18.7.12

L-elezzjonijiet fil-Libja

1.    Bħal daż-żmien sena, ftit kienu dawk li kienu assolutament ċerti li t-tibdil li kien għaddej fil-pajjiż ġar tagħna kien ser iservi sabiex ikun hemm id-demokrazija.  Il-ġlied u l-atroċitajiet li kien hemm għaddejja fil-pajjiż mal-poplu kellhom, u għad għandhom, l-effetti negattivi tagħhom.  Familji nqasmu, diversi sabu ruħhom joqtlu lil xulxin, persuni tal-istess demm u nazzjonalità.  Il-bniedem issoltu malajr jinsa, salv dak li jkun għadda minn dawn is-sitwazzjonijiet.  Min ra bnedmin bħalu jmutu quddiemu, min sab membri tal-familja mejta jew ra daru u ġidu mkissra u mfarrka, ma tantx ser jinsa kif ġieb u laħaq.

2.    Meta spiċċa r-reġim tal-Kurunell Muammar Ghaddafi, ħadd ma seta, fl-aħħar tal-ġurnata jipprevedi fejn sejjer il-pajjiż.  It-tmiem ta’ dik id-dittatura ġieb miegħu vojt politiku u ta’ ordni pubbliku.  Meta jkun hemm dawn is-sitwazzjonijiet, ftit huma dawk il-pajjiżi li jerġgħu joħorġu lura lejn is-sewwa, u l-iktar, lejn id-demokrazija.  Sfortunatament, id-dinja fl-istorja tagħha hija mimlija b’eżempji fejn wara terġa’ tirrenja lura forma differenti ta’ dittatorjati jew konflitti oħra interni.

3.    Biss, fortunatament għall-Mediterran, għalina u fuq kollox għal dan il-pajjiż, l-affarijiet sejrin f’direzzjoni tajba.  Il-perjodu ta’ tranżizzjoni ma kienx faċli.  Biss, jidher mill-iktar evidenti li f’dak il-poplu hemm illum klassi politika tajba.  Hemm, għall-kuntrarju ta’ dak li oħrajn setgħu ħasbu, ġabra ta’ bnedmin li jgħarfu l-vantaġġi ta’ sistema politika fejn tirrenja l-vuċi tal-poplu, eżerċitata b’elezzjoni diretta.  Ma kienx hemm bżonn lezzjonijiet jew xi ġabra ta’ speċjalisti biex imexxuhom f’din it-triq. 

4.    Il-poplu Libjan m’għandux esperjenzi passati ta’ demokrazija ħajja, attiva u verament rappreżentattiva.  Anzi, għandu proprju l-kontra.  Għandu waħda morra għax il-kumitati tal-poplu tal-Ktieb l-Aħdar ma kienux parti minn dan il-proċess demokratiku.  Biss, illum ngħid li bl-istramberiji, taħwid u disprezzi li kien hemm qabel, il-poplu xorta kellu ġewwa fih elementi li jaqtgħu barra mill-ideat ta’ soċjetà Iżlamika tal-fattura ta’ Khomeini.  Ngħid dan għax id-dinja Iżlamika baqgħet għaddejja minn varjetà ta’ esperjenzi u opinjonijiet li biddlu u influwenzaw lil dawn in-nies.  Il-Ktieb l-Aħdar ma tistax taqbel miegħu, però kellu fih elementi ta’ influwenzi b’saħħithom tas-soċjaliżmu marxist u f’diversi punti lajċi, i.e. fis-sens kontra d-dominanza tar-reliġjon fuqhom.

5.    Kull min qara ftit jaf kemm id-dinja Musulmana sabet ruħha maqsuma bejn il-movimenti “lajċi” u demokratiċi u dawk li riedu jżommu x-Sharia.  Il-kunflitt u f’ħafna sens l-għarfien ta’ numru prominenti ta’ politiċi li jsostnu inadegwatezza fir-risposti li l-Koran kapaċi jagħti mhux kwantu għall-ħajja personali spiritwali u reliġjuża, imma għal struttura u viżjoni tal-Istat.  Dak li sar fit-Turkija ta’ Kemal Ataturk baqa’ eżempju ħaj ta’ kif Stat jista’ jibdel id-direzzjoni tiegħu lejn lajċiżmu, sekulariżmu u abbandun tal-pożizzjonijiet passati.  Kittieba u persuni bħal Fouad Zakarija jindikaw fuq dan il-biżgħat tiegħu li hemm inkapaċità li jiġi assikurat żvilupp futur awtentiku li jħares li jżomm soċjetajiet ta’ oriġini Musulmana fl-istess tradizzjonijiet, però li kapaċi jimxu ‘l quddiem.

