9.11.23

IL-MIBGĦEDA ŻBALJATA

1. Hemm politiċi li ġarrbu sew, u għax għaddew minn dawk l-esperjenzi, fehmu. Fehmu li hemm linja politika li sservi u li tista’ tibni biha, mentri hemm ukoll dik tal-kontra. Dik li biha żżarma, tkisser, tfarrak, u flok ġid joħroġ minnha d-deni. Hemm min ma’ dan jaqraw ukoll dak li raw oħrajn qabilhom. Dawk li semgħu politiċi varji jiddikjaraw punti u proġetti li fil-verità kienu biss bażati fuq il-ħdura u l-mibgħeda tal-oħrajn. Issaħħan lin-nies fil-linja retorika tiegħek ta’ dawk kontra tagħna u kemm hemm bżonn li jiġu eliminati. Bnedmin li rebħu l-appoġġ popolari fuq wegħdiet li ma setgħux iseħħu. Fuq proposti politiċi li waqt li kienu qed jingħadu dehru jleqqu, imma maż-żmien serview biex itappnu kollox.

Tmaqdar

2. F’dan m’hemmx agħar fil-politika minn dik li trid tkasbar ‘l-avversarju tiegħek. Ma hemmx sistema tant anti-demokratika minn dik li flok tifhem dak li ħaddieħor ikun qiegħed jgħid, tipprova biss tkissru. Id-diskors ma jgħinx, anzi jsarraf f’iktar passi fit-toroq tal-mibgħeda u l-intolleranza. Għaddejna minnu dan kollu, sija fl-istorja Ewropea tal-aħħar mitt sena kif ukoll, sfortunatament iktar, f’pajjiżna. Fejn rajna gravitajiet kbar. Għax diġà huwa ħażin li tkasbar bnedmin oħra, imma dan jikber fis-serjetà meta tkun taf li ħaddieħor ma jistax iwieġeb għad-diskors li tkun qiegħed tgħid għax qiegħed fi żvantaġġ għalik. Pajjiżna għadu ma fehemx biżżejjed li l-politika t-tajba ma tistax timxi ’l quddiem f’dawn it-toroq. Għadu ma fehemx l-iżball li sservi l-estremiżmu tal-lemin.

Reċenti

3. Il-messaġġ politiku, meta jiġi d-diskors tal-Budget, qisu flok jikkalma jitlaq jirranka iktar fil-kuntrasti u pożizzjonijiet xejn f’posthom. Il-vuċi tal-Gvern f’dan hija diġà b’saħħitha, imma meta tasal biex tqiegħed il-linji tagħha b’dan il-mod tindika li għandha problemi interni. L-agħar aktar f’dan però hu meta nara li jkun hemm min li biex iwieġeb jirrivolġi ruħu lura bl-istess munita. Il-mibgħeda tista’ titqabbad, però jiddependi minnek kemm tkun kapaċi tirbaħha lura bis-sewwa. Għax ir-realtà hija li meta minflok tiġi mkaxkar u tibda int ukoll tgħajjar u tiddisprezza lil bnedmin oħra tiġi fl-istess livell bħalhom. Il-politika t-tajba ma ssirx hekk.

Anti-Semitiżmu

4. F’dan aktar f’din il-mewġa kerha li qegħdin naraw taħkem iktar numru ta’ postijiet fl-Ewropa u fid-dawl tal-konflitt li għaddej bejn Iżrael u l-Ħamas. Qed naraw iktar każijiet ta’ anti-Semitiżmu. Lhud li jiġu attakkati u ittimbrati bl-istilla ta’ David mhux fuq il-bażi tal-ideat tagħhom, imma fuq ir-razza. Niftakru f’dak li għaddiet minnu l-Ewropa meta żewġ politiċi kaxkru miljuni warajhom fit-toroq żbaljati tad-distruzzjoni. Dawk li kkonvinċew oħrajn jgħaddu liġijiet anti-Semiti u li fuq il-bażi tagħhom ġabruhom u qatluhom fl-iktar sistema kerha li l-bneidem seta’ joħloq: fil-kampijiet tal-konċentrament. Inqatlu diversi bnedmin bħalna, proprju għax dawn bdew mewġa ta’ mibgħeda politika li wasslet sabiex miljuni jinqatlu. Hija tal-mistħija kif għad għandna diversi li ma jafux b’dak li seħħ.

