15.11.23

META JAQGĦULHOM IL-PARAVENTI

1. Dak li ngħad tul il-ġimgħa li għaddiet ġie, u b’xi mod għadu, qed jiġi analizzat. Hemm min jaħseb u jħossu impressjonat b’argument jew ieħor. Hemm min jogħġbu d-diskors tal-Prim Ministru jew dak tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Hemm ukoll min esprima opinjoni kuntrarja jew għal wieħed jew għat-tnejn li huma. Forsi wkoll, fil-ħajja tallum mhux kulħadd huwa ippreparat ikompli jisma’ diskorsi fit-tul u jippreferi l-qosor, id-dirett u ċ-ċar b’inqas attakki inutli. Però, hu x’inhu, jibqa’ l-fatt li dawn saru u diversi f’dawn il-jiem ser isibu ruħhom lura fir-realtà. Fl-għarfien li l-fatti huma l-kontra tal-istampi varji li ngħadu. Ħafna drabi l-poplu qiegħed jara li l-politiċi mhumiex jifhmu dak li huma għaddejjin minnu u dawk li huma l-prijoritajiet veri tagħhom.

Il-morr tal-ħajja


2. Fil-verità, wara d-diskors tal-Budget għall-prospett ta’ dak li ġej, ħafna diġà jagħrfu li mhuwiex biżżejjed għall-bżonnijiet li ser jiffaċċjaw. Il-punt determinanti f’dan jibqa’ li hemm rata ta’ inflazzjoni li mhix ser tinżel daqshekk drastikament. Il-ħajja hija għolja u m’hemmx prospett li fl-aħħar tas-sena u fl-ewwel sitt xhur tas-sena li ġejja ser tibdel triqitha. Iktar u iktar meta d-diskors kien iktar konċentrat kemm issa kollox huwa tajjeb ħafna u kemm, fl-2012, ħdax-il sena ilu skorruti, kollox kien ħażin. Wieħed għandu jinkwieta meta jkollu jibqa’ jisma’ dak li suppost seħħ fil-passat u kif illum irridu nħarsu lejn l-istorja li naħa tattakka u oħra tiddefendiha. Il-poplu jista’ jisma’ dan, imma fil-verità l-iktar li jinteressah hu x’ser isir illum.

Iż-żidiet

3. Ħafna diġà qegħdin jifhmu li dak li ngħata bħala żieda fil-kategoriji varji, li qed niġu nfurmati bih f’ossessjoni li tipprova tikkonvinċina, ser itaffi u mhux isolvi. Il-pajjiż jagħraf li bil-gwerra li issa żdiedet fl-elenku bejn il-Ħamas u Iżrael, il-kumplikazzjonijiet ekonomiċi ser ċertament ikomplu jiżdiedu u mhux jonqsu. Jagħraf iktar li fil-fond ta’ dak li ngħad, strateġija ekonomika li toħroġna verament minn dan il-waqfien, ma ngħaditx. Waqfien, għax huwa ċar li għal dawn l-aħħar tlett appuntamenti, il-linja kienet kemm ser inkomplu nżidu u mhux kif nistgħu naħdmu aħjar b’linji ġodda u differenti. F’dan il-mument huwa ċar ħafna li m’hemmx ideat ġodda li jinsabu fl-elenku tal-Gvern. Mhux biss, imma agħar, hemm ir-rassenjazzjoni li m’aħniex ser navvanzaw ’il quddiem u ser nibqgħu weqfin. Il-pajjiż illum qiegħed f’mument passiv u fejn f’ħafna għadu jiddependi fuq id-deċiżjonijiet politiċi li ttieħdu snin twal ilu. Deċiżjonijiet ikkritikati u issa kollha aċċettati, tant li dan il-Gvern qiegħed idur lura għalihom. Jingħad x’jingħad, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kellu viżjoni li wettaq ħafna minnha.

Stennija


4. F’dan però nfetaħ xenarju kompletament ġdid, u f’ħafna, mistenni. Il-parti tal-elettorat li mhuwiex konvint minn dak li qiegħed jingħad miż-żewġ naħat tal-Kamra qiegħed jikber progressivament. Ħafna jridu jkunu jafu fejn verament sejrin u mhumiex ippreparati jaċċettaw dak li jingħad imma li mhux jipperswadihom. Semgħu wisq kliem fl-aqwa u fl-eċċellenzi varji li mhumiex lesti jidħku bihom infushom. Fil-gallarija partikolari tagħhom qed jaraw x’inhu għaddej, jistennew il-bidliet. Jistennew li jkun hemm linji politiċi differenti miż-żewġ naħat tal-Kamra. Fejn jistgħu jafdaw b’aktar f’dak li jħossu li huma piż u responsabbiltà għax-xhur u s-snin li ġejjin. Uħud qed jaraw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ġejja f’Ġunju 2024 bħala l-mument determinanti. Oħrajn le.

Dak li ġej

5. Fir-realtà hemm ċertu postponiment li dawk li mhumiex wisq konvinti qed jaraw. Dawk li jippretendu li dak li għandu jsir illum ma jdumx sa għada. Kemm dak li qed jaraw f’dan li ser jiġri hija ħaġ’oħra. Hemm diġà dawk li huma ċerti li xejn m’huwa ser jinbidel. Dawk li qed jesprimu l-opinjoni, xejn mimlija entużjażmu, li wara elezzjoni ġenerali oħra, tiġi meta tiġi, dan ser isir. Hemm xettiċiżmu li twieled, trabba u qed jissoda. Anzi, jekk wieħed jagħmel ħiltu biex jipperswadi l-kontra, xorta l-pożizzjoni tibqa’ dik li hija. Ċerti drabi, anzi agħar, fis-sens li tissoda iktar lil ħaddieħor fid-determinazzjoni li jgħid le. Dan għax waqt li jkun għaddej miegħek jarak f’għajnejh bħala ineffettiv fil-bżonn li jirnexxilek, ma’ oħrajn, iġġib il-bidliet li l-pajjiż għandu bżonn.

Diskorsi

6. Ħafna drabi ssibek f’dawk il-kliem li kont qrajt xi mkien: “His bluff had been called, and he was left in the position of the emperor without any clothes.” Is-sena li ġejja, il-pajjiż ser ikun aljenat bl-appuntament elettorali ta’ Ġunju u fih ser nisimgħu ħafna diskors. Dak tal-mexxejja u dak tal-kandidati separatament li max-xhur ser iħossu iktar il-libertà li jgħidu kif iħossuha huma, qisu mhumiex f’partit politiku, għax jaħsbu li ser jiġu eletti. Dan ser iservi ta’ paraventu komdu, u f’ħafna sens ser jixtri aktar żmien fil-Gvern fix-xhur li ser ikunu qed jgħaddu. Konvenjenza politika, imma mhux għall-poplu. Dan għax jaf li waqt id-duħħan u l-istorbju, ħtiġijietu mhux ser ikunu wisq fl-aġenda nazzjonali kif jixirqilhom li jkunu.

Il-punt jiġi wara

7. Waqt li l-Gvern ser jittama li l-miżuri li ħabbar illum jibqgħulu rilevanti għas-sitt xhur li ġejjin, u forsi fid-duħħan u fil-paraventi li qed naraw kontinwament jaf jirnexxilu, fuq in-naħa l-oħra hemm x’ser jiġri wara. Mhux biss, imma aktar f’dan iħares u jittama iktar li ma jkomplux jiżdiedu l-iskandli li kważi kellna kull xahar matul din is-sena. Jibqa’ jittama li d-dnubiet mortali u l-iżbalji kollha li saru fl-ewwel żewġ leġislaturi tiegħu ma jkomplux jiġru warajh. Xorta, f’dan kollu, hemm ir-realtajiet, il-fatti li ser ikomplu jiġu wara fuqu u jrid iwieġeb għalihom. L-ewwel: f’kemm il-poplu ser ikun f’pożizzjoni li jgħix ħajja deċenti li fiha almenu jlaħħaq. It-tieni: f’kemm il-poplu ser ikun konvint li għandu Gvern kapaċi jmexxih ’il quddiem. It-tielet: f’kemm huwa ser ikun kapaċi jifred lilu nnifsu mill-ewwel Gvernijiet Laburisti. F’dan, kif daqt naraw, ser isib ruħu fil-kliem li qrajt: “His bluff has been called, and he was left in the position of the emperor without any clothes.” U hemm, il-paraventi jaqgħu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...