6.    Id-diskussjoni interna fid-dinja Iżlamika fuq x’inhija l-politika li tista’ titħaddan f’soċjetà ta’ passat u oriġini koranika hija mill-iktar ħajja u interessanti.  Min isegwiha jaf li dak li llum qiegħed iseħħ fl-Eġittu u fil-Libja ġej minn dak li ġara qabel.  ‘L hekk magħrufa bħala “Muslim Brotherhood” f’dak li huwa suċċess jew insuċċess elettorali politiku tħares ukoll u għandha oriġini proprju hemm.  Ir-riżultat elettorali fil-Libja huwa fih innifsu suċċess u huwa spjegabbli fl-esperjenzi passati.  It-tama tiegħi hi li min ġie elett jirnexxilu jibni stat demokratiku ġdid li jwieġeb għar-realtà, mingħajr ma jitlef it-tradizzjonijiet passati.  Il-futur ser jurina u mhux ser ikun faċli xejn, però aħna nibqgħu impenjati biex nassistuhom jimxu ‘l quddiem.

17.7.12

Deċiżjonijiet iebsa

1.    Ma nħossx li għandi bżonn nerġa’ nfakkarkom dwar dak li għadda minnu l-partit tul din il-ġimgħa.  Mhuwiex normali li fil-kors tal-ħidma tittieħed deċiżjoni bħal dik li saret fl-Eżekuttiv, nhar il-Ħamis li għadda.  Fir-realtà politika hija waħda iebsa, biss neċessarja.  Kif jista’ jiġi permess li partit, li huwa mimli bi storja u eżempji ta’ persuni li ssagrifikaw ħajjithom għal ideal politiku, jħalli deputati fi ħdanu jaġixxu kif aġixxew?  Fl-intern tagħna, kif dejjem ġara, ħa niddiskutu u ma naqblux, biss ladarba hemm vuċi ta’ maġġoranza, allura kull persuna trid tieħu ħsieb issegwiha.  Dan huwa l-prinċipju li jmexxi kull partit serju bħal ma huwa tagħna.  Ladarba niddeċiedu, ladarba naqblu fuq linja, allura kulħadd għandu isegwiha.

2.    Però, l-aġir ta’ numru ta’ membri parlamentari wassal għal din il-pożizzjoni.  L-imġieba tagħhom tmur kontra dak li aħna ilna nħaddnu u nħaddmu s-snin.  Il-poplu jafu dan.  Jaf li aħna konna u bqajna partit li nafu kif taħdem il-politika mingħajr ma tlifna l-prinċipji tagħna warajha.  Dak li wettqu ma jistax jiġi aċċettat, taħt ebda forma jew mod.  Passi żbaljati f’direzzjonijiet li ma jiħduhom imkien, salv li jirreġistraw azzjoni ħażina mill-partit kollu.  Dak li għamlu jibqa’ però mwaħħal magħhom.  Ma jagħmilx stat ta’ fatt għall-bqija tagħna.  Ma jixħetx dellijiet fuqna.  Biss, hu x’inhu, l-aġir tagħhom wassal għall-konsegwenza li d-deċiżjonijiet li partit serju għandu jieħu, fir-realtà, jeħodhom.

3.    Bl-aġir li rajna jsir, il-poter tar-rikatt, pulit jew le, f’din il-leġislatura tela’ b’saħħa ferm u ferm iktar ‘il fuq.  Il-fatt li dan il-Gvern kellu maġġoranza ta’ siġġu fisser li kien hemm min approfitta ruħu minn din is-sitwazzjoni.  L-argumenti, jew ma jsirux, jew jekk ma taqbilx magħhom taf li hemm il-konsegwenzi li titlef il-poter.  Trid tgħaddi ta’ dak li jkun, għax hu iktar importanti mill-partit u mill-poplu li eleġġih.  Kien evidenti li waqt li konna lkoll moħħna sabiex inżommu l-pajjiż għaddej biex l-ekonomija ma tmurx lura, ix-xogħol jibqa’ jitkattar, il-ġustizzja soċjali tibqa’ tiġi osservata u l-pajjiż ma jbatix mill-kriżijiet ekonomiċi u politiċi, ħaddieħor kellu aġendi differenti.

4.    Dik kienet ir-realtà li għal dawn is-snin kollha kellna naffrontaw.  Nissaportu sabiex bil-paċenzja u s-sabar inkomplu nagħmlu l-ġid lill-pajjiż u nassiguraw li ma jkunx hemm tbatija iktar fuq il-poplu.  Il-partit ġie elett għal-leġislatura sħiħa u d-dmir tagħna kien dak li nwasslu kemm nistgħu.  Inwasslu kemm huwa possibbli biex inwettqu l-programm elettorali tagħna.  Il-vot favur tagħna ġieb din ir-responsabbiltà u, ta’ partit serju li aħna, hekk wettaqna.  Qlajna daqqiet.  Sofrejna umiljazzjoni żejda.  Biss ħadna ħsieb li, minkejja kollox, ma nitilfux rasna.  Żgur mhux forsi, wisq u wisq inqas li nwettqu azzjonijiet ħżiena.

