6.7.23

DAK LI GĦANDNA NGĦIDU, NGĦIDUH

1. Naqra kemm naqra, f’din id-dinja komposta mill-gżejjer tagħna, nikkonvinċi aktar ruħi li fis-soċjetà hemm ħajra qawwija sabiex id-diżordni tkompli tirrenja.  Sar iktar dak li jmexxi mingħajr bidu jew tmiem f’direzzjoni mpreċiża.  La taf fejn sejra u lanqas taf minn fejn ġejja.  Daqqa tidher li qegħda tiġi f’postha, u ħafna drabi, barra minn postha.  Sirna nafdaw iktar fil-kaos li sar parti mill-ħajja tagħna.  Sirna, minflok, naċċettawha.  Qisna dak kollu li kellna, anzi dak kollu li nippretendu li għandu wieħed isegwi, illum naċċettaw li huwa destinat li jispiċċa.  Tistenniex l-ordni: la dik soċjali, la dik morali u lanqas dik legali.  Stenna proprju l-kontra.  Tixħetha għal sieqha u tiġi fuq rasha, b’dinamiċi umani li ma tifhimx min ħasibhom, jekk fil-fatt kienx għamel hekk mill-bidu.  Għax diversi drabi tara kollox ġej minn forom strambi tal-istint jew minn ġabriet strambi ta’ reazzjonijiet daqqa għal inġustizzji, imma ħafna drabi għal dak li huwa sew.

Inkissru li writna

2. F’dan huwa iktar ċar li ninsabu f’soċjetà li mhux talli mhix likwida, imma anzi trid tevapora l-passat tagħha.  Mhux talli m’eżista xejn qabel, imma li hemm il-libertà li minn issa ʾl quddiem għandna mmorru lura lejn dak li, fit-twelid tiegħu, l-bniedem twieled fih.  Nesperimentaw b’dak li diġà, ħafna qabel wettqu u ddispjaċihom.  Naqbdu toroq li, fl-aħħar mill-aħħar, oħrajn diġà qabdu u ma naslu mkien.  Is-sitwazzjoni hija, f’ħafna, dak li ċerti pitturi kienu jaħsbu li jistgħu jiftħu kapitoli ġodda.  Imma, kif tgħid tajjeb il-pittur Claudio Spattini (1922-2010): “Nessun pittore può asserire di aver dipinto cose nuove o in modo nuovo, dietro di lui c’è sempre una fonte di ispirazione, anche se inconscia, fatta da cultura, e di contatti che si fondono con ciò che è suo.”  (Ebda pittur ma jista’ jiddikjara li pinġa ħwejjeġ ġodda jew b’metodu ġdid; warajh hemm dejjem fonti ta’ ispirazzjoni, anke jekk inkonxja, magħmula minn kultura, kuntatti li jingħaqdu f’dak li huwa tiegħu.)

Il-Kultura

3. F’dan huwa ċertament neċessarju li l-kultura tiġi verament koltivata u apprezzata.  Il-kultura fl-arti, imma għalina, iktar f’dik politika.  Iktar f’dan meta qed ngħixu f’soċjetà li trid il-politika t-tajba u mhix issibha.  Soċjetà li trid tara iktar sens u ordni fil-ħidma sħiħa tat-tmexxija tal-pajjiż, u minflok, issib il-kontra.  Biex wieħed iġib dan lura jrid jinvesti u jifhem li kull partit irid jinvesti aktar fil-preparazzjoni interna ta’ kull min għandu jaħdem fih, u mhux fuq dawk esterni.  M’aħniex fil-mument meta l-estern kien bidla għall-intern.  Qegħdin, anzi, fil-punt fejn tant sirna estern biss li l-elettorat qiegħed jipprotesta.  Inqas sehem u parteċipazzjoni, inqas għarfien ta’ dak li huwa għaddej.  Għandna iktar soċjetà maqtugħa volontarjament minn dak li huwa għaddej.

Naħarbu mill-ħajja

4. F’dan, però, ma hemmx is-sens li l-bnedmin qed jaħarbu mill-ħajja, imma li ma jridux ikunu parti minn dak li għaddej.  F’dan, Johann Wolfgang von Goethe (1749-1832) kien, fost ħafna oħrajn, għallem: “Non c’è via più sicura per evader dal mondo che l’arte: ma non c’è legame più sicuro con esso che l’arte.”  (M’hemmx triq iktar ċerta biex wieħed jaħrab id-dinja jekk mhux fl-arti.  Imma fuq in-naħa l-oħra, ma hemmx rabta iktar ċerta magħha jekk mhux fl-arti.)  F’dan, huwa għalhekk applikabbli li wieħed iżid ma’ dan il-kunċett l-arti tal-politika.  L-għarfien li l-politika mhix diskors fl-arja, diskors retoriku, imma hija iktar ideat ċari, konvinċenti, bażati fuq il-fatti, il-verità u r-raġuni.  Jista’ jkun li hemm min jaħseb li l-politika serja, ordinata, li tħares fit-tul saret antikwata.  Imma l-fatti juru li l-valuri tal-ħajja huma dawk li jibqgħu magħna.  Jibqgħu dawk li jridu lil min kapaċi jispjegahom aħjar u direttament.  Ikun interlokutur ta’ dawk l-ideat li jagħmlu s-sewwa u jħallu l-frott veru.

Biex nibqgħu fis-suġġett

5. Proprju l-arti li tagħti tant għandha tkun, f’dan, punt ta’ riflessjoni iktar fil-fond.  Anzi, biex nibqgħu fl-istess linja xtaqt, bil-permess tagħkom, nirreferi għal dak li Remo Gaibazzi (1915-1994) kien qal: “L’Arte non è che il vivere dell’uomo.  Il quale è costretto a vivere artificialmente perché non è naturalmente iscritto nella natura, perché si è separato, mediante il linguaggio e mediante il lavoro.”  (L-Arti mhix ħlief il-ħajja għall-bniedem.  Dakli huwa mġiegħel jgħix artifiċjalment għax mhuwiex parti min-natura, għax issepara ruħu bil-lingwaġġ u x-xogħol.)  Dak li huwa daqshekk ċar għalina huwa proprju li l-politika hija l-arti ta’ kif is-soċjetà tiġi ordinata sew, f’liġijiet li jirrispettaw f’dak kollu li hu l-għixien tal-bniedem.

Fis-sustanza

6. F’dan iktar proprju wieħed għandu jgħid dak li għandu jgħid.  Għandu jasserixxi li l-politika, biex tgħix, biex tikber u titkattar trid il-verità ʼl bgħid mill-artifiċjalità.  Ma nistgħux nibqgħu ngħixu fil-ħolma li dak li qed isir huwa fit-triq it-tajba, għax mhuwiex.  Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li b’dak li qed jiġi segwit, kollox ser jiġi f’postu waħdu.  Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li l-politika, kull ma trid hija biss diskors, fattizzi u wiċċ ikkulurit.  Trid ferm u ferm iktar, u hemm bżonn li wieħed jaqbad it-triq f’din id-direzzjoni serja fejn il-politika hija vera, u mhux iktar kif inhija.  Jekk dan ma jsirx ser inkomplu naqbdu t-triq ta’ Babel li ma tistax twettaq ġid lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer.  Għalhekk, ejja dak li għandna ngħidu, nieħdu ħsieb ngħiduh.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...