GARANZIJI

1. F’din il-ġimgħa, dawk li jirrispettaw il-lezzjonijiet tal-istorja, jafu. Anzi aħjar, jiftakru li tmenin sena ilu żewġt’ibliet mimlija bnedmin tħassru minn fuq wiċċ l-art. Hiroshima l-ewwel, fis-6 t’Awissu 1945, u ftit jiem wara Nagasaki, fid-9 t’Awissu, inxeħtu fuqhom bombi nukleari. Dan qatt ma kien seħħ qabel u l-effett kien wieħed devastanti aktar milli setgħu jbassru. Mietu diversi fil-jiem ta’ meta ntefgħu l-bombi u diversi oħra fis-snin ta’ wara, kawża tal-feriti li sofrew. Hemm kotba sħaħ li ddeskrivew dak li sar, kif u għala, u wara tant snin jibqa’ dejjem id-dibattitu dwar jekk dan kienx ġustifikat jew le. Jekk kienx hemm alternattiva li biha l-Ġappun seta’ fehem u ċeda. Il-fatti jibqgħu li dan ma ġarax.

Kommemorazzjoni

2. Kull gwerra għandha l-istorja tagħha. Minn kull waħda, il-bniedem ma marx ’il quddiem, kif uħud ipprospettaw. Dan fil-ħsieb li biex tibni l-ġdid trid teqred kull ma kien hemm qabel. Anzi, għal dawk li żbaljatament isostnu l-kontra, li jekk triq tibni trid teqred. Il-politiċi li ħadu dik id-deċiżjoni, flimkien mad-diversi persuni fil-forzi armati alleati u Ġappuniżi, illum m’għadhomx magħna. Nafu biss mid-dokumentazzjoni li sa issa hija pubblika x’wassal u x’kunsiderazzjonijiet ittieħdu. Għala, u x’biżgħat quddiem poplu daqshekk b’saħħtu u determinat bħal ma kien u huwa dak Ġappuniż. Nafu li l-fatti jitkellmu waħedhom. L-użu ta’ bombi nukleari jfarrku d-dinjiet u jeliminaw b’effetti li bihom tmiem id-dinja ma jkunx wisq ’il bgħid.

Infakkru

3. Diversi politiċi, akkademiċi, bnedmin varji, tul dawn is-snin ħadu ħsieb jieqfu u jfakkru. Biex fl-istess ħin isir dejjem iktar l-appell sabiex il-bniedem jiftakar kemm il-gwerra hija strument inutili. Ftit ’il bgħid minn fejn ngħix jien hemm ċimiterju, ’l hekk imsejjaħ ‘Kalkara Naval Cemetery’, li huwa kkurat u ffrekwentat. Fih hemm midfuna bnedmin li kienu ġejjin minn stati varji, inklużi dawk Ġappuniżi. Waqt li timxi minn bejn l-oqbra tagħraf kemm persuni tilfu ħajjithom. Tmiss ma’ dawk li ta’ età bikrija ġew nieqsa, u mingħajr ma trid jaqa’ fuqek id-dell ta’ dieqa kbira. Tilfu ħajjithom fl-aħjar tagħhom. Passi li tulhom niftakar f’kitbet Giulio Andreotti, meta qal: “Ai politici, rispetto ai loro predecessori, si addice – e non dovrebbe mai dimenticarlo – quel saggio richiamo che si legge nelle tombe comuni di tanti cimiteri: ‘Quel che voi siete noi fummo, quel che voi sarete noi siamo.’” (Lill-politiċi, fil-konfront ta’ dawk li ġew qabilhom għandu jingħadilhom – u ma għandu qatt jintesa – dak l-għerf li jfakkarna miktub fuq l-oqbra ta’ tant ċimiterji: ‘Dak li intom illum konna aħna, dak li se ssiru, aħna diġà.’)