5.    Is-serjetà f’partit titlob li min ma jimxix mal-linja tiegħu, ma jistax jiġi permess li jerġa’ jkun kandidat.  Dik hija s-serjetà, iebsa kemm hija iebsa, meta qed nikkonsidraw proprju ma’ persuni li ġew eletti fi ħdanna.  Xejn pjaċevoli, imma neċessarja sabiex is-sewwa tissaħħaħ, il-verità toħorġ u ħadd ma jkompli jħossna li qed nibgħatu messaġġi f’direzzjonijiet opposti.  L-elettorat tagħna jippretendi minna li naġixxu kif għamilna.  Jippretendi li aħna nibqgħu nkunu l-partit sod li aħna.  Li nibqgħu preparati nagħmlu s-sagrifiċċji għas-sewwa, mingħajr ma naġixxu skont il-liġi tal-ġungla, imma bl-irġulija.  L-irġulija u r-rettitudni fl-aġir, għalija, jirbħu l-konsiderazzjonijiet personali tagħna lkoll.

6.    Tul dan iż-żmien kollu stajt naġixxi b’mod differenti.  Stajt inħares lejn l-interess personali tiegħi, però għażilt din il-linja għax ħassejt li għandi dmirijiet oħra ogħla lejn l-elettorat li għażilni u lejn il-poplu li nħobb u nirrispetta.  Għandi dmir li nibqa’ nassigura li l-Gvern jasal sakemm jista’ fil-leġislatura, li nibqa’ leali lejn il-prinċipji tiegħu u naġixxi kif għandu jaġixxi kull demokratiku kristjan.  Nassigura lil kull persuna li kien ikun iktar faċli u b’ferm inqas sofferenzi u akkużi nġusti fil-konfront tiegħi li kieku mort il-kontra.  Ma kenitx deċiżjoni faċli.  Però, fi ħdan dan il-partit, il-maġġoranza hija magħmula minn ferm iktar persuni li jifhmu li servizz veru għall-pajjiż jitlob minna deċiżjonijiet iebsa.  Partit li huwa kapaċi jiġbed lejh politiċi serji.  Partit li f’dawn ix-xhur ser ikollu jaffronta sitwazzjonijiet oħra forsi iktar iebsa, biss ċert li ser jibqa’ kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba sabiex jibqa’ vuċi tal-poplu u jibqa’ dak li kapari jassigura l-ġustizzja soċjali.

12.7.12

Min jitlaq minn taħt?

1.    Ngħiduha kif inhi, ftit kienu dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2008 kienu lesti jaħilfu li l-Partit Nazzjonalista kien ser jerġa’ jiġi konfermat fit-tmexxija tal-pajjiż.  Kienu għaddew żewġ leġislaturi infila li fihom il-partit kien ġieb maġġoranza ta’ ħames siġġijiet.  Sa dik il-ġurnata f’Marzu, ebda partit ma kien irnexxielu jżomm il-maġġoranza tas-siġġijiet u tal-voti għal leġislatura oħra.  Biss, ir-riżultat dak kien.  Viċin kemm kien viċin, daqs nofs siġġu, kien biżżejjed.  Biżżejjed biex dan il-partit ingħata mandat ċar.  Ingħata l-piż u r-responsabbiltà li jmexxi ‘l quddiem lill-poplu għal din il-leġislatura, mentri l-Partit Laburista reġa’ sab ruħu fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.

2.    Minn dak il-jum tlaqna biex naraw leġislatura ta’ barra mis-soltu, żgur mhux ordinarja.  U dan fuq żewġ fronti, u mhux wieħed.  Dak estern fl-atti u l-problemi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u dawk li inkredibilment żviluppaw fl-intern tal-partit innifsu.  Id-deċiżjonijiet politiċi li kellhom jiġu konfrontati f’dawn l-aħħar erba’ snin kienu verament kompletament barra mis-soltu.  Ma kienx faċli li titlaq taħdem fid-dell kontinwu ta’ kriżi ekonomika internazzjonali.  Waħda li la dehret tinġema’ u anqas ma riedet turi l-impatt sħiħ tagħha.  Sitwazzjoni li baqgħet għaddejja xahar wara xahar.  Kriżi li nfirxet lejn il-munita Ewro.  Ġiebet għarkubbtejhom pajjiżi ġirien u oħrajn fl-Unjoni Ewropea.  Il-Greċja, il-Portugall, Spanja, l-Italja, l-Irlanda u l-Ingilterra kellhom ilkoll jaffrontawha.  Kriżi li għadha ma waqfitx u għadha għaddejja sal-ġurnata tal-lum.

3.    Iżda dan ma kienx biżżejjed.  Rajna fl-ewwel seba’ xhur tas-sena li għaddiet l-isplużjoni tal-vulkan Libja.  Il-ġlied, l-inkwiet u l-ħidma li saret kienet ta’ barra minn hawn.  Pajjiżna ssogra bil-kbir f’kull livell, speċjalment għal darb’oħra f’dak ekonomiku.  B’attenzjoni u b’ħidma diplomatika u nazzjonali mill-iktar attenta u delikata, il-Prim Ministru rnexxielu jasal u jwassal lil dan il-poplu fuq quddiem biex ta sehem mill-iktar determinanti.  Il-Mediterran huwa llum ferm u ferm aħjar f’dawk li huma stabilità, paċi u prospetti demokratiċi.  Hemm pedament importanti għall-futur tagħna lkoll.  F’dan kollu żamm il-kolp u rnexxielu jżomm ukoll l-ekonomija għaddejja.  Fil-baħar imqalleb, fit-tempesti ta’ barra minn hawn bqajna għaddejjin.

