31.7.23

FORSI KONNA AĦJAR

1.   F’dak li żviluppa tul din il-ġimgħa fix-xena politika nazzjonali, wieħed ikun għaqli jekk, fid-dlam jew fid-dawl li jsib lilu nnifsu fih, jieqaf u jirrifletti. Iħares oġġettivament, u dan dejjem kemm il-bniedem jippermetti lilu nnifsu jagħmel dan u jipprova jifhem. Jiftakar li diversi gvernijiet, fil-passat, kellhom il-mumenti iebsa tagħhom. Kellhom kumplikazzjonijiet varji, daqqa ġejjin minn idejn ħaddieħor, u daqqa minn ġewwa stess. Imma bħal dawn li aħna preżentement għaddejjin minnhom bħala pajjiż u poplu, ftit kienu li rajna.

Effett illum


2.   L-effett ġenerali tagħhom huwa li l-pajjiż iħoss li tant intilef il-kontroll, l-awtorità morali u amministrattiva li ħafna qed iqisu ċ-ċirkostanzi barra mill-ordinarju. Illum hemm l-effetti, imma l-kawżi veri tagħhom, dawk li ġibuhom fil-kaġun, ġejjin mill-bieraħ. F’sitwazzjoni fejn dak li qiegħed iseħħ juri biċ-ċar li ma kienx hemm biżżejjed ħsieb fit-tul. Ngħixu l-ġurnata qisu l-aħħar tax-xahar m’hu ser jasal qatt. Żidna l-piżijiet fuq l-infrastrutturi varji tagħna mingħajr ma wieħed ipprepara għal dak li kien ġej.

Tilef l-appoġġ

3.   Ir-rapporti fil-gazzetti tal-Ħadd li għadda juru li l-Partit fil-Gvern tilef l-apoġġ lejh b’mod immarkat. Dan bir-raġun, għax f’dawn l-aħħar xhur daħal, u daħħal lilu nnifsu f’sitwazzjonijiet fejn ir-reazzjonijiet għalihom ma tantx ikkonvinċew lill-elettorat. Kien hemm lista tagħhom li, f’ħafna sens, meta tqishom separatament tifhem li kull waħda hija politikament serja u gravi. Bombi atomiċi politiċi. Għax meta tqis: l-ewwel, is-sentenza mogħtija dwar dak li seħħ fil-kuntratt tal-Isptarijiet, fejn tberbqu l-miljuni; it-tieni, fil-kwistjoni marbuta mal-emeda legali fejn kien ċar ħafna li biha seta’ jiġi legalizzat l-abort; it-tielet, il-mistħija u l-konfużjoni marbuta mal-Inkjesta tal-każ Jean Paul Sofia; u r-raba’, b’dak li għaddej fil-ħsarat u l-qtugħ tad-dawl tifhem li dawn jitkellmu waħedhom. Għal dawn, sistematikament, ma kienx hemm la tweġiba u lanqas reazzjoni diretta u f’postha li l-poplu kellu u għandu kull dritt li jippretendi. Il-Gvern deher indeċiż, u minflok ma kien jaf fejn sejjer mill-bidu, spiċċa mar il-kontra ta’ dak li ddikjara.

Wieħed jifhem

4.   F’dan, wieħed proprju jifhem li hemm differenza bejn li partit jitlef l-appoġġ elettorali u l-popolarità tiegħu, u l-abbiltà li jżomm l-istabilità u l-ordni. Tista’ ma tkunx popolari wisq f’mument politiku, però trid tara li l-kontroll u l-istabilità jkunu f’posthom. F’dan, illum, il-poplu, fil-maġġoranza elettorali tiegħu huwa konvint li l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela dawn il-kwalitajiet mhuwiex jurihom. Il-poplu huwa konvint li hemm bżonn ta’ bidliet fil-mod ta’ kif qiegħed imexxi dan il-Gvern, u dan għall-ġid tal-pajjiż kollu.

‘Reshuffle’


5.   Ħafna qed jagħżlu li jibqgħu pass lura, u dan għax mhumiex jaraw tibdil fil-metodi u fl-ideat minn dak li ġieb fi tmiemu l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat. Tista’, f’dan, għalhekk tingħata l-istess tweġiba li kien hemm qabel: tibdil ieħor intern fejn joħroġ wieħed u jidħol ieħor. Diversi jistgħu jaħsbu, jimmiraw u jistennew tibdil fil-Kabinett f’każ klassiku ta’ ‘reshuffle’ imma oġġettivament, minn dak li jidher li hu għaddej, mhuwiex proprju biżżejjed. Il-bidla mistennija hija iktar diffiċli biex il-poplu jkun verament f’pożizzjoni li jagħtiha fiduċja. Il-poplu fit-triq qiegħed jinkwieta sew fl-għarfien li m’aħniex immexxija ’l quddiem, imma li aħna iktar sejrin lura.

Gowls u awto-gowls

6.   F’dan, wieħed jifhem iktar li l-partita politika hija issa kkonċentrata mhux fuq dik il-loġika normali ta’ gowls min-naħa għall-oħra, imma f’kemm qed jiġu ċċentrati inqas awto-gowls. Anzi, f’ħafna qed naraw tfassil tal-manwal ta’ kif m’għandekx iġġib ruħek jew taħdem fil-politika mqiegħed fil-prattika. Nistgħu nsibu li hemm min qiegħed jieħu pjaċir b’dan, u jipprova jogħrok idejh, però jibqa’ l-fatt li dak li hu għaddej huwa ta’ detriment u żvantaġġ għall-pajjiż kollu.

Tibni lura

7.   Mhux biss fih innifsu, imma iktar fid-diffikultà sabiex għada pitgħada, gvern differenti jkun f’pożizzjoni li jibdel u jirranġa mill-ġdid l-iżbalji li qed jiġi kommessi llum. Nistgħu nsibu ruħna, kif kien qal Marshal Mc Luhan: “We look at the present through a rearview mirror. We march backwards into the future.” Imma l-fatt jibqa’ li ser ikompli jkun iktar impossibbli għal dan il-Gvern biex jiddritta dak li ta qablu u hu għawġu, u se jkun ħafna iktar diffiċli għal min ġej warajh. Trid ħsieb, esperjenza u viżjoni vera.

Ma konniex hekk

8.   Dwar dan, ċertament, hemm punt ieħor li jrid isir: dak marbut mal-kuntrast ta’ kif ħadmu Gvernijiet Nazzjonalisti u l-pożizzjoni li sab ruħu fiha l-Gvern Laburista fl-2013. Din hija parti minn kapitolu tal-istorja li jrid jinkiteb mill-ġdid għax illum inkiteb negattivament u nġustament minn Gvern Laburista li qal kontra u kkritika kemm felaħ lill-Partit Nazzjonalista u meta tela’ fil-gvern wettaq proprju l-kontra ta’ dak kollu li kien iddikjara li ser jagħmel. F’ħamsa u għoxrin sena, dan li aħna għaddejjin minnu ma seħħx, u la taħt Eddie Fenech Adami u lanqas taħt Lawrence Gonzi. F’dan trid issir rivalutazzjoni tal-pożizzjoni, iktar u iktar quddiem il-propaganda qawwija li saret biex tkisser, tħammeġ, tirredikola u tqiegħed fl-iktar stampa negattiva dak li seħħ fit-tajjeb u li għadu magħna sallum.

Għaddejna

9.   Diversi, bħali, li servew kif kellhom fis-sewwa u mingħajr ma ħarsu, b’xi mod, lejn l-interessi personali tagħhom jew li jaġixxu bi żlealtà, sabu ruħhom suġġetti għal kundanni soċjali varji. Ftit kienu dawk li baqgħu jkellmuna, jew isellmulna. Wara dak l-appuntament elettorali, anzi, diversi kienu jdawwru wiċċhom minna. Kull ma kien jgħid il-Prim Ministru l-ġdid dwarna kien jiġi emmnut, bħallikieku kien veru. Tant kien effettiv u effikaċi li ġie emmnut, saħansitra, minn persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess.

Ħarsa lejn il-Futur

10.   F’dan, għalhekk, wieħed għandu jifhem u bil-kalma u bl-għaqal jiġbed id-direzzjoni lejn il-bidla li hi tant neċessarja. Dan m’għadux proċess ta’ alternanza ta’ poter, imma ta’ bżonn nazzjonali. Għarfien aħjar tal-ġid li seħħ fil-ħidma onesta lejn il-Poplu Malti u Għawdxi minn Gvernijiet Nazzjonalisti, li għandu jservi wkoll bħala pedament aqwa fil-ħidma tagħna. Ikun il-boxxla li permezz tagħha nidderiġu ruħna biex il-pajjiż ikollu l-fiduċja f’min qiegħed imexxih u lejn fejn sejrin, ilkoll kemm aħna. Kellna tant ġid u tajjeb f’idejna li ntilef, għax ħaddieħor ikkonvinċa lil xi wħud li dak il-ġid u dak it-tajjeb kienu ħżiena. Il-kuntrasti huma iebsa, imma jridu jsiru. F’dan, għalhekk, quddiem dan kollu li qiegħed iseħħ jum wara jum quddiemna nistgħu, b’umiltà ngħidu, li forsi aħna konna aħjar.