Mument partikolari

4. Dan aktar f’dan il-perjodu fl-eżistenza tagħna meta għaddejjin gwerer kiefra. Dawk li qed iħallu diversi mejta, fi proċess li m’għandux xi forma ta’ ġustifikazzjoni. Li telimina bnedmin oħra huwa inaċċettabbli, iktar u iktar meta l-partijiet jistgħu jersqu madwar mejda u jsolvu. Meta huwa possibbli li flok tibqa’ għaddej bl-operazzjonijiet militari, li jitolbu aktar minnhom infushom stess, li wieħed jieqaf. F’dawn il-jiem spiċċajt il-ktieb ta’ Norberto Bobbio (1904-2004) bit-titlu De Senectute (1996). Filosfu, ġurista, akkademiku, politiku li kiteb u għallem fis-snin. Bniedem li kitbietu fihom x’taħseb u tirrifletti, u li ġejt influwenzat nirrispetta. Avolja nammetti li mpressjonajt ruħi aktar tul il-ktieb bil-pessimiżmu li kellu, fejn it-tama għalih ma tidħolx. Minkejja dan, wieħed irid jagħraf li ħajtu kienet iddedikata lejn tlett passi: it-tisħiħ tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-paċi. Dan fl-għarfien sħiħ rikonoxxut tiegħu li waħda timxi mal-oħra. Katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana.

Dak li ninsabu

5. Illum, messaġġ ta’ ħsieb u djalogu huwa neċessarju. Iktar u iktar quddiem il-fatt li t-tentazzjonijiet umani li jużaw arma nukleari sabiex, skont huma, jsolvu kunflitt jew jeliminaw avversarju, hemm jibqgħu. Iktar u iktar meta dawn ikunu ilhom għaddejjin jieklu lil xulxin u l-abbiltà li jiffurmaw opinjoni ċara tintilef. Is-sitwazzjoni diġà hija eskalata sew. Biss, kif naraw, jibqa’ jonqos livelli oħra ogħla. Dawk li għandhom ir-responsabbiltà politika fid-dinja tal-lum u li ġew eletti, b’xi mod, miċ-ċittadini tagħhom iridu jagħrfu iktar dak li seħħ tmenin sena ilu. Jagħrfu li aħjar pass lura. Aħjar forsi wkoll bil-preżenza tagħhom f’Hiroshima u Nagasaki, fejn jagħrfu l-inġustizzja li qed iwettqu llum u dak li jistgħu jwettqu aktar għada pitgħada. Dik li anki l-ideat differenti ta’ Bobbio jsejħu għalih.

Introduzzjoni

6. Il-ktieb jiftaħ b’kitbiet ġurista ieħor daqstant magħruf: Gustavo Zagrebelsky (1943). F’mument jikteb hekk, huwa u jirrifletti fuq il-mewt: “Lo scandalo non è la morte, ma la morte prima del tempo, quella che chiamiamo prematura e contro natura; la morte che tronca, non quella che conclude; lo scandalo massimo è quando essa deve ascriversi all’opera o alla negligenza di esseri umani rispetto ad altri umani, deboli, poveri, sfruttati, derelitti; quando la morte da simbolo di fratellanza diventa simbolo di ingiustizia.” (L-iskandlu mhuwiex il-mewt infisha, imma l-mewt qabel żmienha, dik li nsejħu ‘prematura’ u kontra n-natura nfisha; il-mewt li taħsad, mhux dik li tikkonkludi; l-ikbar skandlu hu meta din isseħħ minħabba l-ħidma jew in-negliġenza ta’ bnedmin fil-konfront ta’ bnedmin oħra, dgħajfa, fqar, sfruttati, abbandunati; meta l-mewt, minn simbolu ta’ fratellanza ssir simbolu ta’ inġustizzja.) Tal-arroganza ta’ dawk li fil-poter tagħhom jiddikjaraw: “... tu non hai diritto di vivere ma, per qualche ragione che interessa me, devi morire.” (... m’għandekx dritt li tgħix, imma għal xi raġuni li tinteressa lili, inti għandek tmut.)

M’aħniex kapaċi?