4.    Fl-intern tal-partit, l-affarijiet anqas żviluppaw b’mod normali.  Kien hemm fissazzjonijiet, nuqqas ta’ qbil, diskors żejjed magħmul apposta fil-miftuħ biex joħloq l-inkwiet, kif ukoll tramiet mill-iktar komplikati u żbaljati.  Tul il-leġislatura kellna diversi sfumaturi ta’ dan.  Persistenzi, persekuzzjonijiet, irjus iebsa u fittaġni, li kienu jokkupaw huma wkoll parti mill-ħin ta’ min kien involut.  Fl-aħħar xhur, dawn is-sentimenti żbruffaw f’żewġ mozzjonijiet.  Inkredibbilment, membri tal-Partit Nazzjonalista eletti fi ħdanu vvutaw, għar-raġunijiet tagħhom, kontra nies oħra fil-partit.  Qatt ma kellna minn dan u huwa kundannabbli.  Biss, dan kellu jiġi konfrontat minn dan il-Gvern.  F’kelma waħda, ma rajniex u ma kellna leġislatura faċli xejn u quddiem dan kollu ser nitilqu għall-ġlieda elettorali minn taħt żgur.

5.    B’danakollu l-Partit Nazzjonalista, li kellu jara ma’ wiċċu dan kollu, ma tkissirx.  Wisq anqas żbroffa hu f’reazzjonijiet żejda.  Żamm mal-kalma u l-paċi interna tiegħu.  L-irġulija ta’ diversi ħarġet fil-beraħ.  Il-partit baqa’ ffukat f’dak li hemm bżonn li jsir.  Żamm quddiemu l-prijoritajiet tal-pajjiż.  Il-ħidma tal-Gvern ma waqfitx.  Il-bnedmin fi ħdanu urew li kapaċi jaffrontaw sija dak li għaddej barra, kif ukoll dak li għaddej ġewwa.  Il-poplu għandu llum quddiemu xhieda ċara li l-Partit Nazzjonalista huwa magħmul minn persuni ffurmati tajjeb, preparati u mimlija esperjenza.  Partit ieħor, meta sab ruħu fi kriżi ekonomika u fl-intern tiegħu, ikkrolla kompletament.  Mar għal elezzjoni u baqa’ barra mill-gvern għal, issa, erbatax-il sena.

6.    Elezzjoni ġenerali llum, għada jew pitgħada rridu naslu għaliha f’din il-leġislatura, ma hemmx dubju.  Din hija d-demokrazija.  Il-pajjiż ser ikollu għażla oħra, għal darb’oħra.  Biss, dan il-Partit Nazzjonalista jitlaq, żgur mhux forsi, minn taħt.  M’għandux il-vantaġġi li għandhom l-oħrajn.  Partit fil-gvern minn dejjem jitlef l-appoġġ minħabba d-deċiżjonijiet li jieħu, aħseb u ara f’dawn iċ-ċirkostanzi.  Min għamillu l-ħsara għandu żgur, u bil-bosta.  Din hija l-pożizzjoni li għandna quddiemna.  Ma hemmx ħabi minnha.  Irridu naffrontawha, żgur.  Għalhekk, f’dawn ix-xhur irridu nanalizzaw u nfehmu aħjar għala, minkejja kollox, il-pajjiż għandu u jaqbillu li jagħżel il-Partit Nazzjonalista.  Mhux biss għax il-Partit Laburista għadu mhux preparat, mhux biss għax għadu wieħed li għadu ma jsib xejn ħażin fil-kuxjenza tiegħu li jwettaq azzjonijiet żbaljati, mhux biss għax il-kontenut politiku għalih m’huwiex prijorità imma l-aktar għax il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-aħjar.  Dan il-partit jibqa’ aħjar mhux biss għax għandu nies ta’ kwalità, imma iktar minn hekk għax għadu wieħed li kapaċi jibni programm, viżjoni għall-futur aqwa għal dan il-poplu u dan il-pajjiż.  Nitilqu żgur fi żvantaġġ, assolutament minn taħt, però dan ma jfissirx li b’xi mod ser naqtgħu lura mid-determinazzjoni li nikkonvinċu li l-pajjiż, b’dan il-Partit Nazzjonalista, javvanza kull darba ‘l quddiem.

9.7.12

Il-kwistjoni tad-detenzjoni

1.    Pajjiżna m’huwiex l-uniku fl-Ewropa li għandu politika li persuni li jaslu għandu irregolarment, jiġifieri mingħajr ma jgħaddu mit-toroq normali u legali, jiġu miżmuma għal perjodu f’ċentri ta’ detenzjoni.  Ebda Ministru tal-Immigrazzjoni ma jkun tant ferħan b’din il-linja odjuża, imma neċessarja, għaż-żamma tal-ordni u kontroll tal-fruntieri tiegħu.  Trid issir distinzjoni bejn min jiġi b’mod regolari u min le.  Bħalma għandha ssir distinzjoni fost dawk li jaslu irregolarment, bejn dawk li ħaqqhom l-istatus ta’ protezzjoni u dawk li ma ħaqqhomx.  Mhux kull min japplika għall-ażil huwa intitolat għal protezzjoni ta’ refuġjat, jew umanitarja.  Kważi 98% ta’ dawk li jiġu f’pajjiżna jippreżentaw talba lill-Kummissarju tar-Refuġjati, imma ovvjament, mhux ta’ kulħadd tiġi milqugħa.  Però, żgur mhux forsi, persuni vulnerabbli u tfal, ma jidħlux fiċ-ċentri mill-ewwel.

