1. Tul din il-ġimgħa smajt u qrajt numru ta’ punti li mexxewni naħseb iktar dwar dak li d-dinja għaddiet u dak li għaddejja minnu. Trid iżżomm quddiemek il-passat biex tiftakar dak li għaddew minnu oħrajn qablek, u fl-istess ħin tittama li ma tiżbaljax bħalhom. Iktar u iktar f’sekli ta’ eżistenza li anke jekk ma nkunux nafu neċessarjament bil-preċiż il-fatti kollha, xorta minn dak li nkiteb nieħdu l-lezzjonijiet. Nikkonsla f’żewġ punti. L-ewwel: kemm awturi varji jinsistu ma’ ta’ warajhom li għandhom jaqraw u jieħdu eżempju. It-tieni: fuq il-fatt li anke jekk ma nafx fejn ser inkun fil-futur, xorta għandi d-dmir li nifforma ruħi u naħdem mal-oħrajn sabiex ikollna dinja aħjar. Għax nistgħu namministraw f’dak li naħsbu li huwa sewwa, imma huwa iktar importanti li nservu b’liġijiet ġusti.
Imperatur
2. Fl-istorja nsibu mexxejja differenti. Diversi nafu d-difetti varji tagħhom; f’oħrajn, il-fissazzjonijiet li mexxewhom. B’xi mod ikkontribwew għall-formazzjoni tad-dinja. Daqqa fil-pożittiv u oħra kif ġarrabna, fin-negattiv. Daqqa fi żvilupp uman, drabi oħra le. Ħafna drabi, l-istorja tqiegħed uħud fuq pedestalli u oħrajn tniżżilhom minn fuqhom. Drabi, politiċi varji jikkritikaw u janalizzaw lil dawk li kienu qabilhom. Daqqa fuq l-abbiltajiet tat-tmexxija tagħhom, drabi fuq kemm fasslu u ġiebu fis-seħħ liġijiet ġusti jew inġusti. Bħall-awtur Ruman Plutarku (46-119 W.K.) li jqabbel politiċi Griegi ma’ dawk Rumani fi żmienhom. Inkella dawk tal-politiku u Prim Ministru Taljan Francesco Nitti (1868-1953) li fil-Meditazioni dell’esilio, miktuba waqt li kien fil-kampijiet tal-konċentrament fl-1943, li jaqbad tnejn minn żminijiet differenti. Bħal meta jqabbel lil ħajjet u ħidmet Ġulju Ċesri (100-44 Q.K.) ma’ dik ta’ Napuljun Bonaparti (1769-1821). Kif, fir-riċerka estensiva tigħu, ifaħħar ħafna lil tal-ewwel u jmaqdar kemm jiflaħ lit-tieni. Kitba li timmerita attenzjoni aktar illum, imma li ma tħarisx biżżejjed lejn il-fatt li wieħed mill-ikbar kontribuzzjonijiet ta’ Bonaparti kienet proprju l-liġi li għadna nużaw sallum.
Priedki
3. Missejt aktar direttament ma’ dan is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu. Dan waqt li smajt il-priedka, l-ewwel fil-Festa ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra fiż-Żejtun, u t-tieni dik fil-Festa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. Iż-żewġ predikaturi messew ma’ tqabbil tal-mexxejja fid-dinja. Fr Edgar Vella u Fr Marc Andrè Camilleri t-tnejn ressqu, għal min ried jisma’, punti ta’ riflessjoni. Ħafna drabi, diversi anqas ikunu qed jisimgħu s-sens u s-sustanza ta’ dak li jkun qiegħed jingħad. Ninnota li l-famuż mobile ikun qeigħed jiġbed iktar attenzjoni. Imma s-sabiħ kien li fakkruna, fi kliemhom, fil-kuntrasti bejn is-sewwa u dak li mhuwiex bejn il-liġijiet ġusti u dawk li mhumiex. Fuq naħa Santa Katerina (287-305 W.K.), li fl-għerf tagħha ddibattiet u kkonvinċiet lil diversi, filosfi inkużi, li sfaq maqtula, martri, għall-ideat Insara li ħaddnet u ħabbet mill-“Imperatur” Maxentius (283-312 W.K.) li ma kienx tal-istess opinjoni. Fuq l-oħra fi Kristu Re, fid-differenza bejn kif il-bniedem jipprova jibni waħdu l-Istat, fl-atroċitajiet li rajna fl-aħħar seklu bejn l-esperjenzi tal-estremiżmi tal-lemin u dawk tax-xellug. U kif, fuq kollox, hemm kliem il-Vanġelu, id-duttrina soċjali, li jistgħu jiggwidaw aħjar f’dak li l-bniedem ħaqqu, speċjalment biex isiru liġijiet tajba u ġusti.