7. Kliem u kuntest rilevanti ħafna llum. Id-dinja trid titkellem aktar u trid teżerċita aktar pressjoni politika bl-użu ta’ mezzi leġittimi sabiex tinqabad it-triq tal-paċi. Iktar u iktar fil-kuntest ċar ta’ ħidmet Papa Ljun XIV, li tul l-aħħar jiem rajnih u smajnih. Ġabar miljun żagħżugħ u żagħżugħa u l-messaġġ dirett kien favur il-paċi li għandna t-tama sħiħa li tista’ sseħħ. Meta wieħed jitlef triqtu lejn direzzjonijiet il-pessimiżmu, ikun ferm iktar diffiċli biex jibqa’ jinsisti li l-paċi hija possibbli. Huwa faċli li tneħħi minn fuq il-kuxjenza ta’ dawn il-bnedmin dan l-obbligu uman. Huwa faċli li tippermetti politika mingħajr morali, ’il-bgħid minn dik tal-kultura, fil-pessimiżmu li ma jsirux l-isforzi umani sabiex insalvaw dak li għandna.

Demokrazija

8. Għalkemm naċċetta u nibqa’ mpressjonat b’kemm bniedem bħal Bobbio, li kiteb tant favur il-paċi, kien tant nieqes mit-tama. Imma nifhem aktar dik il-pożizzjoni proprju fil-fatt li t-tama hija valur veru u proprju għax hija Nisranija. Imma xorta f’dan kollu nifhem aktar l-imħabba tiegħu għad-demokrazija. Huwa jgħid: “Io sono un democratico convinto, tanto da continuare a diferendere la democrazia, anche quando è inefficiente, corrotta, e rischia di precipitare nei due estremi della guerra di tutti contro tutti o dell’ordine imposto dall’alto.” (Jien demokratiku konvint, tant li nkompli niddefendi d-demokrazija, anki jekk hija ineffiċjenti, korrotta, u tirriskja li tinżel bejn żewġ estremi tal-gwerra ta’ kulħadd kontra kulħadd jew tal-ordni imposta minn fuq.) Il-gwerra li għaddejja, jekk ma tieqafx, lejn dan qed tipprova twassal. Tkun id-distruzzjoni umana u tad-demokrazija fil-katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana. Proprju għalhekk li għandna niftakru f’dak li seħħ fil-Ġappun tmenin sena ilu u nieħdu lezzjoni.

MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI - DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA

29783. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

10/07/2025

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s’issa l-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat matul it-tieni nofs tas-sena 2025 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  372

30/07/2025

MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI - DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA

29782. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

10/07/2025

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fit-tieni sitt xhur tal-2025.

 

 Seduta  372

30/07/2025

 

MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR - DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA

29781. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

10/07/2025

 

ONOR. CLINT CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar m’għandu l-ebda direttivi tal-Unjoni Ewropea, li ġew jew mistennija, jiġu trasposti matul it-tieni nofs tal-2025. Għaldaqstant, il-Ministeru ma għandu l-ebda direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  372

30/07/2025

MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT - DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA

29780. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat: Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tagħha matul it-tieni nofs tal-2025? Tista’ tgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

10/07/2025

 

ONOR. JULIA FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat m’għandu l-ebda direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni matul it-tieni nofs tas-sena 2025 u għalhekk m’għandu l-ebda direttiva li għadha pendenti.

 

Seduta  372

30/07/2025

MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL - DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA

29779. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

10/07/2025

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25719.

 

Seduta  372

30/07/2025

MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU - DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA

29778. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

10/07/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu  m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fit-tieni nofs tas-sena 2025.

 

Seduta  372

30/07/2025

MINISTERU GĦALL-FINANZI - L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

29771. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

 

10/07/2025

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt:

 

DATA TAS-SAFRA

LAQGĦA

19-21 Jannar 2025

ECOFIN/EUROGROUP

16-18 Frar 2025

ECOFIN/EUROGROUP

9-11 Marzu 2025

ECOFIN/EUROGROUP

10-12 April 2025

Informal ECOFIN/EUROGROUP

11-13 Mejju 2025

ECOFIN/EUROGROUP

18-20 Ġunju 2025

ECOFIN/EUROGROUP

07-08 Lulju 2025

ECOFIN/EUROGROUP

19-20 Settembru 2025

Informal ECOFIN/EUROGROUP

9-10 Ottubru 2025

ECOFIN/EUROGROUP

12-13 Novembru 2025

ECOFIN/EUROGROUP

11-12 Diċembru 2025

ECOFIN/EUROGROUP

 

Seduta  370

28/07/2025

MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI - L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

29770. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

 

10/07/2025

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25710.