2.    F’dawn l-erba’ snin, is-sitwazzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni inbidlet ta’ taħt fuq.  Il-kundizzjonijiet li kellna inizjalment, illum m’għadhomx jeżistu.  Mill-2006 sal-2009 kellna xmara qawwija ta’ persuni li ġew.  Ma kienx possibbli li jkollna kollox f’postu jew ferm aħjar kif għandna llum, sforz il-volum kbir ta’ bnedmin li ġew.  Ħadd ma jista’, b’xi mod, imeri li s-sitwazzjoni nbidlet drastikament.  Il-postijiet huma ferm u ferm aħjar u s-servizzi tjiebu sew.  Niftakar ċar għax, għall-kuntrarju ta’ persuni oħrajn fil-politika jew fil-ħajja pubblika, dħalt fihom diversi drabi.  Dħalt, u miegħi ħadt mingħajr ebda mistħija diversi Ministri, Kummissarji Ewropej u uffiċjali għolja sabiex jaraw, imissu b’idejhom u jitkellmu ma’ dawn il-persuni li, fl-aħħar mill-aħħar, fi Brussell inkunu qed niddeċiedu fuqhom.  Deċiżjonijiet fuq bnedmin illi diversi la raw u lanqas qatt ma tkellmu magħhom, però li jien rajt u missejt.

3.    Iva, għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, missejt b’idejja u affrontajthom b’wiċċi minn quddiem u b’qalb miftuħa.  Kull darba li mort, spiċċajt nagħmel meeting pubbliku b’domandi u risposti ċari u diretti.  La bżajt mill-verità u wisq u wisq inqas li mmisshom u ngħannaqhom.  F’ebda mument ma dħakt bihom u tajthom x’jifhmu li f’dan il-pajjiż għandna territorju tant kbir li ser inħalluhom jiġru ‘l hemm u ‘l hawn, mingħajr konsiderazzjoni ta’ xejn.  Il-politika ta’ detenzjoni żammejtha, bħala Ministru, fl-interess tal-poplu u fl-interess tagħhom stess, jiġifieri ta’ dawn il-povri li jaslu f’pajjiżna bil-baħar b’diffikultajiet kbar.

4.    Fl-interess ta’ pajjiżna għax għandna nieħdu ħsieb nipproteġu lill-poplu.  Mhux kull min jiġi nistgħu nippresumu li għandu intenzjonijiet tajba.  Aħna wkoll parti mill-Ewropa u għandna dmirijiet ċari dwar kif għandna niggarantixxu s-sigurtà lil kulħadd.  It-tieni, mhux kull min jiġi jaf x’ser isib.  Anzi, diversi traffikanti kriminali jgħidulhom ħaġa u huma jsibu oħra.  Oħrajn, lanqas biss ikunu missew mal-istituzzjonijiet demokratiċi u normali, u trid tfehemhom li hawn jeżistu sptarijiet, skejjel, soċjetà, pulizija, qrati, liġi, ġustizzja, eċċ.  Hemm bżonn perjodu ta’ transizzjoni neċessarju biex dawn il-persuni jifhmu u jiġu mgħallma.  Ma nilludux ruħna li kull min jasal hawn, immedjatament kif imiss magħna, ser isir parti sħiħa mis-soċjetà tagħna u dik Ewropea.  Jibqgħu jġorru pajjiżhom u l-kultura tagħhom u jrid jgħaddi ftit taż-żmien mhux ħażin sabiex jinbidlu.

5.    Fl-interess tagħhom ukoll.  Ngħid dan għax skużawni, imma xbajt nara ipokresija f’pajjiżna u barra minn xtutna, ta’ dawk li jaħsbu li tkun korrett jekk sempliċement tħallihom jiġru waħedhom u jfendu għal rashom fl-individwaliżmu tipiku tal-liberaliżmu.  Meta żżomm persuni fid-detenzjoni, kif nagħmlu, nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom.   Ikel, saħħa, tagħlim u fejn jgħixu u jorqdu.  Nassiguraw dan anke meta joħorġu barra.  Bir-rispett kollu, ħadd fl-Ewropa ma jagħmel l-istess li nagħmlu aħna magħhom.  Jafu, fil-maġġoranza tagħhom, li aħna naqbżu għalihom ukoll sabiex fis-soċjetà jkunu protetti sew.  Is-servizzi kollha jingħataw mingħajr riservi jew diskriminazzjoni.