26.7.23

BNIEDEM EŻEMPLARI

1.   Ftit jiem ilu fakkarna u ċċelebrajna żewġ okkażjonijiet importanti għalina l-Ewropej. Fakkarna aħna wkoll, għax l-eventi tajba li jseħħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa wkoll ta’ għajnuna u benefiċċju għalina fuq dawn il-gżejjer. Iktar u iktar meta jkunu fil-pajjiż ġar tagħna l-Italja fejn, ħafna drabi, dak li jkun qiegħed iseħħ hemm jiġi segwit b’attenzjoni partikolari minna. Attenzjoni, l-ewwel, għax ħafna drabi hemm mumenti meta ispirajna ruħna mill-aġir it-tajjeb tagħhom. It-tieni, għax dak li jkun qiegħed jiġri nħossuh ferm iktar viċin tagħna minn oħrajn. Mhux biss għax ħafna għadhom sallum jifhmu l-lingwa Taljana, imma wkoll għax sar iktar faċli taqsam minn pajjiżna għall-pajjiż tagħhom.

Nawgurawlu

2.   Proprju f’dan il-Ħadd tat-23 ta’ Lulju li għadu kif għadda, Sergio Mattarella, il-President attwali tar-Repubblika Taljana għalaq tnejn u tmenin (82) sena. Imwieled viċin tagħna f’Palermo fl-1941, jagħraf faċilment l-ideat u d-direzzjonijiet li soċjetà bħal tagħna tieħu. Persuna li serva l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżu. Bniedem li ħadem sabiex imexxi ‘l quddiem lil pajjiżu u l-ġid komuni sħiħ tiegħu. Bniedem li kien ilu fid-dell u mhux tant magħruf sakemm ġie maħtur President fl-2015, u rikonfermat fl-2022. Ma kienx dak il-politiku li jrid jidher imma dak li, fis-sustanza, jrid jaħdem sewwa. F’ħidma mill-iktar onesta. F’waħda fejn il-formazzjoni politika Demokratika-Kristjana servietu bħala dawl u boxxla fid-deċiżjonijiet li ma beżax, jew b’xi mod qagħad lura, milli jieħu.

Għall-Ġodda

3.   Għal dawk li qegħdin jitħajru, jew huma fl-ewwel passi politiċi tagħhom, huwa l-bniedem li wieħed għandu jimita. Jimitah fl-aġir Nisrani u politiku. Iżommu quddiemu fl-għarfien li, minkejja dak kollu li għadda minnu ma żammx għall-oħrajn, u lanqas ġarr ġo fih l-imrar li l-ħajja pubblika taf hija wkoll tagħti. Ma kienx il-bniedem li ried jidħol fil-politika, imma wara l-qtil ta’ ħuħ Pier Santi Mattarella, li kien il-President tar-Reġjun Sqalli, li seħħ nhar is-6 ta’ Jannar 1990, iddeċieda li jidħol. Fis-27 ta’ Ġunju 1990 rriżenja minn ministru għax ma qabilx ma’ liġi li kienet ser tagħti vantaġġi kbar lill-kumpanniji tal-medja ta’ Silvio Berlusconi. Fl-2012, wara marda serja ħafna, tilef kmieni lil martu Marisa Chiazzese, li oħtha Irma kienet miżżewġa lil ħuħ. Mument partikolari li wasslu biex, ftit snin wara, jgħid hekk: “Sarebbe auspicabile che ogni tanto le persone in buona salute trascorressero qualche giorno in vista negli ospedali, perché il contatto con la sofferenza aiuterebbe chiunque a dare a ogni cosa il giusto posto nella vita.” (Ikun tajjeb jekk minn żmien għal żmien bnedmin f’saħħithom iqattgħu xi ftit ġranet f’viżta fl-isptarijiet, għax dak il-kuntatt mas-sofferenza jgħin lil kull persuna biex ipoġġi kull ħaġa f’ħajtu fil-post ġust tagħha.” Minkejja dan kollu, baqa’ persuna attenta u jħares ’il quddiem biex jagħmel il-ġid u jservi lill-oħrajn, u l-Istat Taljan għażlu biex iġorr karigi determinanti.

Demokratiku-Kristjan

4.   Kien parti mill-formazzjoni politika li, jingħad x’jingħad fuqha, tibqa’ dik li l-iktar għamlet ġid lil pajjiżha. Kien, kif jingħad tajjeb, dak li kellu jdejh indaf u qalbu safja, li ma jagħtix ruħu għall-frugħa u anqas m’aġixxa bil-qerq. Bniedem li ngħaqad ma’ ġenerazzjoni ta’ politiċi li servew sewwa f’din it-triq ta’ Nsara mpenjati fil-politika, bħal Aldo Moro, Giorgio La Pira, Mariano Rumor, Benigno Zaccagnini, Arnaldo Forlani, Ciriaco De Mita u ħafna oħrajn. Wieħed li ta sehemu fit-tkattir ta’ ideat u prinċipji etiċi fundamentali li biddlu, u fl-istess ħin qegħdu l-pedamenti tas-soċjetà. Dawk li jħarsu li jkun hemm ordni soċjali li tiggarantixxi l-ġustizzja, il-paċi u l-avvanz soċjo-ekonomiku. Minn barra jista’ jidher kważi fraġli, imma minn ġewwa tenaċi u insistenti. Kapaċi jikteb u jindirizza sitwazzjonijiet ikkumplikati aktar milli jidħol f’polemiċi inutili. Tbaskat bħala Kattoliku impenjat għall-oħrajn, avukat u akkademiku. Tlett elementi essenzjali għal dak li llum huwa neċessarju għalina fil-ħajja u fis-soċjetà tagħna.

Camaldoli

5.   F’dan, proprju kien ukoll interessanti d-diskors kommemorattiv tiegħu fit-tmenin (80) sena minn meta f’Lulju 1943 kienu ltaqgħu numru ta’ intellettwali Kattoliċi f’monasteru partikolari ta’ Camaldoli, fit-Toskana, ftit ’il bgħid minn Firenze, fejn waqt li l-gwerra kienet għaddejja, u waqt li l-Faxxiżmu kien qiegħed jispiċċa, dawn inġabru biex jiġi pubblikat ktejjeb bit-titolu Per La Comunità Cristiana. Principi dell’Ordinamento Sociale. Hemm, kif jgħid tant tajjeb hu, tqegħdet id-direzzjoni bażika ta’ dak li wara serva biex tfasslet il-Kostituzzjoni Taljana. Fuq kollox, l-affermazzjoni tad-dinjità umana u li din hija superjuri għall-Istat fis-sehem, ir-rispett u r-responsabbiltà tagħha fis-soċjetà. Fejn kull kunċett dittatorjali jew materjali tal-politika ġew miċħuda. Fejn id-duttrina soċjali aġġornata u avvanzata tal-Knisja Kattolika toħroġ biċ-ċar u fl-abbiltà konkreta li tista’ tiġi mwettqa verament. Anzi, aktar bħala dik li tiggarantixxi l-komunità politika biex joħorġu l-valuri tal-ugwaljanza bejn il-bnedmin u t-tixrid tal-ġustizzja soċjali.

Nifirħulu

6. Kelli x-xorti li narah u nkellmu meta, fit-13 ta’ Settembru 2017, ġie f’pajjiżna. Hemm, waqt laqgħa li kienet saret mal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil, kont preżenti fil-preżenza wkoll tal-ħabib Angelino Alfano, li kien Ministru tal-Affarijiet Barranin. Waqt dawk il-ftit minuti għidt li pajjiżu, bħal tagħna, għandu bżonn aktar Demokristjani għax kienu huma li wettqu l-ġid. Aħna u ħerġin dar lejja u qalli “grazzi”. Kien mument partikolari għalija li l-politika attiva tagħtik, u li issa għandi l-mument li nsemmih. Nikteb dan fit-tama li aktar jimxu warajh u ma jsegwux dawk żbaljati. Proprju għalhekk li fil-jiem li niċċelebraw għeluq sninu nħossni liberu li nikteb dwar dan il-bniedem eżemplari.

