15.11.23

TOROQ IL-GĦERF

1. Bdejna l-ġimgħa bi kliem il-Ktieb tal-Għerf li ngħadilna hekk: “L-Għerf jiddi, bla qatt ma jnemnem, malajr jagħrfuh dawk li jħobbuh, u jsibuh dawk li jfittxuh. Hu jħabrek biex jidher lil dawk li jixtiquh. Min ibakkar ifittxu, ma jitħabatx, għax ħdejn biebu bilqegħda jsibu. L-awqa tal-għaqal hu li taħseb fl-għerf, u min jishar għalih malajr jeħles mill-inkwiet. L-għerf idur u jfittex lil dawk li jxirqulu, kollu ħlewwa jidhrilhom fit-triq, u jiltaqa’ magħhom f’kull ħsieb tagħhom.” Kliem sbieħ u ta’ direzzjoni għal dawk li jridu jwettqu s-sewwa fis-soċjetà. Kliem li jqajmu għalina domandi f’kemm dan il-pajjiż qiegħed ifittex toroq l-għerf jew dan huwiex fl-inqas tal-prijoritajiet tiegħu.

Nistaqsu

2. F’dan għandna nistaqsu: kemm f’dawn il-gżejjer, f’dawn is-snin, għamilna sforzi biex inġibu l-qari lura fiċ-ċentru li ħaqqu? Nistaqsu: kemm il-pajjiż qiegħed iħares li jkollu iktar ċittadini tiegħu li jaqraw? Nistaqsu: kemm il-Gvern tal-ġurnata u dak ta’ qabel daħħal fil-lista tal-prijoritajiet nazzjonali tiegħu dan il-punt? Nistaqsu: kemm aħna nonfqu f’kotba fil-libreriji pubbliċi tagħna? Nistaqsu aktar: jekk aħniex minn dawk li naraw it-tixrid tal-qawi bħala eżerċizzju limitat għat-tfal li għandna fl-iskejjel primarji u forsi f’dawk sekondarji? Nistaqsu: kemm huwa fil-ħsieb demokratiku tagħna li aktar ma jkollok bnedmin li jaqraw kotba u gazzetti, aktar ikollok parteċipazzjoni attiva u mhux parssiva? Nistaqsu, f’dan, xi proċess ta’ ċiviltà aħna parti minnu jew li fih irridu nkunu.

Imxejna

3. Il-pajjiż mexa ’l quddiem fl-edukazzjoni, imma meta tara l-isforzi li jidher li jsiru u l-programmi li jiġu dedikati wieħed jirrealizza li qegħdin nitilfu battalja importanti. Laqatni aktar dan il-punt waqt lezzjoni li kelli l-ġimgħa li għaddiet u staqsejt lil dawk li ġew jisimgħuni kemm kienu qraw jew raw ħidmet Kenneth Clark (1903-1983), il-bniedem li fil-ħidma u l-kitba storika tiegħu ħalla warajh l-imsemmi Civilisation. A Personal View, librett żgħir li faċli taqrah. Wieħed li bi sforz kbir għal dak iż-żmien sab ruħu f’numru ta’ programmi fejn kull kapitlu tal-awtur ġie mxandar fil-postijiet li ispirawh f’kitbietu. Ħidma li għadna fil-pożizzjoni li naraw bil-mezzi teknoloġiċi tallum. Però l-punt f’dan għalija kien iebes għax ħadd minnhom ma kien sema’ jew qara b’din l-opra li tibqa’ tixgħel, jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqha.

Tinkwieta

4. F’dan wieħed għandu jirrifletti, u fl-istess ħin jinkwieta kemm aħna maqtugħin minn dak li sawwarna bħala persuni. Minn dak kollu li jagħmel minna soċjetà avvanzata. Jingħad x’jingħad, il-pajjiż jimxi ’l quddiem f’kull livell jew settur meta jkollu bnedmin li jagħrfu ċ-ċiviltà li huma parti minnha. Jagħrfu li huma komponenti determinanti u li fil-proċess tar-riċerka tal-għerf għandhom jingħataw l-għodda sabiex jiksbu aktar dak li huma u aħna. Fir-realtà, il-prijoritajiet tagħna huma kollox barra inċentivi u assistenzi sabiex kull persuna fil-ħajja tagħna titħajjar u tiġi mbuttata sabiex tifhem iċ-ċiviltà tagħna u l-għerf ta’ missirijietna li sawruha.

Sforzi

5. L-isforzi nazzjonali sejrin f’direzzjonijiet oħra. Drabi, anzi, f’dawk kuntrarji għal dan il-proċess ta’ riċerka tal-għerf. Messaġġi kuntrarji għall-pjaċir, l-għaqal u kif teħles mill-inkwiet li l-għerf jagħtik. It-triq proġettata mill-pajjiż fil-ħidma tiegħu kienet, u tidher li għadha dik li tippermetti aktar minn qabel it-tfittxija tal-ferħ mhux fl-għarfien ta’ dak li int imma f’dak marbut mat-teħid tad-droga. Mingħajr ma tingħad, imma qegħdin f’ħajja fejn il-konsum tad-droga, f’kull livell żdied, mhux naqas. Hemm iktar infiq qawwi fix-xiri u l-konsum tagħha milli ovvjament fil-kotba. Sa issa għadni ma sibt lil ħadd li ġġustifika dan kollu għax uliedna b’hekk jaqraw aktar jew isiru aktar għorrief milli huma. Nagħraf biss li b’din il-linja politika għandna issa proċess ieħor ta’ aljenazzjoni li minnu, flok hemm attività hemm iktar passività. Flok hemm iktar min huwa kommess fit-toroq tal-għerf, hemm min huwa iktar f’dak li jipparkja mentalment ruħu.

L-isfidi tagħna


6. F’dan wieħed imiss aktar fil-fond fuq dak li aħna u mexjin aktar biex inkunu. Fl-individwaliżmu dejjem aktar qawwi, flok hemm soċjetà altruwista hemm iktar egoiżmu qawwi. Fejn qed inħarsu aktar lejn il-bniedem bħala oġġett u mhux bħala suġġett. Fejn il-materjaliżmu varju li rajna f’dawn is-sekli, flok miet mertu tal-livelli li lħaqna fiċ-ċiviltà tagħna, qiegħed minflok jiżdied. Fejn kull persuna mhux titkabbar fil-valur tagħha, imma titlef minnu. Kellu, f’dan, ikun kliem il-Papa Franġisku li l-Ħadd li għadda fakkarna f’dan kollu meta ddikjara b’mod mill-iktar ċar: “Ogni essere umano è sacro per ogni religione, prezioso agli occhi di Dio.” (Kull persuna hija prezzjuża u sagra għal kull reliġjon, prezzjuża f’għajnejn Alla Tagħna).

Indi Gregory

7. F’dan kollu, aktar u aktar fl-aħbar xejn sabiħa tal-mewt ta’ din it-tifla, tarbija ta’ tmien xhur. Kif il-Qrati tar-Renju Unit iddeċidew li jitterminaw ħajjitha f’battalja legali li fl-aħħar mill-aħħar kienet waħda kuntrarja għaċ-ċiviltà tal-ħajja li aħna għandna nkunu parti minnha. Dan għax iddeċidew li ma kienx fl-aħjar interess tagħha li tibqa’ ħajja jew li tiġi meħuda fl-Italja, li offriet kura fi sptar tagħha. Deċiżjonijiet legali li jolqtu direttament fil-kuxjenza tagħna u f’dak li nistennew u nittama li jkollna f’soċjetà li tfittex is-sewwa veru u mhux dik apparenti. Soċjetà li kull ġurnata tagħraf li għandha dmir u li huwa fl-interess sħiħ tagħha li tfittex u ssib Toroq il-Għerf.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...