6.    Mhux biss, imma għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, bl-isforzi tagħna assigurajna li dawk li ħaqqhom protezzjoni, speċjalment familji, rajna li nagħtuhom futur f’pajjiżi oħra.  Marru madwar 1,500 ruħ fl-Ewropa u fl-Istati Uniti tal-Amerika u hemm bdew ħajja ġdida.  Dan ma waqax mis-sema, imma sar mertu ta’ ħidmet dan il-Gvern.  Ħidma li saret b’ħafna rwiefen kontrina u mingħajr ħafna appoġġ minn ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali.  Il-persuni li marru jafuh dan, bħal ma jafuh dawk li għad iridu jmorru.  Dawn huma passi li aħna għandna d-dritt li ninfurmaw lill-poplu bihom u dan għax huma passi tajbin u li huma għas-sewwa.  Passi li saru biċċa biċċa, b’riformi kontinwi żgħar u kbar kontra kull kurrent.

7.    Biss, id-detenzjoni sservi sabiex tassigura kemm jista’ jkun malajr li min ħaqqu jingħata protezzjoni jeħodha u min ma ħaqqux nibgħatuh lura lejn pajjiżu.  Tul dawn is-snin, assigurajna li l-proċess li bih issir din id-distinzjoni, jsir malajr.  Il-Kummissarju tar-Refuġjati għandu veloċità ikbar minn dik ta’ pajjiżi oħra.  Mertu tiegħu u tal-persuni li għandu jaħdmu miegħu, illum-il ġurnata għandna proċessar aqwa milli kellna u aqwa minn dak ta’ pajjiżi oħra.  Din il-ħidma hija għalija l-pern, il-ġebla tax-xewka tal-politika tad-detenzjoni.  Minnha tagħmel ġustizzja bejn dawk li għandhom jiġu protetti u dawk le li nibgħatu, kif aħna nagħmlu, lura.

8.    Tul dawn is-snin ħadna ħsieb inżommu din il-linja politika b’dinjità u attenzjoni.  Fl-opinjoni tiegħi, ikun żball jekk din tiżżarma għax iġġib kaos, twassal għal sfruttament ta’ dawn il-persuni, tkabbar l-inċentivi għall-abbuż fit-traffikar ta’ persuni għal skopijiet kriminali u flok inkunu qed ngħinu lil min huwa vulnerabbli, inkunu qed nissudaw lil min irid jirkeb fuqhom.  Nittama li kulħadd jifhem dan għax inkella nkwiet, razziżmu u ssudar ta’ persuni fuq il-lemin estrem ikollna.  Il-politika tad-detenzjoni, odjuża kemm hi odjuża, tibqa’ waħda neċessarja.

6.7.12

Ftit riflessjonijiet fuq il-bilingwiżmu

1.    Pajjiżna għadda minn diversi stadji.  Kien taħt il-Kavallieri ta’ San Ġwann, wara l-Franċiżi, wara l-Ingliżi sar indipendenti, repubblika u issa membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea.  Kull bidla f’min mexxa jew kif mexxa lil dan il-poplu mill-aspett politiku ġiebet effetti u konsegwenzi varji.  L-aspetti legali, kostituzzjonali u d-drittijiet ta’ poplu sovran li ġew imsawra qabel kellhom u għad għandhom impatt fuq is-soċjetà tagħna.  Ma hemmx dubju li aħjar li aħna indipendenti milli kolonja.  Daqshekk ieħor ma hemmx dubju li huwa wkoll aqwa li aħna repubblika u fl-Unjoni Ewropea.  Il-fatt li għandna d-dritt li niddeċiedu l-futur tagħna bħala poplu skont iċ-ċirkostanzi li jkollna quddiemna huwa, ovvjament, imprezzabbli.  Sar progress soċjali u ekonomiku li ftit stati oħra raw.

2.    F’dawn is-snin, il-pajjiż kiber u sar aqwa milli kien.  Kull ġurnata javvanza ‘l quddiem fl-aspetti shah  tiegħu.  Dan jidher manifest fil-fatt li, iddur fejn iddur, tara poplu li jrid u qiegħed jimxi ‘l quddiem, javvanza u jwettaq is-sewwa.  Il-bżonn li kull persuna timxi lejn direzzjonijiet aħjar welled sitwazzjonijiet fejn, daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra, f’territorju partikolari n-nies tiegħu jitkellmu b’żewġ lingwi.  Kull poplu kellu f’dan l-esperjenza distinta u partikolari tiegħu.  Minn dak li niżel għandna, jidher ċar li għal sekli sħaħ kellek il-poplu Malti jitkellem b’lingwa, mentri d-dominaturi tiegħu jitkellmu b’oħra.  Diversi fehmu li sabiex jgħixu, biex jikkomunikaw, kien hemm bżonn li jitgħallmu jitkellmu u jiktbu tajjeb b’żewġ lingwi, speċjalment il-professjonisti jew min ried jiġi impjegat fis-settur pubbliku.