 

 Seduta  370

28/07/2025

MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI - L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

29769. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

 

10/07/2025

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt għal-laqgħa informali tal-EYCS fil-Polonja. Niġi mistieden ukoll f’diversi laqgħat f’fora tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Kunsill tal-Ewropa, madankollu l-attendenza tiegħi tiddependi minn xogħol Ministerjali.

 

Seduta  370

28/07/2025


MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR - L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

29768. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

 

10/07/2025

 

ONOR. CLINT CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel nofs tas-sena 2025, attendejt l-Assemblea Ġenerali tal-Kummissjoni tal- Gżejjer tas-CPMR fil- Gżejjer Kanarji, Spanja, bejn it-23 u 24 t’April. Attendejt wkoll għal laqgħa informali tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-Politika ta’ Koeżjoni, Territorju u l-iżvilupp Urban li inżammet f’Warsaw, il-Polonja, bejn l-20 u 21 ta’ Mejju. Fit-tieni nofs tas-sena 2025, aktarx ser nattendi wkoll għal laqgħa fil-Belġju bl-isem ‘EU Regions Week’, inkluża l-konferenza ‘Cohesion objectives beyond cohesion policy’ li ser tinżamm f’Ottubru. Ser ikun hemm ukoll l-Assemblea Ġenerali tas-CPMR li ser tinżamm f’Barċellona f’Novembru li possibbli nattendi, però għadni ma kkonfermajthiex. M'iniex infurmat s’issa li se jkun hemm aktar laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea sa Diċembru, però tifhem li jista’ jkun li niġu mistiedna għal xi laqgħat aktar 'il quddiem skont iċ-ċirkustanzi.

 

Seduta  370

28/07/2025

MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT - L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

29767. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat: Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Tista’ tgħid ukoll liema laqgħat hija mistennija li tattendi fit-tieni nofs tal-2025?

 

10/07/2025

 

ONOR. JULIA FARRUGIA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel nofs tas-sena 2025 attendejt għas-Summit Dinji tad-Diżabilità f’Berlin, organizzat mill-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Ġordan flimkien mal-International Disability Alliance.

Ninfurmah ukoll li matul il-ħames xhur li ġejjin tas-sena 2025, mhux mistenni li jkolli attendenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew il-Kunsill tal-Ewropa.

 

Seduta  370

28/07/2025

MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL - L-UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

29766. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

 

10/07/2025

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija kif qed ikun elenkat hawn taħt;

 

10 ta’ Marzu Epsco.

 

13 ta’ April Epsco.

 

19 ta’ Ġunju Epsco.

 

9 ta’ Lulju Kunsill tal-Ewropa.

 

Seduta  370

28/07/2025

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-ĠAPPUN - RAPPORT TA’ ĦIDMA

27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Ġappun?

 

02/05/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena li għaddiet, l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun kompliet tagħti spinta lill-interessi politiċi, ekonomiċi u kulturali ta’ Malta f’dan il-pajjiż. Fir-raba’ sena mit-twaqqif tagħha, l-Ambaxxata kompliet isservi bħala pont ewlieni għall-kooperazzjoni bilaterali f’diversi oqsma fosthom il-kummerċ, it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-wirt kulturali.

 

Il-kisbiet ewlenin jinkludu:

 

Preparazzjonijiet għall-EXPO 2025 f’Osaka: L-Ambaxxata kkoordinat il-proċess ta’ kostruzzjoni tal-ewwel paviljun nazzjonali ta’ Malta fi spazju dedikat, kif ukoll kisbet sħubijiet strateġiċi għall-parteċipazzjoni ta’ Malta.

 

Diplomazija Ekonomika: L-Ambaxxata ffaċilitat diversi laqgħat ta’ livell għoli ma’ entitajiet Ġappuniżi, inkluż missjoni kummerċjali mmexxija minn Trade Malta. L-irwol tal-Ambaxxata kien instrumentali fl-organizzazzjoni u loġistika hekk kif ġew organizzati żewġ avvenimenti f’Tokjo u Osaka rispettivament. Is-setturi kkonċernati  huma dawk ta’ innovazzjoni diġitali, edukazzjoni u wirt kulturali. L-Ambaxxata baqgħet f’kuntatt mal-entitajiet u kumpaniji kkonċernati biex dak li inkiseb fiż-żjara jkompli jiġi żviluppat.