JIEM KATAKLIŻMIĊI

1.   Jekk kollox kien jidher għaddej qabel ilbieraħ, issa m’għadux. Jekk il-Gvern kien qiegħed jirnexxilu jfendi f’dawn il-jiem, issa le. F’ħabta u sabta waqa’ dak il-paraventu mibni fuq il-kliem sbieħ u mimlija tifħir li ilna mdorrijin nisimgħu. Dawk li l-poplu jiġi bbumbardjat bihom. Dawk li kien hemm min qal li ser jibni “Blueprint for the Future”. Dak li kellu jkun il-pjan dettaljat għall-futur sarraf f’għajnejn il-poplu fil-fatti tar-realtà politika proprju l-kontra. Dawk li kienu qed jgħidulna li huma determinati li jkomplu jġibu d-differenza pożittiva fl-iżvilupp ta’ pajjiżna sabu ruħhom jifhmu li dak kien kollu kliem, imma l-verità tal-fatti kienet u hija l-kontra. Dak li kien jidher ħajt tant sod, iżomm ’il barra l-ilmijiet, inġarr kollu f’daqqa.

Fejn hu l-Eroj ta’ Haarlem?

2.   Niftakar li, ta’ tfal, fl-iskejjel primarji tal-Istat kienu jaqrawlna l-istorja ta’ tifel żgħir li salva poplu. Kienu jirrakkuntawlna kif, waqt li kien għaddej fi triqtu, dan l-iben Olandiż induna li mid-diga li hija parti mis-sistema li tipproteġi l-pajjiż mill-baħar, kien beda dieħel l-ilma. Induna u daħħal sebgħu biex iżommu milli jkompli joħroġ u jiġbed il-ħajt kollu. Minn toqba żgħira, l-ilma seta’ kien il-kaġun tal-imwiet u d-diżastri ta’ oħrajn. Fl-istorja, ismu ma jissemmiex. Jingħad biss li kien ġej minn Haarlem. Jissemma, minflok, kif baqa’ hemm u ma ċċaqlaqx sakemm ġie l-ajjut u l-pajjiż salva. Ta’ studenti li konna bqajna mpressjonati, u fl-istess ħin deċiżi li f’ħajjitna aħna wkoll irridu nservu lill-oħrajn. Fhimna li dmirna jibda mill-affarijiet iż-żgħar, u fuqhom niġu ġġudikati. Jistgħu jiġu l-ikkumplikati, jew nivvintawhom aħna stes, imma l-passi ċkejknin iservu u jsalvaw ferm aktar.

Il-prova diretta

3.   Fl-istat li ġejna fih f’dawn il-jiem, il-pajjiż beda jinduna aktar li altru d-diskorsi retoriċi, psewdo-propagandistiċi u altru l-fatti. Hemm, issa, ir-realtà proprju quddiem dak kollu li żviluppa fil-każ tal-Inkjesta ta’ Jean Paul Sofia, kif ukoll f’dak kollu li qed naraw għaddej fil-qtugħ tal-provvista tad-dawl f’partijiet varji tal-pajjiż. F’dak li seħħ, il-Gvern qiegħed joħroġ iktar f’dak li ġieb lilu nnifsu fih. Iktar nieqes mill-kompetenza, mill-attenzjoni u mill-għarfien ta’ kif wieħed għandu jiddeċiedi sew. Fil-ħajja personali wieħed jista’ jiddeċiedi malajr, imma f’dawk tal-Istat Malti, billi hemm aktar bnedmin involuti jrid ikun ferm iktar attent. Irid ikun ippreparat ukoll jagħmel il-ħin, bħall-Eroj ta’ Haarlem, wieqaf jistenna jbati b’idu tiksaħ silġ. Kif dan ma jsirx, ibda mill-iktar affarijiet żgħar, allura kollox jidher f’dak li verament huwa. L-Oppożizzjoni, fil-fatt, f’dan kollu m’għandha bżonn tipprova xejn, għax l-aġir tal-Gvern waħdu huwa biżżejjed prova diretta u li ħadd ma jista’ jmeriha. Kull kelma hija proprju żejda u superfluwa, għax il-fatti tkellmu waħedhom.

Konfużjoni

4.   Seta’ kien hemm min, fil-kurituri tal-poter, li ħa pjaċir li l-attenzjoni nazzjonali minn fuq il-Prim Ministru, issa qed tinqleb għal fuq il-Ministru Miriam Dalli. Sija biex tneħħi l-impatt mill-iktar negattiv, ta’ kif rajna, deċiżjonijiet li kienu minnhom infushom loġiċi u ‘sempliċi’ biex jittieħdu imma li damu tant biex saru, kif ukoll biex turi nuqqasijiet f’persuna prominenti oħra fil-partit stess. Ix-xenarju politiku llum, u l-kumplikazzjonijiet li qed joħorġu bħala effett ta’ dan ngħid li huma katakliżmiċi. Dan f’diversi direzzjonijiet: l-ewwel, fl-inesperjenza u f’dak li jidher bħala l-inabilità li tifhem is-sitwazzjoni politika li żviluppat. It-tieni, fil-fatt li biex jiġi ppruvat punt, il-Gvern mar f’kontradizzjoni. Għax kif tista’ fuq naħa tinsisti li ssir biss inkjesta maġisterjali, u fuq l-oħra tattakka kemm tiflaħ lill-istess Ġudikatura li trid minnha biex turi li għandek “ir-raġun”. It-tielet, f’dan ħareġ li din it-tmexxija ministerjali hija, kollettivament, xejn tajba u mhux fuq persuna waħda, imma mifruxa fuq kull min huwa parti fil-Kabinett.

Għax riedu, jew bi traskuraġni jew b’inkompetenza

5.   Il-pajjiż, fit-toroq fehem, u qiegħed jagħmel dawn id-domandi u distinzjonijiet. Għax altru l-punt politiku, u altru l-konsegwenzi ta’ għemilhom fl-atti ta’ kommissjoni jew ommissjoni. Il-pożizzjoni ppreċipitat sew, u għalhekk qed nagħżel li nitkellem fuq katakliżmi għax min jifhem fil-politika għandu jagħraf li d-diga, jekk ma ssibx l-Eroj ta’ Haarlem għaliha, minn issa ser taqa’ aktar ’il quddiem. L-effett ser ikun kumulattiv, u altru dak li qed jiġri fi ħdan il-Partit Laburista u altru dak li qed iseħħ lil pajjiżna. Diġà qegħdin tajjeb fir-reputazzjoni li ġbarna f’dawn l-aħħar snin; issa dan kollu kien jonqos. L-impatt huwa, fih innifsu qawwi, u wieħed irid jagħraf kif ser iġib lura l-pożizzjoni f’postha.

Utopja jew Rivoluzzjoni

6.   Melvin J. Lasky (1920-2004) kien indirettament ta parir lil dawk li jridu jġibu pajjiż jimxi lura lejn is-sewwa wara l-kaos li jispiċċa fih. F’analiżi tal-ktieb tiegħu Utopia & Revolution (1976), ingħad hekk: “In his book Mr Lasky finds two recurring images that have inflamed the political imagination of men in history. The first is the image of Utopia as an orderly, disciplined, obedient anthill. The second is the image of Revolution as destructive but purging force that destroys the evils in existing society and prepares the way for Utopia.” (Fil-ktieb tiegħu Lasky jġib żewġ pożizzjonijiet rikorrenti li daħlu fl-immaġinazzjoni politika tal-bnedmin fl-istorja. Tal-ewwel l-immaġini ta’ Utopija bħala bejta tan-nemen ordinata, dixxiplinata, obbedjenti. Fit-tieni l-immaġini tar-Rivoluzzjoni bħala forza distruttiva imma li tnaddaf il-ħażen li hemm fis-soċjetà, imma li fl-aħħar tipprepara t-triq lejn l-Utopija.)

F’dan il-mument

7.   Proprju f’dan il-mument meta l-pożizzjoni politika ma tinsab tajjeb xejn, hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Fis-soċjetà li għandha, fejn ħafna jidher ħiereġ mill-idejn. Fejn il-kumplikazzjonijiet fil-kaos qed jiżdiedu proprju minħabba nuqqasijiet fl-ippjanar, fil-kompetenza u fl-amor proprju, hemm bżonn il-bidliet. Hemm bżonn mhux ta’ rivoluzzjonijiet li jispiċċaw jaħarqu anke dak jew dawk l-affarijiet li huma tajba, imma passi lura b’determinazzjoni fl-ordni morali, soċjali u legali. Passi demokratiċi mhux awtoritarji, imma li bihom nerġgħu niġu għas-sens komun. Iktar u iktar għax dak li qed naraw illum huwa konsegwenza ta’ dawn is-snin. Kumulu ta’ pożizzjonijiet fejn deċiżjonijiet ma ttiħdux jew tħallew lura. Snin, fejn flok ittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ ppjanar sew għall-futur, tħalla kollox wieqaf u abbandunat. Jekk kien hemm min tkellem dwar problemi taħt it-tapit fi żmienna, illum ingħata raġun fi żmienhom. Proprju għalhekk, aktar u aktar fil-katakliżmi li ninsabu fihom li rridu nifhmu li hemm bżonn bidliet qawwija u li dawn iseħħu mhux wisq ’il bgħid.