3.    Biss, mhux kull poplu kellu l-istess esperjenza.  Lingwa hija mezz ta’ komunikazzjoni, però magħha ġġib ukoll kultura.  Iġġib magħha letteratura u viżjoni differenti ta’ stat u soċjetà.  L-istorja tagħna, bħal ta’ oħrajn speċjalment fil-Mediterran, hija mimlija proprju b’dan il-kunflitt mhux biss ta’ lingwa, iżda wkoll politiku, u l-iktar ta’ dak li naraw li jidentifikana: ta’ identità.  Diversi familji sabu ruħhom f’dawn is-sitwazzjonijiet.  Sabu lilhom infushom mhux biss mgħallma akkademikament, iżda wkoll jitkellmu bejniethom fil-ħajja ta’ kuljum tal-familja jew mal-ħbieb, b’żewġ lingwi.  Daqqa minħabba bżonn, daqqa għal skopijiet ta’ rabtiet u tlugħ minn klassi soċjali għal oħra.  Kienu x’kienu r-raġunijiet, din l-esperjenza seħħet.  Din l-attività umana ħalliet u għadha tħalli effetti fuqna lkoll.  Fil-passat mod, fil-preżent ieħor u fil-futur naraw.  Żgur mhux forsi, m’għandniex però nintrabtu b’mentalitjiet jew opinjonijiet passati għal dak li qed iseħħ illum.

4.    Tgħallimna għal żmien twil żewġ lingwi: Malti u Taljan, Malti u Ingliż.  Diversi jafu t-tlett lingwi wkoll, li huwa ferm u ferm iktar interessanti.  Pajjiżna żamm ankrata fil-poplu l-lingwa Maltija, però tbiddel f’kif iħares lejn il-ħajja proprju għax miż-żewġ lingwi l-oħra kien u għadu jingħata direzzjonijiet differenti.  Lingwa fil-gżira u lingwa għal skopijiet oħra. L-użu tal-Ingliż ġie llum ferm iktar utilizzat u prattikat minn qabel.  Il-mezzi ta’ komunikazzjoni permezz tal-cable television wasslu sabiex ma nkunux dejjem aġġornati fl-iżviluppi kulturali li l-Ewropa għaddejja minnhom.  Tajjeb jew ħażin, l-użu tat-Taljan kellu l-vantaġġ li jagħti dimensjoni kontinentali tal-ħajja li, forsi, aħna qegħdin nitilfu.  Konna aktar latini, Ewropej milli Taljani, u dan b’diversi traduzzjonijiet u diskussjonijiet li kienu jġibu aċċessibbli l-letteratura, il-filosofija, il-liġijiet Franċiżi, Ġermaniżi, Russi, Spanjoli li issa l-istrument għalihom huwa neċessarjament dejjem l-Ingliż.

5.    L-insularità Ingliża, tajjeb jew ħażin, tibni lilha nfisha fuq viżjoni li mhijiex kontinentali.  Mhumiex ħafna dawk li jiktbu u jikkomunikaw f’dak il-pajjiż, li jħarsu lejn dak li qiegħed joħroġ mill-kontinent, bħala tali.  Għalhekk għandek, żgur mhux forsi, numru ta’ persuni li b’faċilità għalihom iħossuhom iktar komdi jaqraw bl-Ingliż li qed jinqatgħu minn viżjoni differenti tal-ħajja u tal-influwenzi kulturali li għaddejjin u jillimitaw ruħhom.  Il-fatt li ftit ilu ġejna li kulħadd irid li, b’neċessità, ikollu l-cable television biex jirċievi tajjeb stazzjonijiet ta’ komunikazzjoni jista’ jkun li qegħda għalhekk tagħtina forom ta’ insularità doppja.  Id-dominanza għandha dan l-aspett mhux neċessarjament pożittiv, però din il-lingwa fiha l-vantaġġi utilitarji.  Iktar ser issib min lest li jinvesti hawn għax il-ħaddiem Malti jaf jitkellem bl-Ingliż milli b’lingwi oħra.  Bħal ma huwa iktar faċli li f’din li preżentement hija l-lingwa l-iktar komuni fid-dinja qabel id-dħul futur u forsi iktar imminenti milli qed naħsbu tal-lingwa Ċiniża.

6.    It-tirannija hija ta’ forom varji. Tista’ tkun manifesta, fl-apert, bi strumenti politiċi u attiva, però tista’ tiġi wkoll b’mekkaniżmi oħra forsi sempliċement passivi.  L-impożizzjoni tiġi bil-forza, biss tista’ tiġi wkoll għax effettivament ma hemmx għażliet oħra.  Anzi, għax ma hemmx impożizzjoni attiva taħseb li m’hemmx dominanza attwali.  Ir-realtà llum hija kompletament differenti minn dik li kellhom missirijietna.  Qabel kien hemm skambju, dibattitu ta’ ideat ta’ kultura li llum qed nibża li m’għadx għandna.  X’tieni lingwa persuna trid tuża jew tidentifika ruħha magħha kellha wkoll l-effetti pożittivi tagħha.  Kien hemm forzi li jmexxu ‘l quddiem lejn l-għarbiel ta’ ideat li llum qiegħed nara wisq inqas minnhom.  Anzi, hemm aċċettazzjoni li ħsieb wieħed hemm.  Struttura waħda ta’ soċjetà hemm.  Il-bilingwiżmu kien dejjem vantaġġ għalina.  Biss, f’dan il-perjodu wisq nibża li, minflok, bqajna għaddejjin ‘il quddiem minflok qiegħed effettivament jagħlaq l-opportunitajiet.  Ma nafx, dawn huma biss ftit riflessjonijiet li lejn l-aħħar tas-sajf, nerġa’ forsi ndur.

