27.3.23

Ħadd m’huwa ikbar mill-Partit u l-Pajjiż

1.    Jekk wieħed ma jkomplix jikteb, jiżbalja.  Jekk wieħed ma jkomplix jgħarbel il-kuntratt tal-Isptarijiet ikun qiegħed jibgħat barra messaġġ żbaljat.  Iktar u iktar meta quddiem dan l-aġir skandaluż, ftit huma dawk mill-Gvern li jridu jammettu.  Ftit huma dawk li huma lesti li jaraw x’ġara verament u jaċċettaw pubblikament li dak li sar jaqbeż sew il-limiti tad-deċenza.  Dan ma kienx frott deċiżjoni ġenwina ta’ kalkolu, imma kien intenzjonat.  Biex partit ikun forza għas-sewwa jrid jgħarbel sew dak li seħħ.  Meta ma jitkellimx dwar dak li jseħħ ikun qiegħed jgħid li, skont hu, ma jkun hemm xejn ħażin fih.  Meta minflok illum iħares x’ser jagħmel jgħid li għad fadal erba’ snin, qiegħed jibgħat il-messaġġ li kollox ser jibqa’ kif inhuwa.

Għaxar snin ilu

2.    Dan huwa iktar serju meta wieħed jiftakar fuq liema linja ġie elett Gvern Laburista fl-2013.  Dak kollu li kien qiegħed isir minn Gvern Nazzjonalista tant ġie attakkat u kkritikat li wieħed kellu l-impressjoni li konna fl-infern u sejrin dritt il-ġenna.  Imma llum nafu li dan ma kienx il-każ, anzi, iktar evidenti li bħalissa qegħdin inkomplu niżlin ‘l isfel.  F’dawn il-ġimgħat, ir-retorika tal-Gvern preżenti kienet dik li tgħid lin-nies kemm, skont hi, kienu qegħdin ħażin.  Kemm taħtha saru avvanzi li ma sarux qabel, imma naħirbu mill-preżent.  Diversi deputati, sforz il-lealtà żbaljata lejn il-linja komplew f’dan b’diskorsi varji fil-Parlament.  Ninsew il-bomba atomika tallum biex ngħidu kemm kien hemm bombini qabel.

Tant hemm ċaħda

3.    Dan huwa iktar ċar fil-fatt li dibattitu serju fil-Partit Laburista fuq din l-esperjenza qarsa ftit iridu, jew għandhom il-kuraġġ politiku, li jagħmlu.  Ftit huma dawk li jridu verament jaqbdu l-proċess biex jitgħallmu.  Ftit huma dawk li ser jippermettu li jifhmu li l-Partit Laburista għandu ħafna x’jitgħallem, u jaċċetta li għad irid jisma’ u jgħarbel iktar dwar dan l-iskandlu.  Jifhmu li ppriedka b’konvinzjoni mod, u minflok kien effettiv biex iwettaq preċiż il-kontra.  Japprezzaw li l-legati tallum ser jibqgħu magħhom, iktar u iktar meta l-poplu jiddeċiedi li ħa biżżejjed, u għandu jibdel.  Tibqa’ iktar ir-reputazzjoni li l-korruzzjoni kienet hemm fl-1987 u, għada pitgħada, ser tkun iktar hemm.  F’dan imma, illum jeżisti l-bżonn li għall-eżistenza politika tagħhom, flok jaċċettaw l-iżbalji, qed ikomplu jiċħduhom.

Ma toħroġx b’saħħtek

4.    Minn dawn l-esperjenzi, partit politiku ma joħroġx b’saħħtu.  Jista’ jsalva s-sitwazzjoni temporanjament.  Isib ruħu mdendel: la jista’ jimxi ‘l quddiem u lanqas lura.  Għax ma tissudax partit fl-għarfien li kellek Gvern li kellu l-ikbar maġġoranza parlamentari, li flok wettaq is-sewwa ħalla lilu nnifsu jiġi ttentat.  Mhuwiex ta’ pjaċir li wieħed jikteb dan, imma quddiem dak li qiegħed jiżviluppa, is-sitwazzjoi qed tieħu direzzjoni ferm iktar gravi.  Il-Gvern preżenti, flok qed jaċċetta l-iżball u jibda proċess ta’ bidla, qiegħed jintilef f’aktar aljenazzjonijiet.  Diġà kellna forom ta’ telenovelas din il-ġimgħa; issa dan il-Ħadd ġejjin “iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ sena mill-elezzjoni ġenerali.