Libanius
4. Dan kien iktar interessanti għalija li kont għadni kif għalaqt żewġ kotba li ħaduni fi żminijiet oħra. Fuq naħa l-ktieb ta’ J.H.W.G. Liebeschuetz (1927-2022), Antioch City and Imperial administration in the later Roman Empire (1972), kif ukoll dak ta’ G.W. Bowerstock (1936), Julian the Apostate (1978). It-tnejn imissu ma’ żmien partikolari: dak bejn it-331 u t-363 W.K. F’tal-ewwel hemm analiżi tajba ħafna minn dak li kiteb u ħalla Libanius (314-392 W.K.) fil-madwar 1,600 ittra u 64 diskorsi, apparti numru ta’ ‘progymnasmata’ (eżerċizzji fir-retorika). Bniedem mimli b’ideat varji u kapaċi jifhem iċ-ċirkostanzi li kien qiegħed jgħix f’din il-belt imperjali. Bniedem li baqa’ marbut ma’ dak li d-dinja Griega kienet temmen fiha qabel id-dħul tal-Kristjaneżmu. Kien dak li baqa’ ‘pagan’, konvint kif jixhed kliemu, fid-difiża ta’ tempju Pro Templis lill-allat Griegi li kien ser, u fil-fatt, ġie mwaqqa’. Imma f’dan jidher ċar il-kunflitt li kien hemm fl-ideat u l-iktar fil-mod ta’ kif għandek tmexxi u torganizza Stat. Fuq kollox, liema prinċipju etiku għandu jispira liġi.
Giuliano l’Apostata
5. Dan il-punt jikber aktar meta wieħed jikkunsidra ħajjet u ħidmet l-Imperatur Ġuljanu l-Apostata. Ħajja qsajra u daqshekk ieħor ir-renju: din is-sena stajna nfakkru l-1660 sena minn mewtu (26 ta’ Ġunju 363 W.K.). Imma l-bniedem ħalla warajh il-memorja tal-Imperatur Ruman li pprova jieħu l-arloġġ lura. Dan għax wara li l-Imperatur Kostantinu l-Kbir (306-337 W.K.), dak li għeleb fil-battalja lil Maxentius (li ordna l-qtil ta’ Santa Katerina) u li fis-sena 312 W.K. aċċetta biex iqiegħed l-Imperu Ruman taħt il-Kristjaneżmu, Ġuljanu, fir-renju tiegħu pprova jdaħħal lura l-kulti pre-Kristjani. Anki jekk ma rnexxilux effettivament, però xorta tajjeb li wieħed imiss ma’ dak li ħaseb.
Persekuzzjoni
6. Interessanti l-ħsieb konvint tiegħu li l-allat kienu ggwidawh sabiex ħakem, wara l-mewta naturali ta’ Kostantius (317-361 W.K.) mingħajr il-bżonn ta’ battalja li kien ippreparat għaliha. Ried iġib lura dan il-kult u kellu s-segwaċi miegħu. Però, għalkemm skont hu l-Insara kienu l-ateji u wkoll ma kienx wisq ferħan bihom, ma ppersegwitahomx. Fil-fatt, anzi kien skrupluż aktar minn oħrajn: ebda xorb, ebda divertiment, ebda llaxkar jew forma ta’ rikkezzi. L-awtur isejjaħlu “The Puritanical Pagan”. Dan aktar, anzi, għax kien insista li l-qassisin pagani jassiguraw li jwettqu opri ta’ karità li, skont hu, kienu r-raġuni prinċipali għala diversi saru Nsara. Kien iħares b’venerazzjoni lejn il-Grieg Alessandru l-Kbir (356-323 Q.K.) u l-Imperatur pagan Marku Awrelju (121-180 W.K.). Ipprova, fi tlett snin tiegħu, jibni mill-ġdid dak li kien diġà tilef kull saħħa, għax superat mir-raġuni. Issuperat minn ideat li l-prinċipji etiċi tagħhom saru f’liġijiet aqwa u iktar ġusti. Ma’ mewtu spiċċa kollox. L-awtur Bowerstock, anzi, jgħid hekk dwaru: “He demanded too much; he compromised unwisely and too little.”.
Liġijiet Superjuri
7. F’soċjetà Ewropea li għandha sekli ta’ eżistenza u ta’ esperjenzi varji, dik legali titlob aktar attenzjoni. Dan għax soċjetà timxi ’l quddiem għal numru ta’ raġunijiet, imma naħseb li aktar ma jkollna liġijiet tajba li huma ġusti, iktar tiffjorixxi. Meta taqra dak kollu li hu għaddej tifhem li fil-fatt kollox jitlaq fuq kemm il-bnedmin jaċċettaw bħala ġusti liġijiet li qed isiru f’pajjiżhom u fuq livell Ewropew. Meta jitlaq għal rasu u flok iħares u jiftakar fil-prinċipji etiċi Nsara li sawwruna jinjorahom, jew imur apposta kontra jikber id-dwejjaq f’qalb il-poplu. Tikber iktar ir-rabja li titwieled f’moħħ dawk li jħossu li qed jgħixu f’soċjetà inġusta. F’dawn is-snin rajna varjetà ta’ dawn il-liġijiet li, jum wara jum qed juru li mhumiex iservu sewwa. Proprju għalhekk tajjeb li wieħed iħares lejn l-istorja tal-bniedem u daqshekk iktar li jassigura li jġib fis-seħħ liġijiet li huma ġusti verament, u mhux fl-apparenza.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment