31.7.23

FORSI KONNA AĦJAR

1.   F’dak li żviluppa tul din il-ġimgħa fix-xena politika nazzjonali, wieħed ikun għaqli jekk, fid-dlam jew fid-dawl li jsib lilu nnifsu fih, jieqaf u jirrifletti. Iħares oġġettivament, u dan dejjem kemm il-bniedem jippermetti lilu nnifsu jagħmel dan u jipprova jifhem. Jiftakar li diversi gvernijiet, fil-passat, kellhom il-mumenti iebsa tagħhom. Kellhom kumplikazzjonijiet varji, daqqa ġejjin minn idejn ħaddieħor, u daqqa minn ġewwa stess. Imma bħal dawn li aħna preżentement għaddejjin minnhom bħala pajjiż u poplu, ftit kienu li rajna.

Effett illum


2.   L-effett ġenerali tagħhom huwa li l-pajjiż iħoss li tant intilef il-kontroll, l-awtorità morali u amministrattiva li ħafna qed iqisu ċ-ċirkostanzi barra mill-ordinarju. Illum hemm l-effetti, imma l-kawżi veri tagħhom, dawk li ġibuhom fil-kaġun, ġejjin mill-bieraħ. F’sitwazzjoni fejn dak li qiegħed iseħħ juri biċ-ċar li ma kienx hemm biżżejjed ħsieb fit-tul. Ngħixu l-ġurnata qisu l-aħħar tax-xahar m’hu ser jasal qatt. Żidna l-piżijiet fuq l-infrastrutturi varji tagħna mingħajr ma wieħed ipprepara għal dak li kien ġej.

Tilef l-appoġġ

3.   Ir-rapporti fil-gazzetti tal-Ħadd li għadda juru li l-Partit fil-Gvern tilef l-apoġġ lejh b’mod immarkat. Dan bir-raġun, għax f’dawn l-aħħar xhur daħal, u daħħal lilu nnifsu f’sitwazzjonijiet fejn ir-reazzjonijiet għalihom ma tantx ikkonvinċew lill-elettorat. Kien hemm lista tagħhom li, f’ħafna sens, meta tqishom separatament tifhem li kull waħda hija politikament serja u gravi. Bombi atomiċi politiċi. Għax meta tqis: l-ewwel, is-sentenza mogħtija dwar dak li seħħ fil-kuntratt tal-Isptarijiet, fejn tberbqu l-miljuni; it-tieni, fil-kwistjoni marbuta mal-emeda legali fejn kien ċar ħafna li biha seta’ jiġi legalizzat l-abort; it-tielet, il-mistħija u l-konfużjoni marbuta mal-Inkjesta tal-każ Jean Paul Sofia; u r-raba’, b’dak li għaddej fil-ħsarat u l-qtugħ tad-dawl tifhem li dawn jitkellmu waħedhom. Għal dawn, sistematikament, ma kienx hemm la tweġiba u lanqas reazzjoni diretta u f’postha li l-poplu kellu u għandu kull dritt li jippretendi. Il-Gvern deher indeċiż, u minflok ma kien jaf fejn sejjer mill-bidu, spiċċa mar il-kontra ta’ dak li ddikjara.

Wieħed jifhem

4.   F’dan, wieħed proprju jifhem li hemm differenza bejn li partit jitlef l-appoġġ elettorali u l-popolarità tiegħu, u l-abbiltà li jżomm l-istabilità u l-ordni. Tista’ ma tkunx popolari wisq f’mument politiku, però trid tara li l-kontroll u l-istabilità jkunu f’posthom. F’dan, illum, il-poplu, fil-maġġoranza elettorali tiegħu huwa konvint li l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela dawn il-kwalitajiet mhuwiex jurihom. Il-poplu huwa konvint li hemm bżonn ta’ bidliet fil-mod ta’ kif qiegħed imexxi dan il-Gvern, u dan għall-ġid tal-pajjiż kollu.

‘Reshuffle’


5.   Ħafna qed jagħżlu li jibqgħu pass lura, u dan għax mhumiex jaraw tibdil fil-metodi u fl-ideat minn dak li ġieb fi tmiemu l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat. Tista’, f’dan, għalhekk tingħata l-istess tweġiba li kien hemm qabel: tibdil ieħor intern fejn joħroġ wieħed u jidħol ieħor. Diversi jistgħu jaħsbu, jimmiraw u jistennew tibdil fil-Kabinett f’każ klassiku ta’ ‘reshuffle’ imma oġġettivament, minn dak li jidher li hu għaddej, mhuwiex proprju biżżejjed. Il-bidla mistennija hija iktar diffiċli biex il-poplu jkun verament f’pożizzjoni li jagħtiha fiduċja. Il-poplu fit-triq qiegħed jinkwieta sew fl-għarfien li m’aħniex immexxija ’l quddiem, imma li aħna iktar sejrin lura.

Gowls u awto-gowls

6.   F’dan, wieħed jifhem iktar li l-partita politika hija issa kkonċentrata mhux fuq dik il-loġika normali ta’ gowls min-naħa għall-oħra, imma f’kemm qed jiġu ċċentrati inqas awto-gowls. Anzi, f’ħafna qed naraw tfassil tal-manwal ta’ kif m’għandekx iġġib ruħek jew taħdem fil-politika mqiegħed fil-prattika. Nistgħu nsibu li hemm min qiegħed jieħu pjaċir b’dan, u jipprova jogħrok idejh, però jibqa’ l-fatt li dak li hu għaddej huwa ta’ detriment u żvantaġġ għall-pajjiż kollu.

Tibni lura

7.   Mhux biss fih innifsu, imma iktar fid-diffikultà sabiex għada pitgħada, gvern differenti jkun f’pożizzjoni li jibdel u jirranġa mill-ġdid l-iżbalji li qed jiġi kommessi llum. Nistgħu nsibu ruħna, kif kien qal Marshal Mc Luhan: “We look at the present through a rearview mirror. We march backwards into the future.” Imma l-fatt jibqa’ li ser ikompli jkun iktar impossibbli għal dan il-Gvern biex jiddritta dak li ta qablu u hu għawġu, u se jkun ħafna iktar diffiċli għal min ġej warajh. Trid ħsieb, esperjenza u viżjoni vera.

Ma konniex hekk

8.   Dwar dan, ċertament, hemm punt ieħor li jrid isir: dak marbut mal-kuntrast ta’ kif ħadmu Gvernijiet Nazzjonalisti u l-pożizzjoni li sab ruħu fiha l-Gvern Laburista fl-2013. Din hija parti minn kapitolu tal-istorja li jrid jinkiteb mill-ġdid għax illum inkiteb negattivament u nġustament minn Gvern Laburista li qal kontra u kkritika kemm felaħ lill-Partit Nazzjonalista u meta tela’ fil-gvern wettaq proprju l-kontra ta’ dak kollu li kien iddikjara li ser jagħmel. F’ħamsa u għoxrin sena, dan li aħna għaddejjin minnu ma seħħx, u la taħt Eddie Fenech Adami u lanqas taħt Lawrence Gonzi. F’dan trid issir rivalutazzjoni tal-pożizzjoni, iktar u iktar quddiem il-propaganda qawwija li saret biex tkisser, tħammeġ, tirredikola u tqiegħed fl-iktar stampa negattiva dak li seħħ fit-tajjeb u li għadu magħna sallum.

Għaddejna

9.   Diversi, bħali, li servew kif kellhom fis-sewwa u mingħajr ma ħarsu, b’xi mod, lejn l-interessi personali tagħhom jew li jaġixxu bi żlealtà, sabu ruħhom suġġetti għal kundanni soċjali varji. Ftit kienu dawk li baqgħu jkellmuna, jew isellmulna. Wara dak l-appuntament elettorali, anzi, diversi kienu jdawwru wiċċhom minna. Kull ma kien jgħid il-Prim Ministru l-ġdid dwarna kien jiġi emmnut, bħallikieku kien veru. Tant kien effettiv u effikaċi li ġie emmnut, saħansitra, minn persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess.

Ħarsa lejn il-Futur

10.   F’dan, għalhekk, wieħed għandu jifhem u bil-kalma u bl-għaqal jiġbed id-direzzjoni lejn il-bidla li hi tant neċessarja. Dan m’għadux proċess ta’ alternanza ta’ poter, imma ta’ bżonn nazzjonali. Għarfien aħjar tal-ġid li seħħ fil-ħidma onesta lejn il-Poplu Malti u Għawdxi minn Gvernijiet Nazzjonalisti, li għandu jservi wkoll bħala pedament aqwa fil-ħidma tagħna. Ikun il-boxxla li permezz tagħha nidderiġu ruħna biex il-pajjiż ikollu l-fiduċja f’min qiegħed imexxih u lejn fejn sejrin, ilkoll kemm aħna. Kellna tant ġid u tajjeb f’idejna li ntilef, għax ħaddieħor ikkonvinċa lil xi wħud li dak il-ġid u dak it-tajjeb kienu ħżiena. Il-kuntrasti huma iebsa, imma jridu jsiru. F’dan, għalhekk, quddiem dan kollu li qiegħed iseħħ jum wara jum quddiemna nistgħu, b’umiltà ngħidu, li forsi aħna konna aħjar.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...