 

Skambji Akkademiċi: L-Ambaxxata, bl-appoġġ tal-Konslu Onorarju ta’ Malta f’Osaka, kkoordinat u qarrbet l-Università ta’ Malta u l-MCAST mal-Università ta’ Kindai f’Osaka. F’Novembru 2024, waqt ż-żjara ta’ dawn l-istituzzjonijiet akkademiċi fil-Ġappun, Memorandum ta’ Ftehim (MoU) ġie iffirmat.  Fl-2024 ġie ffirmat ukoll ftehim importanti bejn l-Università f’Kobe u l-ITS. Dan kien possibbli grazzi għaż-żjarat kontinwi tal-ITS lejn il-Ġappun tul dawn l-aħħar snin, dejjem assistiti mill-Ambaxxata.

 

Wirt Kulturali: L-Ambaxxata kompliet tassisti lil Heritage Malta fil-Ġappun bil-proċess ta’ restawr ta’ tlett armaturi tas-samuraj li kienu instabu Malta u li twasslu l-Ġappun bl-għajnuna tal-Ambaxxatur u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Grazzi għal kuntatti li għamlet l-Ambaxxata, ġie identifikat workshop fil-belt ta’ Kyoto li aċċetta li jirrestawra l-armaturi.

 

Impenn Politiku: Fl-2024 kien hemm attendenza u parteċipazzjoni tal-Ambaxxatur u d-Deputat tiegħu f’avvenimenti importanti organizzati mill-Familja Imperjali Ġappuniża, Gvern Ġappuniż u Ambaxxati oħrajn akkreditati fil-Ġappun. Seħħet ukoll laqgħa bejn l-Ambaxxata u l-Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija bejn Malta u l-Ġappun magħmul minn parlamentari Ġappuniżi. 

 

Ix-xogħol tal-Ambaxxata matul l-2024 ikkontribwixxa biex tiżdied il-viżibilità ta’ Malta, biex jiżdiedu u jissaħħu l-kuntatti, u biex jitkomplu proġetti bilaterali u nazzjonali.

 

Seduta  339

07/05/2025

WIED IL-GĦAJN - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

27920. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn li l-proposta imsemmijja se tiġi diskussa fis-seduta tal-kunsill li jmiss. Se tiġi diskussa ukoll il-possibilità ta’ numerazzjoni mal-kuntrattur tal-ġonna  tal-lokalità. Bħalissa m’hemmx arranġamenti biex iż-żebbuġ jinġabar.

 

Seduta  339

07/05/2025

MARSAXLOKK - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

27919. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qiegħed bħalissa fi stadju li jibda jinnumera s-siġar taż-żebbuġ tal-lokalità. Parti miż-żebbuġ jinġabar minn xi għaqdiet volontarji tal-lokalità bi ftehim mal-Kunsill.

Seduta  339

07/05/2025

CONSUL-ON-THE-MOVE - SERVIZZI

27918. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’servizzi ngħataw u utilizzaw relatati mal-Consul-on-the-Move matul is-sena li għaddiet u f’liema pajjiżi sar dan?

 

02/05/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2024 seħħew ħdax (11) -il żjara tal- Consul-on-the-Move. Is-servizzi li ngħataw waqt dawn iż-żjarat kienu dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ applikazzjonijiet għall-passaporti jew tiġdid tagħhom, applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza, reġistrazzjoni ta’ avvenimenti tal-ħajja bħal twelid, żwieġ, u mwiet u servizzi konsulari oħra bħal prokuri u xhieda tal-ġuramenti. Dawn iż-żjariet saru ġewwa l-Awstralja, New Zealand, l-Istati Uniti, l-Kanada u r-Renju Unit.

Seduta  339

07/05/2025

CONSUL-ON-THE-MOVE - XIRI TA’ APPARAT AKTAR MODERN

27917. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk huwiex previst li matul din is-sena jkun hemm xiri ta’ apparat aktar modern relatat mas-servizz tal-Consul-on-the-Move?