Daqshekk ieħor

5. Ninkwieta ruħi f’pajjiżna meta nara, naqra u nisma’ b’persuni li huma suppost imgħallma, professjonisti fil-linja tagħhom li flok jindirizzaw l-argument jattakkaw lill-persuna. Ninkwieta iktar nara dan l-ispettaklu xejn dekoruż, qisna ġewwa xi ċirklu, fejn il-politiku jew dak li qiegħed jindirizza lill-poplu jrid jiġbed l-attenzjoni fuqu b’dan l-istil mill-iktar kundannabbli ta’ kif tagħmel il-politika. Iktar u iktar minn dawk li jiddikjaraw li ser jipproteġu s-sistema demokratika u minflok il-kontra: jaġixxu bl-iktar strumenti żbaljati tad-dittatorjati. Eżerċizzju fit-tweżwiż, fejn ħadd ma jgħid xejn, ħadd ma jopponi, u anzi, il-gazzetti jkomplu jirrappurtawhom qishom orakli ta’ Delfi. F’dan daqshekk ieħor nibqa’ skantat kif iktar ma jkun hemm estremiżmi li jingħadu, iktar ikun hemm bnedmin li ssoltu jużaw ir-raġuni li ssibhom iċapċpu u jħeġġu għal iktar żbalji.

Ripetizzjoni

6. Diġà s-sitwazzjoni hija kkumplikata fid-dinja b’mexxejja li huma fl-estremiżmi tagħhom b’popli li tawhom aktar saħħa politika milli kellhom. Diġà dawn ġabuna f’limiti fejn il-gwerra, għal skuża jew oħra, għaddejja fl-Ukrajna u ġewwa Gaża. Imma almenu nippretendi li fl-aggressività sproporzjonata li qed naraw ma nikkontribwux aħna wkoll. Ma nkunux aħna wkoll strumenti ta’ mibgħeda u intolleranza anti-demokratika. Inkunu preċiżament il-kontra. Id-djalogu, id-diskussjoni u l-moderazzjoni mhumiex punti ta’ debbolezza, imma ta’ forza. Ir-raġuni, dejjem jekk għandek raġun, m’għandhiex magħha l-bżonn tal-vjolenza fil-lingwa. Agħmel il-punt, agħmlu sew b’mod ċar u bbażat fl-argument u tasal ferm iktar. Dawk li jkollhom tort, ħafna drabi jkunu estremisti. Dawk li ż-żmien jurina li jgħidu ħaġa imma fir-realtà jwettqu oħra. Bħal dawk li mill-Oppożizzjoni jattakkaw l-illegalità, il-kriminalità u l-korruzzjoni imma meta jkunu fil-Gvern issibhom jippermettu dawn kollha, jew agħar, iwettquhom.

Hemm lezzjonijiet

7. F’dan hemm ħafna lezzjonijiet li hemm bżonn nieħdu darba għal dejjem. Nibqa’ skantat kif politiċi li jriduha, flok irażżnu lura lilhom infushom, jintilfu jsiru skjavi tal-likes u x-shares billi jitkellmu kif m’għandhomx. Kuljum ninnota li s-sitwazzjoni sejra aktar lura. Sejra f’pożizzjoni li flok tissoda d-demokrazija trid iddgħajjifha u magħha l-vuċijiet favur iċ-ċentru moderat. Kull min jitkellem kontra l-proxxmu b’dikjarazzjonijiet mimlija bil-mibgħeda jkun qed jaħdem kontra l-paċi, il-ġustizzja u d-demokrazija. Ikun qed jgħin biex jissoda u jiġġustifika lil dawk li qed ikomplu jġibu iktar gwerer soċjali u militari. Forsi f’dan iġibu quddiem għajnejhom dak li ddikjara l-Papa Franġisku ftit jiem ilu, meta qal: “Nothing is lost in peace. All is lost with war.” (Xejn ma jintilef fil-paċi. Kollox jintilef fil-gwerra). Nittama li f’dawn il-jiem, flok nippersistu fl-iżball ninbidlu għas-sewwa li għandna nkunu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...