Ħadd m’huwa ikbar

5.    Tul il-ġimgħa, fil-Parlament kien hemm tentattiv wieħed biex ibexxaq il-bieb.  Wieħed li kellu l-mira li jindirizza lil-“Laburisti ġenwini”.  Fid-diskors ingħad li ħadd m’huwa ikbar mill-partit u l-pajjiż.  Ċertament.  Anzi, wieħed għandu jżid ukoll li ebda partit m’huwa ikbar mill-pajjiż.  Għax hemm bnedmin ġejjin minn kull partit politiku li huma ġenwini u dawk li mhumiex.  Imma dan kollu li huwa għaddej mhuwiex biss fl-aġenda tal-Laburisti ġenwini, imma f’dik tal-Maltin u l-Għawdxin kollha li huma hekk.  Mhux biss, imma f’dan, jekk wieħed irid iżomm ma’ dak li ngħad, jekk verament il-Partit Laburista llum jemmen li ħadd m’huwa ikbar mill-pajjiż, allura jrid jaffronta r-realtà, u mhux ikompli jaħrab iktar minnha.

X’għandu jsir

6.    Artiklu interessanti f’din il-ġimgħa ta’ Aleks Farrugia jiddikjara “What is to be done”, filwaqt li jinsisti li għandu jkun hemm separazzjoni bejn il-partit u l-gvern, fejn tal-ewwel ikun il-kuxjenza għat-tieni.  Vuċi ta’ attenzjoni u kritika, fejn huwa jkompli hekk: “If there is  no criticism coming from within, no debate, no challenge, then it is easy for the people in government to insulate themselves from the grassroots and end up encapsulated in a world of their own make-belief.  Proprju għalhekk wieħed irid mhux biss jistaqsi dwar dak li għandu jsir mill-Partit Laburista, imma iktar minn hekk, fir-realtà li qegħda tiżviluppa, x’irid hu li verament isir.

Escapism

7.    F’dan, ċertament hemm l-għarfien intern fil-parti ċentrali tal-Gvern, li dak li seħħ huwa gravissimu.  Jekk kien hemm min, tul dawn is-snin ma tax każ, issa kellu u għandu l-provi.  Forsi issa qiegħed jifhem li tant hemm aġir żbaljat, illegali u skandaluż, li jista’ biss jeżerċita d-dritt tas-silenzju.  Jittama, f’dan, li ħaddieħor ma jirnexxilux jipprova l-każ quddiem l-elettorat u jiġi mill-ġdid ivvutat fil-gvern.  Jittama li nitilfu rasna, ninkurlaw u ngħajtu tant li ħadd ma jismagħna.  Jittama li jiżżerżaq, u anki jekk hemm min għandu jispiċċa arrestat, ma jaqbillux li jiġi għall-apert għax huwa stess ikun qiegħed jitlef.  Jista’ biss jaħrab kemm jiflaħ hu u jaljena iktar lill-poplu bil-ħmerijiet.

Diġà wasal iż-żmien

8.    F’dan kollu, huwa iktar ċar li wasal iż-żmien għal bidla.  Jekk il-politika f’pajjiżna trid terġa’ tibda tieħu lura r-ruħ u takkwista lura l-isem tajjeb li kellha, iridu jittieħdu l-passi neċessarji.  Passi li, kif qed naraw, mhumiex dawk li dan il-Gvern preżenti huwa kapaċi, jew għandu l-libertà, li jieħu.  Passi, anzi, jistgħu jsiru biss minn partit politiku ieħor: Partit Nazzjonalista li jkun kapaċi jagħraf oġġettivament it-traġedja li ninsabu fiha, u nitnaddfu.  Partit Nazzjonalista li jkun kapaċi jieħu dawk il-proċeduri li fihom, bil-fatti, juri li ħadd ma huwa iktar ‘il fuq mhux biss mill-partit, imma iktar minn hekk, mill-pajjiż.  Proprju għax għandu jkun li ħadd m’huwa ikbar mill-partit u l-pajjiż.

No comments:

TISLIMA - APPREZZAMENT - PERIT MICHAEL FALZON

1. Ma kontx ngħid li ser nikteb dwaru. Kont għadni kif segwejt il-programm Xtra , li fih kien deher fost numru ta’ persuni oħra jiddis...