 

02/05/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu xtara sitt tablets bijometriċi biex jintużaw waqt il-programm Consul on the Move. Dan l-apparat inxtara relattivament riċentement, u bħalissa hemm biżżejjed tablets biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin li jwettqu dan ix-xogħol. Barra minn hekk, il-Ministeru jżomm kuntatt kontinwu mal-kumpanija li tipprovdi dan is-servizz sabiex jiġi żgurat li l-apparat jibqa’ aġġornat skont il-ħtiġijiet tal-programm. Għaldaqstant, bħalissa m’hemmx il-ħtieġa li jinxtara apparat ġdid.

 

Seduta  339

07/05/2025

ARMATURI ĠAPPUNIŻI - RESTAWR

27916. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti tekniċi relatati mar-restawr li sar reċentement tal-armaturi Ġappuniżi? Jista’ ukoll jagħti spjegazzjoni dwar kif waslu f’pajjiżna u min kien għamel tali donazzjoni?

 

02/05/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-armaturi tas-Samuraj kienu ngħataw bħala rigal lil Malta minn delegazzjoni Ġappuniża li żaret pajjiżna u li kienet tinkludi lill-ħassieb famuż Yukichi Fukuzawa – Samuraj, edukatur, filosfu, u figura prominenti fil-modernizzazzjoni tal-Ġappun. Kien ukoll il-fundatur tal-Università Keio f’Tokjo u sa ftit ilu kien jidher fuq il-karta tal-10,000 yen Ġappuniż. Id-delegazzjoni kienet parti mill-Missjoni Bunkyu, li kellha l-għan li tinnegozja trattati ġodda u ħadet sehem f’laqgħat diplomatiċi madwar l-Ewropa kollha. Waqfa f’Malta kienet ħaġa naturali minħabba l-qagħda strateġika ta’ pajjiżna, u minn hawn id-delegazzjoni baqgħet sejra Franza. Din kienet l-ewwel żjara rekordjata ta’ nies Ġappuniżi f’Malta.

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tar-Stqarrija għall-Istampa li nħarġet mill-Aġenzija f’dawn l-aħħar jiem bid-dettalji kollha.

Fir-rigward tar-rapporti tekniċi relatati mar-restawr, dawn għadhom mhux finalizzati peress li x-xogħol fuq tnejn mill-armaturi għadu għaddej. Ladarba r-restawr jitlesta u d-dokumentazzjoni tkun kompluta, kopji tar-rapporti jkunu jistgħu jiġu ppreżentati kif meħtieġ.

Seduta  339

07/05/2025

FIĊ-ĊIRKOSTANZI

1. Il-mument politiku attwali jitlob attenzjoni. Mhux biss f’dak li huwa għaddej, imma l-aktar f’dak li qed jiżviluppa quddiemna. Nistgħu naraw dan kollu u nistgħu le, imma r-realtà hija li hemm passi politiċi li qegħdin isiru. Huwa minnu li ninsabu fil-proċess twil u kkumplikat biex jiġi elett Kap tal-Partit, imma rridu niftakru li ħaddieħor mhuwiex qiegħed b’idejh fuq żaqqu. Qiegħed jimxi b’passi politiċi; jipprepara għall-appuntament politiku li ġej. Dak li qiegħed jagħmel mhux ser ikun neċessarjament effettiv, imma xorta ser ikollu effett fuq l-elettorat. Dan xorta jitlob tweġiba minn min qiegħed jikkandida ruħu. Il-pożizzjoni trid tiġi ekwilibrata għal dak li sejrin lejh.

Realpolitik

2. M’aħniex f’sitwazzjoni fejn id-dinja waqfet iddur tistenniena. Wisq inqas li mhu qed jiġri xejn. Il-ħajja tal-Gvern għadha għaddejja anki waqt li ż-żewġ kandidati qed jiltaqgħu man-nies u jwieġbu għad-domandi fl-intervisti twal li qed isirulhom. Meta, finalment nagħżlu, min jiġi hekk maħtur jiftaħ il-bieb biex isib jistennih Prim Ministru li anki jekk ma naqblux miegħu, xorta rridu nirrikonoxxi li ġabar esperjenza politika. Kwalità li ser tidħol fil-kalatura, irridu jew ma rridux, u din triq li trid tweġiba serja u kredibbli għalina. Nittama li ħadd ma jkompli, b’xi mod, jilludi ruħu. Il-politika hija fil-preżent u mhux fil-passat jew fil-futur.

