10.7.23

L-GĦAŻŻ BALZMU, IMMA MHUX POLITIKU

1.   Hemm varjetà ta’ bnedmin. Hemm min juża t-talenti li għandu, u hemm min jipparkjahom. Hemm min huwa bieżel, u hemm min, minflok, huwa bank tal-għażż. Bħal dawk li joqogħdu ma jagħmlu xejn, jintelqu f’idejn ħaddieħor u kemm jista’ jkun ma jiċċaqilqux. Dawk li d-dinja ma tantx tista’ tiddependi fuqhom biex nimxu ʾl quddiem. Dawk li jħallu kollox għaddej għax jaħsbu li m’hemmx bżonn, jew li aħjar għalihom li ma jagħmlu xejn. Dawk li jistrieħu fuq l-oħrajn u jippruvaw iġibu letarġija madwarhom. Hemm ktieb mill-isbaħ fil-letteratura ta’ Ivan Goncharov (1812-1891) bit-titlu Oblomov (1859), fejn il-karattru ċentrali ma jiċċaqlaq xejn. L-ewwel kapitoli huma marbuta proprju mal-karattru ta’ bniedem li mhuwiex kapaċi jieħu deċiżjonijiet, fejn l-ikbar ċaqliq f’dawn il-paġni huwa mis-sodda sas-siġġu.

Hemm min jaħseb

2.   Hemm min jaħseb li ma hemmx bżonn tiċċaqlaq. Hemm min jaħseb li huwa komdu, u kif jgħidu t-Taljani: “Chi sta bene non si muove”. Hemm ukoll min m’għandux il-ħeġġa li jimxi, u kull darba jrid lil min jimbuttah ʼil quddiem. F’dan, sija fil-ħajja soċjali fejn jitqanqal biss biex jikseb xi ħaġa u wara jerġa’ jinżel fil-letarġija, u dan jgħodd sija f’dik ekonomika, kif ukoll fil-politika. F’din il-kategorija nsibu lil dawk li jibqgħu jistennew, bil-ħsieb li l-affarijiet ser jiġu f’posthom waħedhom: tagħmel xejn, anzi, għix fid-dinja żgħira tiegħek u oqgħod stenna. Taħseb li b’daqshekk l-eventi ser jiġu favur tiegħek proprju għax int ma tkun għamilt xejn. Imma l-ħajja tagħti lezzjonijiet differenti. Min jieqaf jitwaqqaf u jagħmel lilu nnifsu irrilevanti.

Il-għażż jittieħed

3. Hemm, f’dan, min isegwi dan l-eżempju żbaljat fil-ħajja. Min ma tantx itajjar nar jiġbed warajh tant oħrajn. Oħrajn li jħossuhom komdi proprju għax għandhom magħhom lil min ma jiċċaqlaqx ʾil quddiem. Jibqa’ fejn hu, u allura huma li ma jiċċaqilqux m’għandhomx għalfejn jinkwetaw. Mhux ser jiġu oskurati, għax kulħadd ser jibqa’ fl-istess livell ta’ attività u medjokrità. Meta tidħol f’post, f’uffiċċju, f’ħanut fejn ħadd ma jkun wisq attiv dan tifhmu aktar. Anzi llum hawn iktar minn dawk il-postijiet fejn issib li min għandu jgħinek, jaqdik jew imexxik, ikun mitluf fuq il-mobile. Mitluf fid-dinja tiegħu, jħares lejn l-istampi varji. Iħares mill-gallerija virtwali tiegħu, fejn għajnejh waħedhom jitkellmu għat-talbiet tiegħek. Fejn il-messaġġ huwa sempliċi: ħallini fejn jien, iddejjaqnix u ara int kif ser issolvi l-problema li jien imħallas biex ngħinek fiha waħdek. Fejn il-kliem ta’ kortesija jsiru paraventi għan-nuqqas ta’ attività.

Il-ħidma tmexxik

4.   Hawn iktar, f’din is-soċjetà, fejn il-kaos u l-konfużjoni huma ġenerali dan l-element ta’ inerzja. Fejn, fil-kumplikazzjonijiet li l-pajjiż għaddej minnhom, il-Gvern jagħżel liema kapaċi jaffronta u liema le. Jgħid li huwa jiddeċiedi, imma fil-fatt qed jiddeċiedi li ma jiddeċidix. Jum wara jum insibu aktar sfidi li qed jakkumulaw. Il-pożizzjoni ekonomika bir-rata ta’ inflazzjoni li qabżet iċ-ċifri sew. Bil-problema tal-għoli tal-ħajja, li timmarka d-doppju tar-rata b’21.5% fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, ma jidhirx li hemm xi soluzzjoni jew programm għaliha. Kif ukoll dik marbuta mal-ordni soċjali u morali fis-soċjetà tagħna. Fejn huwa mill-iktar ċar li m’aħniex nikkontrollaw dak li għandna, anzi, qed inċedu. Niddikjaraw legali dak li qabel kien illegali, għax l-Istat tagħna wasal f’din il-pożizzjoni ta’ rassenjazzjoni.