20.7.23

FL-ISOLA DEI FAMOSI

1.   Meta Napuljun Bonaparti (1769-1821) riedna.  Meta l-Imperu Ngliż fehem il-vantaġġi militari ta’ dawn il-gżejjer.  Meta konna parti mill-punt ċentrali li fihom il-potenzi ta’ dak iż-żmien ftehmu dwarna.  Meta ġejna msemmija fit-Trattat ta’ Amiens tal-1812.  Missirijietna fehmu aktar li pajjiżna huwa importanti u parti sħiħa mill-eventi Ewropej.  Dak li seħħ mitejn sena ilu skorruti mmarka ħafna mill-ideat u l-kultura li għandna ngħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra.  Bnedmin b’identitajiet varji tagħhom, uħud jifhmu l-bżonn li tipproteġi dak li għandek u oħrajn li jridu jibdew kollox mill-ġdid, qisu ma għadda xejn qabilna.

Fil-Ftehim

2. Fl-ideat u fil-konklużjonijiet li diversi minnhom ma ġewx implimentati, kien ċar li l-pożizzjoni strateġika tagħna fil-Mediterran, bil-wirt storiku li kellna diġà akkumulat, kienet unika.  Issemma li pajjiżna jmur lura f’idejn l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, kif ukoll in-newtralità tagħna.  Imma, f’dak kollu li seħħ wara, spiċċajna parti mill-Imperu.  Spiċċajna ġbarna importanza mod, u tlifniha mod ieħor.  L-identità tagħna ntilfet għal ħaddieħor fost gżejjer u artijiet oħra li kienu jiddominaw fil-proċessi varji li l-kolonjaliżmu tagħhom kien jagħti.  Anki jekk għaddew is-snin, xorta hemm il-bżonn li wieħed jeżamina mill-ġdid dak li ngħad lilna u dak li għandna iktar fatti għad-dispożizzjoni tagħna biex nagħrfu.

Debunking of the Myth

3.   Meta wieħed jaqra d-dibattiti parlamentari ta’ seklu ieħor.  Meta wieħed jara kif dawk id-deputati, li kienu ġejjin minn ambjenti u ideat kulturali varji, f’liema pożizzjoni sabu ruħhom u b’liema mod tkellmu, tifhem.  Tifhem li kellhom warajhom ġabra ta’ snin ta’ qari u formazzjoni.  Tifhem li, fuq kollox, mill-prijoritajiet tagħhom u mill-affermazzjonijiet li naqraw riedu jqegħdu l-pożizzjoni ċara.  Riedu jneħħu dak li mhuwiex minnu, imma jidher li huwa minnu billi jdaħħlu lura l-fatti.  Il-Fatti li dawn il-ġżejjer kellhom storja li rari ssib bħalha.  Kif jgħid tajjeb John Cook f’kuntest ieħor, imma applikabbli hawn: “The key facts you wish to communicate rather than the myth.  Otherwise you risk making people more familiar with the myth than with the correct facts.  (Importanti li trid tikkomunika l-fatti aktar mill-mit.  Inkella tissogra li tagħmel lill-poplu iktar familjari mal-miti milli mal-fatti korretti.)

Għadna fejn konna?

4.  Għadna l-pajjiż li jagħraf il-passat tiegħu u jrid jaffermah?  Għadna dawk li nafu li għandna valur uniku fl-identità nazzjonali tagħna u rridu niddikjarawh? Għadna dawk li għandhom il-ħsieb u l-konvinzjoni li kapaċi mmexxu b’dinjità u b’mod eżemplari lil pajjiżna?  Għadna dawk li għandhom fihom l-għarfien li aħna parti minn dawk l-eventi Ewropej, Mediterranji u fi ħdan il-Ġnus Magħquda?  Għadna dawk li jħarsu lejn dak li seħħ fl-istorja sabiex jagħrfu li hemm linji li m’għandhomx jinqabżu?  Għadna dawk li jifhmu li qed nitkellmu fuq gżejjer fejn hemm ħamest’elef sena ta’ ċiviltà?  Għadna dawk li nagħrfu l-bżonn tal-ordni, u mhux tad-diżordni?

M’aħniex

5.  F’dan iż-żmien partikolari, anzi f’dawn l-aħħar għaxar snin, missejna mal-kontra.  Daħħalna liġijiet u mexxejna politika li ħaduna ’l bgħid minn dak kollu li kien akkumulat.  Jekk qabel konna konxji tal-fatt li dawn il-gżejjer ma tantx huma kbar, illum m’għadniex.  Jekk qabel konna konxji li hemm bilanċ naturali li għandna nkomplu nirrispettaw bejn l-ambjent u l-bniedem, illum m’għadniex.  Jekk qabel kellna l-konvinzjoni li missirijietna kienu jafu x’inhuma jagħmlu, u li ħafna minnhom ċertament kienu onesti u deċiżi li jaqbżu għall-interessi tagħna, illum m’għadniex.  Jekk konna soċjetà fejn il-verità kellha valur demokratiku uniku, illum m’għadniex.  Fil-bluhat li dħalna fihom ċħadna li aħna biex tlifna dak kollu li aħna.  Tlifna l-imluħa tagħna u issa qed ninxeħtu ’l barra biex nintrifsu mid-disprezz tal-oħrajn.

Il-kuntest

6.   Jekk qabilna kienu jissieltu għall-identità tagħna, dan kienu qed iwettquh fil-kuntest ta’ potenzi militari varji.  Imma llum hemm min, żbaljatament jaħseb li m’hemmx bżonn li wieħed ikompli f’din il-linja.  Kif jiġri lil dawk li f’mumenti ta’ debbulizza jitilfu mill-kredtu tagħhom.  Dawk li jkunu qed jgħixu fl-għarfien li għandhom missjoni xi jwettqu għall-oħrajn, li minflik jitilfu ġieħhom.  Dawk li jkunu qed jibdlu l-gżira li jgħixu fiha mingħajr kap jew kuda f’ħidmiethom jew ħsibijiethom.  Jaħsbu li għandhom il-fakultà li jagħmlu ’l hekk imsejħa ‘bidliet’ u ’l hekk imsejħa ‘deċiżjonijiet’ li jwasslu sabiex nitilfu dak li akkumulajna fis-sekli.  Ma setax iseħħ pass iktar traġiku f’dawn is-snin milli t-tkissir ta’ dak kollu li jagħmel minna poplu separat u distint.

Fl-istat oriġinali

7.   F’dan il-kuntest huwa ċar li hemm min tellef dak kollu li konna magħrufa għalih.  Anzi, ġiebna lura sabiex nitilqu f’dak li eluf ta’ snin ilu bdew il-bnedmin f’dawn il-gżejjer.  Immorru lura għax-xejn fil-ħsieb li akkwistajna xi ħaġa.  Proprju bħal dawk il-persunaġġi li jiksbu l-attenzjoni ta’ bnedmin varji waqt li jitilqu dak li huma u jibdew jgħixu f’dak li mhumiex.  Is-serje li waslet fit-tmintax-il waħda tagħha jidher li hemm min qiegħed jiġi nfluwenzat wisq minnha.  Jaħseb li l-poplu huwa tant lura għax il-programm huwa popolari li jista’ jibbaża d-deċiżjonijiet politiċi tiegħu fuqhom.  Imma nafu li waqt li jista’ jkun li hemm dawk li għall-kurżità jaraw dak li jkun għaddej, ma jfissirx li jridu jgħixu bħalhom.

Magħrufa

8.  Forsi, f’dan il-kuntest irridu nagħrfu sew dak li rridu nkunu magħrufa llum għalih.  Pajjiżna, meta jħares lejn il-passat tiegħu, għandu jkun kburi bih.  U f’dan, illum hemm mudelli varji li nistgħu nieħdu.  Hemm dawk li ġbarna bl-esperjenzi umani iebsa u miġġielda ta’ dawk li ġew qabilna.  Hemm ukoll dawk li huma bbażati fuq l-ordni morali u soċjali.  Hemm, minflok, proprju l-kontra.  Hemm dawk fejn it-triq żbaljata tas-suppost ‘ġdid’ u ‘riformat’ jintilef f’kollox.  Pajjiżna għandu f’dan aktar quddiemu żewġ tipi ta’ Isola dei Famosi x’jieħu.  Nittamaw li l-eventi ta’ dawn il-jiem jiftħu aktar ċar l-imħuħ lejn l-għażliet it-tajba.

18.7.23

L-ARTI TAL-POSSIBBLI

1.   F’parti mill-ktieb tiegħu In Search of Politics (1999), Zygmunt Bauman (1925-2017), is-soċjologu u filosfu Pollakk jagħmel il-punt li waqt li oħrajn għandhom iktar libertà fid-deċiżjonijiet tagħhom, il-politiku mhuwiex, anzi, marbut minn dawk pragmatiċi. Fejn irid jieħu l-linja ta’ dak li huwa sewwa, u fl-istess ħin, jagħraf fejn jista’ jasal. Jikkumbatti din il-marda li daħlet iktar: il-marda li fil-politika wieħed jagħmel mhux dak li huwa ta’ ġid, imma dak li jista’ jaħseb li jaqbel lilu. L-esperjenza politika, il-qari ta’ ħidmet il-bniedem jiftħu l-għajn ta’ dawk li jridu jkunu mexxejja ġusti. Dawk li jridu jrabbu iktar fihom l-għarfien ta’ dak li huwa bi dritt u dak li huwa bi pjaċir.

Il-vot tal-Erbgħa

2.   Dan ġie iktar quddiemi tul din il-ġimgħa, fl-aħħar ġurnata meta vvutajna fuq il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni. Quddiem din l-inabilità politika attwali li ma tifhimx x’kellha twettaq u x’għadha, fil-fatt, fil-ħin li twettaq. L-esperjenza fil-Kamra tad-Deputati u bħala membru tal-Eżekuttiv tal-pajjiż turik li hemm mumenti ta’ prinċipju u oħrajn fejn wieħed irid jasal f’kompromess. Hemm mumenti meta trid toqgħod pass lura u tagħraf li altru x’taħseb int, u altru x’inhuma jaħsbu ta’ madwarek fis-soċjetà. Altru dak li tgħidlek rasek, u altru dak li għandek quddiemek. Proċess li kont qiegħed nittama li wara seba’ xhur skorruti, ir-raġuni kellha tirbaħ. Kellha tegħleb kull forma ta’ idea jew preġudizzju. Anki jekk wieħed ried jagħmel il-punt li m’għandux ikollna daqshekk inkjesti, xorta dan ma kienx il-każ li fih twettqu.

Kull min imexxi jiltaqa’


3.   Kull min, b’xi mod, mexxa pajjiż jew ministeru jaf li ser jiġi, jew diġà ġie, fil-mument meta jrid jagħżel. Meta jrid imexxi l-quddiem id-dipartimenti varji sabiex isiru dawn l-inkjesti. Xi drabi wieħed jitlaq mill-punt fl-għarfien sħiħ li jista’ jġib aktar dak li jista’ jkun għaddej għad-dawl tal-poplu u tal-gazzetti, li rari mhumiex formidabbli. Inkella li jimmaġina li b’daqshekk qiegħed jammetti. “Jaċċetta” li hemm dak li huwa żbaljat u ma ġiex ikkontrollat. Biss, hemm kunsiderazzjoni akbar, u dik hija l-fiduċja li l-poplu għandu bżonn biex jibqa’ jafda s-sistema u lil min imexxiha. Mhux biss, imma fiha wkoll l-effett salutari li l-ministru jkun qiegħed jiddistakka ruħu. Juri li huwa parti mill-elettorat, u jrid huwa wkoll ikun jaf iktar dak li ġara. Dan proċess li ħafna għaddew minnu, u fih skumditajiet politiċi varji, imma fl-esperjenza huwa wieħed li minnu titgħallem.

Ma kienx hemm bżonn


4.   F’pajjiż “normali”, ma kienx hemm bżonn li l-Oppożizzjoni tasal biex tressaq mozzjoni parlamentari dwar dan. Ir-raġuni, li nagħrfu li ma tridx forza għax waħedha tirbaħ, kellha tkun diġà, minnha nfisha, biżżejjed. Fil-każ inkwistjoni, dan iż-żagħżugħ, membru onest u twajjeb tas-soċjetà tagħna, Jean Paul Sofia kien jixraqlu li mill-ewwel tittieħed deċiżjoni biex ikun hemm inkjesta mmexxija minn esperti fis-suġġett. Kien ikun iktar għaqli għal diversi raġunijiet, iktar u iktar mal-ġbir tal-fatti li, ħafna drabi, joħorġu aħjar meta t-traġedja tkun għadha kif seħħet. Imma anki kieku f’dan, meta ma ttiħditx, u ladarba l-inkjesta maġisterjali qegħda tieħu l-ħin tagħha, u terġa’ ma kinitx lesta wara sitt xhur, kien ċertament ferm iktar u iktar għaqli li ssir.

Seduta sofferta

5.   Pajjiż immexxi mir-raġuni u mill-moderazzjoni kien jagħraf, fl-arti tal-possibbli, li kellu quddiemu l-bibien politiċi miftuħa. Kien, f’dan, ċertament iktar soffert u fil-livell ta’ “tortura” umana qawwija dak li rajna quddiemna fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa. Għax ladarba l-ġimgħa ta’ qabel, fis-seduta tal-Ħamis dedikata għall-Oppożizzjoni darba kull tlett xhur, dan kien dibattut. Hemm, il-pożizzjoni kellha diġà, minnha nfisha tiċċaqlaq mingħajr il-bżonn ta’ vot. Proprjament, anzi, il-Gvern kellu f’idejh l-għażla qabel li jġib il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni għad-diskussjoni fl-aġenda normali parlamentari. Imma tant tħawdet il-pożizzjon, u tant l-arti tal-possibbli ma ġietx imħaddma, li ġejna fil-pożizzjoni traġika li rajna. Tgħid le, u tinsisti iktar li tiddikjara proprju dan quddiem il-familjari, li f’ġisimhom għandhom qalb tal-laħam, li però ngħatalhom hemm, ġo fiha, is-sejf tat-tradiment. Dan kien mill-iktar żbaljat, u ħadd ma jlum ir-reazzjoni tagħhom.

Effetti

6.   Kien mill-iktar naturali li, l-għada, il-poplu ma setax jemmen kif deċiżjoni politika bħal din ma ġietx meħuda qabel kif kienet għadha f’pożizzjoni li ssir. Ma setax jemmen li l-punt wasal fejn wasal, u fehem li l-Istat Malti jixraqlu għaqal u direzzjoni fl-arti tal-possibbli li mhuwiex jara. Jekk, kif qed naraw, hemm terz tal-elettorat li qiegħed jinsisti li ma jiħux sehem fid-demokrazija tagħna u jivvota, b’dan mhux sejjer jonqos, imma jiżdied. Iktar u iktar meta l-bnedmin għarfu li din mhix deċiżjoni politika ta’ partiti, imma hija waħda mill-iktar umana. Il-kummenti u d-diskusjonijiet fi-toroq kienu ndirizzati lejn dan in-nuqqas ta’ għarfien li nkjesta mhix deċiżjoni żbaljata, imma waħda li tagħmel il-ġid. Waħda li tistabbilixxi, minnha nfisha, jekk id-deċiżjonijiet kinux korretti jew le.

Eżerċizzju fil-verità


7. Dan kien iktar għaqli u sewwa proprju għax m’għandniex nafdaw kollox fuq idea waħda, jew opinjoni legali marbuta mal-Kodiċi Kriminali, imma li tiftaħ ferm iktar l-orizzonti. Fir-realtà, wieħed jifhem ċar li min huwa fil-poter u r-responsabbiltà demokratika jrid ikollu l-verità spalla ma’ spalla miegħu. Mingħajrha, il-pajjiż ma jimxix ’il quddiem. Hija l-linja li turi l-livell għoli, jew baxx, tas-sistema kif imħaddma fiha. Anki jekk, kif qed naraw, il-verità mhix prijorità u hija skomda, xorta, politikament, kien jaqbel li ssir. Iktar u iktar quddiem din l-omm li qegħda tinsisti, ġustament, quddiem l-imħallef politiku. Il-pragmatiżmu politiku kien, u għandu, waħdu jmexxik ukoll għal dan. Il-fatti dawk huma, u l-poplu tkellem u għadu jinsisti li ssir inkjesta pubblika. Tajjeb li ssir fl-arti tal-possibbli, u dan l-iktar f’ġieħ is-sewwa u l-verità li tant għandna bżonn.

14.7.23

POTERE DISCRETO

1.   Il-ġimgħa li għaddiet ġie nieqes politiku Taljan li ħadem sew għal pajjiżu. Persuna li ħa ħsieb iservi b’dinjità u attenzjoni f’mument xejn faċli għall-poplu Taljan u għall-partit li ħadem u serva sew fih. Fis-6 ta’ Lulju, Arnaldo Forlani ġie nieqes f’età sabiħa ta’ 97 sena. Membru attiv fil-politika Taljana li nibtet u tat frott wara t-tmiem tal-aħħar gwerra dinjija. Membru fi ħdan id-Democrazia Cristiana ta’ Alcide de Gasperi, u iktar tard, tiegħu stess. Mexxej li dderieġa b’attenzjoni u b’diskrezzjoni sabiex ikun hemm diversi bidliet li llum ħadd m’għadu jservi. Kif kien għamel l-osservazzjoni sewwa Marco Follini (1954) sar ħafna ġid, imma ma sarx il-proċess ta’ informazzjoni u għarfien tiegħu. Kważi għal uħud ma jeżistix, jew kien fil-peġġorattiv. Mentri nafu li dan ma kienx minnu.

Mill-bidu

2.   Kien għadu kif iggradwa bħala avukat fl-1948 li ddeċieda li jibda jservi fi ħdan il-partit. Kien żmien ta’ bidla u sfidi kbar. Kien żmien li fih De Gasperi beda jqiegħed pedamenti varji li ġiebu fl-eżistenza d-demokrazija u l-kostituzzjoni tal-pajjiż. Kien iż-żmien li fih il-politika barranija ġiet iffurmata u stabbilita kontra diversi oppożizzjonijiet żbaljati. Kien iż-żmien meta l-pajjiż beda jinbena lura mill-ġdid. Kien iż-żmien meta b’dibattiti kbar fi ħdan il-partit bdiet titwettaq politika bbażata fuq id-duttrina soċjali. Dik li tieħu ħsieb iġġib fis-seħħ ġustizzja soċjali vera. Waħda li ttella’ ’l fuq lil dawk l-iktar lura. Dik li tat ħafna mportanza lill-bdiewa, li ngħataw artijiet varji fi proprjetà biex tiġi kkultivata aħjar. Dik li bdiet proċess ta’ industrija li ssarraf f’pożizzjonijiet ġodda. Proċess li mill-bidu beda joħroġ lill-pajjiż mill-ħsara u d-diżastri li l-lemin estrem tal-Faxxiżmu kien wettaq.

Fiċ-Ċentru


3. Forlani kien il-politiku li serva fit-triq tan-nofs tal-moderazzjoni. Kien dak li kien parti minn diversi proċessi interni fil-partit, fosthom dawk marbuta ma’ Iniziativa Democratica u La Base. Kien preżenti ma’ diversi ismijiet li llum forsi nistgħu napprezzaw aktar. Kien hemm fid-diffikultajiet bejn Giuseppe Dossetti (1913-1996) u De Gasperi. Kien flimkien ma’ Aldo Moro (1916-1978), Mariano Rumor (1915-1990), Giulio Andreotti (1919-2013), Flaminio Piccoli (1915-2000), Amintore Fanfani (1909-1999) fil-ħidma. Ismijiet li wħud qatt ma semgħu bihom, oħrajn jafu biċċiet minnhom imma li fil-fatt ħadmu sabiex mexxew ’il quddiem pajjiżhom fil-kumplikazzjonijiet li sabu ruħhom fihom. Bnedmin li huwa kien magħhom fil-qalba ta’ ħafna, u li bena esperjenza politika unika fiċ-ċentru moderat.

Fil-bilanċ politiku

4. Sandro Fontana (1936-2013) jgħid hekk dwaru: “La posizione ‘mediana’ che Forlani ha saputo mantenere per circa mezzo secolo all’interno delle vicende politiche italiane e alla guida della DC è anche il frutto dell’attenzione che egli ha sempre portato ai cedi medi e ai loro problemi. Tale atteggiamento non discendeva solo all’interclassismo teso a ridurre le distanze tra ricchezza e povertà.” (Il-pożizzjoni fin-nofs ta’ Forlani kienet intelliġenti biex iżomm għal madwar ħamsin sena fi ħdan l-eventi politiċi Taljani u fit-tmexxija tal-partit tad-DC, imma wkoll frott tal-attenzjoni li huwa għaraf jagħti dejjem lill-klassi tan-nofs u l-problemi tagħha. Din il-pożizzjoni ma kinitx ġejja biss mill-pożizzjoni interklassista ndirizzata biex tnaqqas id-distanza bejn is-sinjurija u l-faqar.) U proprju minħabba hekk huwa sab ruħu Prim Ministru tal-pajjiż u serva f’diversi ministeri prestiġġjużi, fosthom dawk tal-Affarijiet Barranin.

Għaqli u deċiż

5.   Kien il-bniedem li rnexxilu, anki fl-iktar sitwazzjonijiet skabrużi, li jara sewwa l-fatti. Anzi, kif dan l-awtur jgħidilna: “ ... a collocare gli eventi sempre in una filosofia serena, un pò fredda all’apparenza ma in realtà intrisa di fede e certo corredata dalla lettura assidua dei testi sacri e dei grandi autori cristiani.”. Kellu kultura soda warajh, u waħda Nisranija wkoll. Kien, f’dan, il-bniedem li ħa t-tmexxija tal-parti wara l-eventi traġiċi tal-qtil tal-ħabib tiegħu Aldo Moro. Dawk il-mumenti mmarkaw il-partit, speċjalment f’dawk li kienu jafuh u li ħadmu miegħu. Kien hu li rnexxilu jżomm il-partit fuq il-linja tal-ħidma biex jibqa’ jikber, u fl-istess ħin, id-demokrazija fil-pajjiż tibqa’ tiġi garantita. Kien hu li, b’alleanza differrenti mal-Partit Soċjalista ta’ Bettino Craxi (1934-2000), għaraf jimxi fi staġun politiku ieħor. Wieħed mimli b’sofferenzi, imma li kellu jsir, u hu kien il-bniedem li serva.

Il-Partit

6. Kien dak li fehem li l-partit jista’ jibqa’ jaħdem jekk jibqa’ organizzat verament. Kellu quddiemu Partit Komunista Taljan li fuq dan kellu abbiltajiet kbar. Ferm iktar dixxiplinat u ferm iktar attent għar-realtajiet li kienu qed jiżviluppaw post l-omiċidju ta’ Moro. Kien hu li ġieb lura ’l-partit biex imiss mat-territorju u jżid it-tesserati u l-ħidma fid-diversi bliet u rħula Taljani. Żamm lill-partit sod elettoralment, anke jekk kien hemm l-għarfien li t-tiġdid intern ma kienx f’pożizzjoni jsir proprju għax l-istabilità talbet iktar minn dawk li kienu ilhom iservu. Imma huwa baqa’ attent u għaref f’kif jista’ jeżerċita l-politika f’pajjiż li kien sar iktar żviluppat u kkumplikat. Iktar u iktar fil-proċessi legali li ‘mani pulite’ ġiebu magħhom.

Wieħed jifhem

7. Dan kollu huwa ferm iktar ċar fil-ktieb Potere discreto ta’ Sandro Fontana, li għażilt bħala titolu għal dan l-artiklu. Ktieb mimli informazzjoni u ntervisti li sarulu. Ktieb tajjeb ħafna, li wieħed jagħmel sewwa li jaqra. Wieħed li minnu jifhem iktar proprju f’dan li l-Istat Taljan ħabbar luttu nazzjonali u funeral statali. Mhux biss, ċertament għax kien Prim Ministru tal-pajjiż, imma iktar għas-servizz li huwa renda. Servizz uniku f’eżempji ta’ politika tajba. Servizz għas-sewwa u li flimkien ma’ oħrajn taw ħajjithom, mhux għall-vanaglorja, imma sabiex iwettqu l-ġid lill-proxxmu tagħhom. Bniedem li għen lilna wkoll fil-mumenti diffiċli tad-demokrazija tagħna. Minn qalbna, għalhekk, insellmulu.

TALBIET GĦALL-AŻIL

10923. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal talbiet għall-ażil tul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u kemm minnhom ġew rifjutati jew milqugħa?

 

06/07/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar 2023 u t-tletin ta’ Ġunju 2023, l-IPA rċeviet 272 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li jikkonsistu f’214 First Application u 58 Subsequent Application. Min dawn 1 ingħalqet bħala Administartive Closure, 6 ingħalqu bħala Dublin Closure, 13 ingħalqu bħala Explicitly Withdrawn, 3 ingħalqu bħala Implicitly Withdrawn, 24 ingħalqu bħala Inadmissabile, 32 ingħalqu bħala Rejected, 1 ingħalqet bħala Subsidiary u 192 -il applikazzjoni għadhom pendenti.

 

Year

Total Applications

Administrative closure

Dublin Closure

Explicitly Withdrawn

Implicitly Withdrawn

Inadmissible

Rejection

Subsidiary

Pending Decision

First Applications

214

1

6

13

3

8

32

1

150

Subsequent Applications

58

0

0

0

0

16

0

0

42

Total

272

1

6

13

3

24

32

1

192

 

Seduta  145

10/07/2023

PERSUNI LI JIRĊIEVU L-PENSJONI TAT-TEŻOR

10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin jirċievu l-pensjoni magħrufa bħala tat-Teżor?

 

06/07/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  145

10/07/2023

PERSUNI LI JIRĊIEVU L-PENSJONI TAT-TEŻOR

10921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin jirċievu l-pensjoni magħrufa bħala tat-Teżor?

 

06/07/2023

 

ONOR. MICHAEL FALZON: Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kien hemm 13,830 persuna li tħallsu l-Pensjoni tas-Servizz (li hija ukoll magħrufa bħala l-Pensjoni tat-Teżor) matul ix-xahar ta’ Ġunju 2023.

 

Seduta  145

10/07/2023

OPERAZZJONIJIET TAL-BDIL TAL-IRKOPPA

10920. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru operazzjonijiet mill-bidu tas-sena li fihom kien hemm tibdil tal-irkoppa? Jista’ jgħid ukoll kemm għad hemm każijiet pendenti?

 

06/07/2023

 

ONOR. CHRIS FEARNE: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu ta’ din is-sena  saru 229 operazzjonijiet ta’ total knee replacement. Fil-waiting list hemm 900 li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fil-Patient Charter.

 

Seduta  145

10/07/2023

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ IL-KAPUĊĊINI – DAWL

10919. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tara li d-dawl tal-elettriku pubbliku li hemm mitfi fi Triq il-Kapuċċini, f’Ħaż-Żabbar, faċċata tal-uffiċċju tal-assigurazzjoni, jiġi mixgħul u msewwi?

 

06/07/2023

 

ONOR. MIRIAM DALLI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10918.

 

Seduta  145

10/07/2023

ĦAŻ-ŻABBAR – TRIQ IL-KAPUĊĊINI – DAWL

10918. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara li d-dawl tal-elettriku pubbliku li hemm mitfi fi Triq il-Kapuċċini, f’Ħaż-Żabbar, faċċata tal-uffiċċju tal-assigurazzjoni, jiġi mixgħul u msewwi?

 

06/07/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab informat mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar li sad-data ta' din l-Interpellanza ma kienx informat rigward din il-bozza permezz ta' rapporti iżda se jibda minnufih il-proċess meħtieġ.

 

Seduta  145

10/07/2023

12.7.23

IX-XGĦAJRA - TRIQ ALOF WIGNACOURT – BUS SHELTER

10930. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10485, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, u jara li l-bus shelter li hemm fil-bidu ta’ Triq Alof Wignacourt, fix-Xgħajra, tiġi debitament mibdula billi li hemm hija msadda?

 

06/07/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Informat li dan il-Bus Shelter huwa wieħed minn dawk li l-kunsill kien talab u qabel mal-FACES sabiex jinbidel. Informat li l-proċess biex dan jiġi eżekwit jinsab skolpit minħabba proċeduri fil-Qrati.

 

Minn informazzjoni f’idejn il-Kunsill Lokali jidher illi mhux ser ikun hemm dewmien u b’hekk ikun jista jitkompla x-xogħol fuq dawn il-bus shelters inkluż dak ta' Triq it-Torri t'Alof De Wignacourt.

 

Seduta  146

11/07/2023

QORTI TAL-MAĠISTRATI – APPELLI MILL-KUMMISSARJU GĦALL-ĠUSTIZZJA

10929. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati u reġistrati appelli ġodda quddiem il-Qorti tal-Maġistrati mill-Kummissarju għall-Ġustizzja mill-bidu tas-sena 2023 sal-aħħar ta’ Ġunju 2023?

 

06/07/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2023 sal-aħħar ta’ Ġunju 2023 fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) ġew preżentati 511 appelli ġodda mid-deċizjonijiet tal-Kummissarju għall-Ġustizzja.

 

Filwaqt li fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) ġew preżentati 5 appelli ġodda mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, li għad iridu jiġu reġistrati meta jasal l-inkartament min-naħa tat-Tribunal.

 

Seduta  146

11/07/2023

QORTI TAL-MAĠISTRATI – APPELLI PENDENTI

10928. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm appelli pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati mill-Kummissarju għall-Ġustizzja sal-aħħar ta’ Ġunju 2023?

 

06/07/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Ġunju 2023 fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) kien hemm 600 appell pendenti mid-deċiżjonijiet tal-Kummissarju għall-Ġustizzja.

 

Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) kien hemm 8 appelli pendenti mill-Kummissarju għall-Ġustizzja.

 

Seduta  146

11/07/2023

MULTI MHUX IMĦALLSA

10926. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid sal-aħħar ta’ Ġunju 2023 kemm kien hemm multi li mhumiex imħallsa billi hemm appelli minnhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati?

 

06/07/2023

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Nitlob l-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema multi qed jirreferi peress li jeżistu bosta tipi ta’ multi.

 

Seduta  146

11/07/2023

ĦAL TARXIEN – JOANNA GARDENS – XOGĦLIJIET

10925. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru fil-Joanna Gardens, Ħal Tarxien, u meta mistennija jitlestew?

 

06/07/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 10924.

 

Seduta 146

11/07/2023

ĦAL TARXIEN – JOANNA GARDENS – XOGĦLIJIET

10924. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru fill-Joanna Gardens, Ħal Tarxien, u meta mistennija jitlestew?

 

06/07/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi il-proġett ta’ Joanna Gardens huwa ffinanzjat mill-fondi Norveġiżi (EEA Grants) u parti minnu ffinanzjat mil-fond lokali tal-proġetti fil-komunita’ ffinanzjati mill-LESA. Qed isir sforz intern sabiex il-proġett kollu jiġi konkluż sal-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu 2023, bil-kuntratturi kollha notifikati li jekk ma jinżammx il-pjan ta’ ħidma ser jibdew jiġu applikati l-multi.

 

Seduta  146

11/07/2023

10.7.23

L-GĦAŻŻ BALZMU, IMMA MHUX POLITIKU

1.   Hemm varjetà ta’ bnedmin. Hemm min juża t-talenti li għandu, u hemm min jipparkjahom. Hemm min huwa bieżel, u hemm min, minflok, huwa bank tal-għażż. Bħal dawk li joqogħdu ma jagħmlu xejn, jintelqu f’idejn ħaddieħor u kemm jista’ jkun ma jiċċaqilqux. Dawk li d-dinja ma tantx tista’ tiddependi fuqhom biex nimxu ʾl quddiem. Dawk li jħallu kollox għaddej għax jaħsbu li m’hemmx bżonn, jew li aħjar għalihom li ma jagħmlu xejn. Dawk li jistrieħu fuq l-oħrajn u jippruvaw iġibu letarġija madwarhom. Hemm ktieb mill-isbaħ fil-letteratura ta’ Ivan Goncharov (1812-1891) bit-titlu Oblomov (1859), fejn il-karattru ċentrali ma jiċċaqlaq xejn. L-ewwel kapitoli huma marbuta proprju mal-karattru ta’ bniedem li mhuwiex kapaċi jieħu deċiżjonijiet, fejn l-ikbar ċaqliq f’dawn il-paġni huwa mis-sodda sas-siġġu.

Hemm min jaħseb

2.   Hemm min jaħseb li ma hemmx bżonn tiċċaqlaq. Hemm min jaħseb li huwa komdu, u kif jgħidu t-Taljani: “Chi sta bene non si muove”. Hemm ukoll min m’għandux il-ħeġġa li jimxi, u kull darba jrid lil min jimbuttah ʼil quddiem. F’dan, sija fil-ħajja soċjali fejn jitqanqal biss biex jikseb xi ħaġa u wara jerġa’ jinżel fil-letarġija, u dan jgħodd sija f’dik ekonomika, kif ukoll fil-politika. F’din il-kategorija nsibu lil dawk li jibqgħu jistennew, bil-ħsieb li l-affarijiet ser jiġu f’posthom waħedhom: tagħmel xejn, anzi, għix fid-dinja żgħira tiegħek u oqgħod stenna. Taħseb li b’daqshekk l-eventi ser jiġu favur tiegħek proprju għax int ma tkun għamilt xejn. Imma l-ħajja tagħti lezzjonijiet differenti. Min jieqaf jitwaqqaf u jagħmel lilu nnifsu irrilevanti.

Il-għażż jittieħed

3. Hemm, f’dan, min isegwi dan l-eżempju żbaljat fil-ħajja. Min ma tantx itajjar nar jiġbed warajh tant oħrajn. Oħrajn li jħossuhom komdi proprju għax għandhom magħhom lil min ma jiċċaqlaqx ʾil quddiem. Jibqa’ fejn hu, u allura huma li ma jiċċaqilqux m’għandhomx għalfejn jinkwetaw. Mhux ser jiġu oskurati, għax kulħadd ser jibqa’ fl-istess livell ta’ attività u medjokrità. Meta tidħol f’post, f’uffiċċju, f’ħanut fejn ħadd ma jkun wisq attiv dan tifhmu aktar. Anzi llum hawn iktar minn dawk il-postijiet fejn issib li min għandu jgħinek, jaqdik jew imexxik, ikun mitluf fuq il-mobile. Mitluf fid-dinja tiegħu, jħares lejn l-istampi varji. Iħares mill-gallerija virtwali tiegħu, fejn għajnejh waħedhom jitkellmu għat-talbiet tiegħek. Fejn il-messaġġ huwa sempliċi: ħallini fejn jien, iddejjaqnix u ara int kif ser issolvi l-problema li jien imħallas biex ngħinek fiha waħdek. Fejn il-kliem ta’ kortesija jsiru paraventi għan-nuqqas ta’ attività.