Passi

3. Dan iktar u iktar fl-għarfien li l-Gvern għandu żvantaġġi li qiegħed jipprova jikkumbatti. L-ewwel, ovvjament, iż-żmien li issa ilu fil-poter, u li dan jiekol u jnaqqas mill-ħeġġa u l-entużjażmu politiku salv dak li wieħed jibqa’ jżomm il-poter f’idejh. It-tieni: il-problemi ekonomiċi. Il-potenzjal sabiex wieħed iqassam naqas proprju għax id-dħul li qabel kien jiggarantixxi, dan issa spiċċa. It-tielet: hemm żieda konsiderevoli fid-defiċit li qed iġġibna iktar diffiċli biex ikollna l-istess flessibilità. Ir-raba’: għax huwa ċar ħafna li l-popolarità tal-Gvern naqset sew u hemm tgergir u diskors marbut mal-arroganza ta’ min ikun fil-poter għal ċertu żmien – tlett leġislaturi. Ma’ dan iktar hemm il-fattur li min huwa fil-poter jifhem, forsi wkoll ikabbar iktar, id-difetti u l-iżvantaġġi tiegħu.

Ix-xenarju fil-bidla

4. Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru ftit ilu li jekk ikun hemm bidla fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa jikkunsidra li jmur għal elezzjoni ġenerali ma tistax tiġi njorata. Forsi qabel kien jaħseb li huwa komdu. Forsi wkoll jagħraf, kif qiegħed naturalment jiġri, li hemm entużjażmu ġdid fi ħdan l-Oppożizzjoni. Forsi f’dan iktar l-għarfien li bidla hija bidla u li l-poplu, fil-maġġoranza tiegħu, b’attenzjoni u b’kalkolu jridha. Jingħad x’jingħad, huwa ta’ ġid għad-demokrazija tagħna li jkun hemm bidla politika wara tlett leġislaturi mmexxija mill-Partit Laburista. Iktar u iktar meta, kull darba, l-elezzjoni kienet impustata bi propaganda effettiva, f’forma ta’ reazzjoni kontra l-Oppożizzjoni.

Nagħrfu l-pożizzjoni

5. F’dan proprju aktar għandna nagħrfu s-sitwazzjoni tagħna. Iċ-ċirkostanzi huma li huma. Jista’ xi ħadd jippretendi li jkun hemm bżonn ta’ xi rinkarnazzjonijiet passati. Jiġu lura mill-mistrieħ ta’ dejjem dawk li qabel kellna magħna, li llum narawhom perfetti. Inkella li jibni lista ta’ kwalitajiet li jippretendi mill-kandidati. Inġustament jimponi fuqhom aktar milli, fil-mument, jistgħu juru li huma kapaċi jwettqu. M’aħniex fi stat ta’ perfezzjoni, imma ngħixu fost l-umani. Nifhmu aktar, u jifhmu aktar huma wkoll, li l-unità interna hija fil-massimu tal-kunsiderazzjonijiet, huma x’inhuma t-talenti tagħhom. Piż u responsabbiltà xejn faċli għalihom, huma li għaddejjin f’din il-kampanja fis-sħana tas-sajf u fil-festi li qed jiġu ċċelebrati f’kull rokna ta’ pajjiżna.

Kull persuna

6. F’dan il-Partit, kull persuna hija importanti. Ma nistgħux nippermettu mentalità ta’ parti kontra oħra. Irridu proċess lura biex il-biċċiet isibu posthom, skomdi kemm jistgħu jkunu. Wieħed li jibni lura f’daqqa, kienu x’kienu d-deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu fil-passat. Dan fih ħafna xogħol, u trid l-esperjenza biex twettqu. Imma huwa neċessarju li jsir proprju issa, waqt li għaddejja l-kampanja. Ma nistgħux naħsbu li nistgħu niġġieldu llum biex ningħaqdu għada. Meta joħroġ id-demm ma ġġibux lura, jekk mhux wara ħafna snin. It-tolleranza tal-kwalitajiet u tal-istorja politika tagħhom hija determinanti f’dan. Iktar u iktar waqt li għandna nagħrfu li ninsabu f’okkażjoni ġdida u f’opportunità differenti.