Programmi

5.   Biex tibdel il-varjetà tal-intoppi li s-soċjetà għandha trid programm ta’ ħidma vera. Trid tifhem: l-ewwel, dak li l-bnedmin f’din is-soċjetà qed imissu miegħu. Tifhem kif il-miżuri passati ġiebu huma dan it-taħwid. It-tieni: tifhem x’hemm bżonn li tibdel mill-ewwel biex nerġgħu nibdew nimxu ʼl quddiem. Tifhem li trid tidħol fid-dettall u mhux tafda f’dikjarazzjonijiet fl-arja li ma jfissru xejn. Il-politika trid ħidma mas-soċjetà fil-parteċipazzjoni demokratika. Tiġi billi titlaq il-ħajja komda u tmur, jum wara jum, taħdem mal-irkejjen tal-poplu. Mhux ħidma li hija marbuta mar-ritratti biex wieħed “jidher” li qiegħed jaħdem, imma li verament ixxammar idejk. Dan għax nagħrfu li ħafna bnedmin għandhom diversi sitwazzjonijiet li wieħed irid iż-żmien biex isib it-tarf tagħhom.

M’aħniex fuq il-palk

6.   Jista’ jkun li Volodymyr Zelensky (1978) kien attur qabel sar President tal-Ukrajna, imma llum qiegħed iwieġeb lura għall-aggressjoni Russa mhux minn fuq il-palk. Il-politika tista’ tiftaħ il-bibien għal dawk li jħobbu l-populiżmu, imma fir-realtà trid diskors u azzjoni mmirati. Mhuwiex biżżejjed li tirreċta l-parti tiegħek għall-perfezzjoni. Anqas li taqra diskors li ktibt, jew kitbulek, bħal wieħed mill-atturi li William Shakespeare (1564-1616) kien tant tajjeb biex joħloq. Il-palk huwa teatru li fih in-nies imorru biex jaljenaw rashom, biex forsi jiddevertu ruħhom, imma l-politika trid ferm iktar. Trid ħidma kostanti. Trid ħidma li ma tidhirx, u li la tiġi apprezzata u wisq inqas issib xi forma ta’ gratitudni, imma li trid issir.

Nammira

7.   F’dan nibqa’ nammira lid-deputati parlamentari li nagħraf li jridu jaħdmu. Nammira lil dawk li huma iktar marbutin mal-fatti milli mad-diskorsi fl-arja. Nammira lil dawk li jfittxu soluzzjonijiet u mhux opportunitajiet għar-ritratti jew għad-diskorsi pompużi. Nippreferi lil dawk li jaħsbu u jaħdmu għal dawk li m’għandhomx. Nippreferi lil dawk li huma verament favur il-ġustizzja soċjali, u mhux jużawha fejn jaqbel lilhom politikament. Nippreferi lil dawk li mingħandhom tagħraf li t-tfittxija lejn il-verità ma tonqosx. Bnedmin trasparenti, li mhumiex wiċċ b’ieħor. Dawk li jiffurmaw il-politika vera fil-Partit Nazzjonalista. Dawk id-diversi deputati li servew b’umiltà, b’attenzjoni u b’onestà. Dawk li ma ngħatawx, u ma jingħatawx il-kredtu li ħaqqhom f’din id-dinja, imma ċertament f’dinja oħra. Bnedmin mal-bnedmin, spalla ma’ spalla magħhom fid-diffikultajiet.

Bżulija

8.   F’dawn l-aħħar jiem tal-ġimgħa daħlet l-aħbar li Arnaldo Forlani (1925-2023) ġie msejjaħ għal dinja aħjar. Persuna li serva b’dinjità u attenzjoni lil pajjiżu. Demokristjan li ħadem sew, anke magħna. Bniedem li nittama li jkolli l-ħin nikteb ukoll dwaru. Eżempju mill-iktar ċar li l-politika t-tajba trid il-ħidma, u ħidma siewja. Eżempju sabiex dawk li qed jaħsbu li billi qed jgħixu fil-għażż politiku, minflok jifhmu li trid il-ħidma biex tibdel għas-sewwa. Pajjiżna, illum, għandu iktar dan il-bżonn, u miegħu dak ta’ alternattiva għal dan il-Gvern li jidher li riesaq iktar lejn il-venda finali tiegħu. Jekk qabel ħidmietna kienet immexxija mill-prinċipju li aħna differenti, illum din hija mmexxija min-neċessità nazzjonali. Pajjiżna għandu bżonn ħafna bidliet. Dawn isiru fil-ħidma għax il-lezzjoni tal-istorja hija dejjem li l-għażż jista’ jkun balzmu għal uħud, imma mhuwiex politiku.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...