Il-ħidma tmexxik

4.   Hawn iktar, f’din is-soċjetà, fejn il-kaos u l-konfużjoni huma ġenerali dan l-element ta’ inerzja. Fejn, fil-kumplikazzjonijiet li l-pajjiż għaddej minnhom, il-Gvern jagħżel liema kapaċi jaffronta u liema le. Jgħid li huwa jiddeċiedi, imma fil-fatt qed jiddeċiedi li ma jiddeċidix. Jum wara jum insibu aktar sfidi li qed jakkumulaw. Il-pożizzjoni ekonomika bir-rata ta’ inflazzjoni li qabżet iċ-ċifri sew. Bil-problema tal-għoli tal-ħajja, li timmarka d-doppju tar-rata b’21.5% fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, ma jidhirx li hemm xi soluzzjoni jew programm għaliha. Kif ukoll dik marbuta mal-ordni soċjali u morali fis-soċjetà tagħna. Fejn huwa mill-iktar ċar li m’aħniex nikkontrollaw dak li għandna, anzi, qed inċedu. Niddikjaraw legali dak li qabel kien illegali, għax l-Istat tagħna wasal f’din il-pożizzjoni ta’ rassenjazzjoni.

Programmi

5.   Biex tibdel il-varjetà tal-intoppi li s-soċjetà għandha trid programm ta’ ħidma vera. Trid tifhem: l-ewwel, dak li l-bnedmin f’din is-soċjetà qed imissu miegħu. Tifhem kif il-miżuri passati ġiebu huma dan it-taħwid. It-tieni: tifhem x’hemm bżonn li tibdel mill-ewwel biex nerġgħu nibdew nimxu ʼl quddiem. Tifhem li trid tidħol fid-dettall u mhux tafda f’dikjarazzjonijiet fl-arja li ma jfissru xejn. Il-politika trid ħidma mas-soċjetà fil-parteċipazzjoni demokratika. Tiġi billi titlaq il-ħajja komda u tmur, jum wara jum, taħdem mal-irkejjen tal-poplu. Mhux ħidma li hija marbuta mar-ritratti biex wieħed “jidher” li qiegħed jaħdem, imma li verament ixxammar idejk. Dan għax nagħrfu li ħafna bnedmin għandhom diversi sitwazzjonijiet li wieħed irid iż-żmien biex isib it-tarf tagħhom.

M’aħniex fuq il-palk

6.   Jista’ jkun li Volodymyr Zelensky (1978) kien attur qabel sar President tal-Ukrajna, imma llum qiegħed iwieġeb lura għall-aggressjoni Russa mhux minn fuq il-palk. Il-politika tista’ tiftaħ il-bibien għal dawk li jħobbu l-populiżmu, imma fir-realtà trid diskors u azzjoni mmirati. Mhuwiex biżżejjed li tirreċta l-parti tiegħek għall-perfezzjoni. Anqas li taqra diskors li ktibt, jew kitbulek, bħal wieħed mill-atturi li William Shakespeare (1564-1616) kien tant tajjeb biex joħloq. Il-palk huwa teatru li fih in-nies imorru biex jaljenaw rashom, biex forsi jiddevertu ruħhom, imma l-politika trid ferm iktar. Trid ħidma kostanti. Trid ħidma li ma tidhirx, u li la tiġi apprezzata u wisq inqas issib xi forma ta’ gratitudni, imma li trid issir.

Nammira

7.   F’dan nibqa’ nammira lid-deputati parlamentari li nagħraf li jridu jaħdmu. Nammira lil dawk li huma iktar marbutin mal-fatti milli mad-diskorsi fl-arja. Nammira lil dawk li jfittxu soluzzjonijiet u mhux opportunitajiet għar-ritratti jew għad-diskorsi pompużi. Nippreferi lil dawk li jaħsbu u jaħdmu għal dawk li m’għandhomx. Nippreferi lil dawk li huma verament favur il-ġustizzja soċjali, u mhux jużawha fejn jaqbel lilhom politikament. Nippreferi lil dawk li mingħandhom tagħraf li t-tfittxija lejn il-verità ma tonqosx. Bnedmin trasparenti, li mhumiex wiċċ b’ieħor. Dawk li jiffurmaw il-politika vera fil-Partit Nazzjonalista. Dawk id-diversi deputati li servew b’umiltà, b’attenzjoni u b’onestà. Dawk li ma ngħatawx, u ma jingħatawx il-kredtu li ħaqqhom f’din id-dinja, imma ċertament f’dinja oħra. Bnedmin mal-bnedmin, spalla ma’ spalla magħhom fid-diffikultajiet.

Bżulija

8.   F’dawn l-aħħar jiem tal-ġimgħa daħlet l-aħbar li Arnaldo Forlani (1925-2023) ġie msejjaħ għal dinja aħjar. Persuna li serva b’dinjità u attenzjoni lil pajjiżu. Demokristjan li ħadem sew, anke magħna. Bniedem li nittama li jkolli l-ħin nikteb ukoll dwaru. Eżempju mill-iktar ċar li l-politika t-tajba trid il-ħidma, u ħidma siewja. Eżempju sabiex dawk li qed jaħsbu li billi qed jgħixu fil-għażż politiku, minflok jifhmu li trid il-ħidma biex tibdel għas-sewwa. Pajjiżna, illum, għandu iktar dan il-bżonn, u miegħu dak ta’ alternattiva għal dan il-Gvern li jidher li riesaq iktar lejn il-venda finali tiegħu. Jekk qabel ħidmietna kienet immexxija mill-prinċipju li aħna differenti, illum din hija mmexxija min-neċessità nazzjonali. Pajjiżna għandu bżonn ħafna bidliet. Dawn isiru fil-ħidma għax il-lezzjoni tal-istorja hija dejjem li l-għażż jista’ jkun balzmu għal uħud, imma mhuwiex politiku.

7.7.23

INTERNATIONAL LABOUR ORGANIZATION - LAQGĦA

10688. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Uffiċċju tal-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9939, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, u jgħid x’ġie diskuss fl-aħħar laqgħa tal-International Labour Organization (ILO) u min attenda għaliha?

 

30/06/2023

 

ONOR. ROBERT ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tema tal-111 Konferenza tal-ILO kienet il-Ġustizzja Soċjali.

 

Ninsab infurmat li l-interventi tal-kelliema f’isem il-Gvern Malti kienu ffokati dwar din it-tema anke b’eżempji tal-ħidma li saret f’pajjiżna fuq is-suġġett.

 

Kien diskuss ukoll it-tisħiħ tal-liġijiet Maltin b’rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-twaqqif tal-Low Wage Commission.

 

Ninsab informat ukoll li għal din il-konferenza attendew staff tad-Dipartiment tal-Impjieg u r-Relazzjonijiet Industrijali, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u staff minn tiegħu, u diversi msieħba soċjali, kif dejjem kienet il-prassi.

Seduta  144

06/07/2023

ĦAŻ-ŻEBBUĠ – MINA DE ROHAN - MANUTENZJONI

10686. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jara li l-Mina De Rohan, f’Ħaż-Żebbuġ, tiġi kkurata aħjar billi l-paviment ta’ madwar huwa maqlugħ u d-dawl li kien hemm inqala’ u tkisser kompletament?

 

30/06/2023

 

ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10684.

 

Seduta  144

06/07/2023

6.7.23

ĦAŻ-ŻEBBUĠ – MINA DE ROHAN - MANUTENZJONI

10685. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jara li l-Mina De Rohan, f’Ħaż-Żebbuġ, tiġi kkurata aħjar billi l-paviment ta’ madwar huwa maqlugħ u d-dawl li kien hemm inqala’ u tkisser kompletament?

 

30/06/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIA:   Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10685 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  143

05/07/2023

ĦAŻ-ŻEBBUĠ – MINA DE ROHAN - MANUTENZJONI

10684. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara li l-Mina De Rohan, f’Ħaż-Żebbuġ, tiġi kkurata aħjar billi l-paviment ta’ madwar huwa maqlugħ u d-dawl li kien hemm inqala’ u tkisser kompletament?

 

30/06/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ illi nħareg tender sabiex iż-żona ta’ madwar Bieb de Rohan tkun irranġata u bħalissa qegħdin nistennew permess mingħand il-PA sabiex isiru xi modifikazzjonijiet fil-pjanti sabiex ikun akkomodat meter tad-dawl li ser jissuplixxi l-istess Bieb bid-dawl fuq barra.

 

Seduta  143

05/07/2023

ISLA – ĦRUĠ TA’ ILMA FEJN IL-KAŻIN TAR-REGATTA

10683. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tara jekk huwiex possibbli li jiġi investigat għala fil-parti tal-ponta tal-Isla fejn hemm il-Każin tar-Regatta, hemm ilma li qiegħed kontinwament jiskula?

 

30/06/2023

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li għaddejjin l-investigazzjonijiet meħtieġa u li minnhom s’issa rriżulta li l-problema mhix ġejja mis-sistema tad-drenaġġ.

 

Seduta  143

05/07/2023

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...