Take the Chance

7. Fi żmien ilu, dawn il-kliem kienu fuq fomm ħafna. Kienu jitkantaw fit-toroq. F’ċertu sens, ninsabu lura f’dik il-pożizzjoni. Hija waħda delikata u li titlob attenzjoni. Hemm bilanċ li wieħed irid jara li jżomm fi kliemu u f’ħidmietu. Iktar u iktar fl-għarfien ċar li, minn issa ’l quddiem, kliem mhux f’postu u deċiżjonijiet politiċi żbaljati ser ikollhom piż iktar mis-soltu. Aħjar wieħed ma jgħid xejn u jistenna l-mument preċiż milli jisparla. Ħadd, nittama li nifhmu, ma huwa ser ikun ġentili jew jagħlaq għajn, jew jgħid: nibda wara li jgħaddu mitt ġurnata. Hemm elettorat li huwa xettiku u jrid ħafna attenzjoni, għalkemm mhijiex impossibbli li din tingħata, biex jiġi persważ. Jekk ma jarax bidliet veri u li jirrispettaw dan kollu issa ser jibqa’ komdu fejn huwa, jistenna x’ser jiġri għal wara l-elezzjoni.

Possibbli

8. Nemmen li bidla tista’ sseħħ anki jekk il-Gvern qiegħed jimla’ l-pajjiż b’kartelluni li jfakkruna fuq kemm huwa stess qed jiddikjara li ħadem. Nemmen li m’għandna ebda raġuni għala naqtgħu qalbna jew naħsbu li hija triq iktar iebsa milli naraw. Ejja napprezzaw li ċ-ċirkostanzi huma tali u partikolari. Il-pajjiż qed jitlob mingħandna li nieħdu sehem f’dan il-proċess sabiex ikun hemm tmexxija differenti u aħjar minn dik preżenti. F’dan nistgħu aktar jekk nifhmu dak kollu li hemm fil-kalatura u r-riskji li rridu ngħaddu minnhom. Min ser imexxi lil dan il-pajjiż fil-futur ser ikollu fuqu responsabbiltà xejn faċli għax id-deċiżjonijiet huma ta’ portata. Xorta, fiċ-ċirkostanzi partikolari wieħed jista’ jimxi, b’kawtela u kalkolu politiku, ’il quddiem.

Fil-mument

9. Kif inhuwa ċar, il-mument mhuwiex faċli għall-Partit Nazzjonalista. Wieħed jista’ jargumenta inutilment li ċerti deċiżjonijiet messhom ittieħdu qabel. Wieħed jista’ jiddikjara ħafna fuq dan, imma l-pożizzjoni llum hija evidenti u xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni. L-ispazju politiku ta’ manuvrar mhuwiex dak li kellhom mexxejja oħra li telqu wara elezzjoni ġenerali. Imma xorta dan diġà seħħ qabel u xorta bi preċiżjoni politika jista’ jsir. F’dan wieħed irid jikkunsidra li iktar ma l-għażla ssir malajr, iktar aħjar. Dan għax sejrin lejn appuntament politiku li fuqu l-Gvern, dejjem jekk irid iżomm ferm mal-kelma tiegħu, ikun irid jibni fuqu l-kampanja tiegħu. Il-Budget li ġej ser ikun magħna ferm iktar malajr wara s-sajf.

’Il quddiem

10. Il-politika hija xjenza wkoll. Titlob mingħandna għarfien tal-kurrenti u d-direzzjonijiet li għaddejja. Ninsabu għalhekk f’dawn iċ-ċirkostanzi sħaħ. Ninsabu f’dawn l-elementi kollha u m’għandniex nitilfu l-opportunità li naraw tibdil meritat għal pajjiżna. Hemm bżonn linja politika differenti li ġġib lura jaħdem dak li mhuwiex. Dik li tgħin sabiex ikollna iktar ugwaljanza. Dik li tkattar iktar ġid veru u mhux apparenti. Bini ta’ pedamenti ġodda u tisħiħ veru ta’ dak li għandna.

KATINA TA' GARANZIJI

1. F’din il-ġimgħa, dawk li jirrispettaw il-lezzjonijiet tal-istorja, jafu. Anzi aħjar, jiftakru li tmenin sena ilu żewġt’ibliet mimli...