5.7.12

‘Il bogħod mill-passjoni

1.    M’huwiex proprju mument faċli għall-Partit Nazzjonalista.  L-eventi fil-Parlament, b’żewġ mozzjonijiet inkredibbli, kif ukoll dawk li żviluppaw issa fl-Eżekuttiv tiegħu mhux normali li jseħħu imma kull min jaf ftit storja politika jaf li, f’xi ħin, jistgħu jseħħu.  Ħadd ma jista’ jkollu għaqda ta’ bnedmin u jippretendi li dawn iġibu ruħhom dejjem ta’ anġli, serafini u kerubini.  Il-politiċi mhux dejjem jaqblu, u meta jirreġistraw dan, mhux dejjem ikunu ċivilizzati u jagħlqu d-diskussjoni, id-djalogu ta’ bejniethom b’dak li l-Ingliżi jgħidu: “We agree to disagree”.  Ma marrux lura d-dar kuntenti, jaqbżu bil-ferħ kemm ma qablux, imma baqgħu jitgħannqu, anzi kif rajna, spiċċaw jgħidu u fuq kollox iwettqu azzjonijiet li m’għandhomx.  Jaġixxu l-kontra ta’ dak li l-poplu t-tajjeb jippretendi minnhom.

2.    M’hemm ebda ħarba minn din ir-realtà li, daqqa jew oħra, isseħħ.  Il-konsegwenzi, l-istorja tqishom sewwasew fl-effetti negattivi li tali ġlied, tali nuqqas ta’ qbil, iwassal għalih.  Imma hemm qiegħed.  Il-fatti huma hemm għal kulħadd.  Dak li kien ilu jinġema’ f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat seħħ.  Id-diskors fieragħ, l-iżżunżinjar, l-għira u, sfortunatament ukoll, sentimenti iktar baxxi nġabru f’daqqa b’riżultat li ma jitwemmen minn ħadd fix-xenarju Ewropew.  Ma jmissux, u huwa żgur tebgħa kerha fuq l-istorja politika tal-Parlament.  Ma kellux ikun li l-partit fl-Oppożizzjoni, li jara li hemm membri parlamentari fi ħdan il-Gvern li jridu jwettqu azzjoni ħażina u mill-iktar żbaljata kontra ħaddieħor, flok jippreserva d-dinjità tiegħu u joqgħod lura, minflok jingħaqad magħhom proprju biex jassigura li din issir.

3.    Ma kellux ikun, imma sar.  M’huwiex sewwa, imma seħħ.  Żgur li huwa inġust, imma sar.  Kien hawn, u għad hawn agħa fil-pajjiż, fost il-poplu.  Nista’ nixhed fuq dan personalment bid-diversi li kitbuli, b’dawk li rajt u għadni nara.  Nisma’ u fl-istess ħin nirreġistra kemm għandna bnedmin ta’ rieda tajba li jridu politiċi jimxu fuq il-valuri t-tajba.  L-azzjonijiet ħżiena ma niżlu tajjeb xejn, anzi diversi minn kull rokna ħassew li t-tajjeb tilef u dak li m’huwiex tajjeb rebaħ.  Din hija r-realtà li l-politiċi li jridu l-ġid lil dan il-pajjiż illum huma ffaċċjati biha u m’għandhomx jaħirbu.  Ir-reazzjoni tagħhom għaliha tista’ tmur f’diversi direzzjonijiet.  Tista’ taqbad dik tal-passjoni, tkun reattiva kważi immedjatament u tinżel fil-kamp tal-battalja bis-sejf u x-xabla, taqta’ fejn jiġi u kif tħoss li għandha biex twieġeb għal insult daqshekkk kbir, marka indelibbli f’dak li huwa l-anti-politika demokratika.

4.    Ġiri f’din id-direzzjoni għandu l-konsegwenzi tiegħu.  Iwassal għal dak li m’għandux ikun.  M’għandniex bżonn ta’ iktar ġlied intern.  Għax nistgħu nirreġistraw quddiem l-elettorat bid-dinjità li ma naqblux ma’ min aġixxa b’dan il-mod, li jmur kontra kull prinċipju ta’ partit mingħajr ma joqogħdu nitqatlu jew naqtgħu ras xulxin.  Mhix kwistjoni li m’aħniex kapaċi nwettqu dan, wisq inqas li m’għandniex l-istonku.  Kull min qiegħed fil-poter, fil-maġġoranza, jaf proprju l-kontra.  Jaf li jrid jeżerċita l-forzi tas-sewwa fuq nnifsu (kważi litteralment jorbot lilu nnifsu) bix ma jweġibx b’azzjoni żbaljata għal dik il-ħażina li rċieva.  Il-kalma, fl-opinjoni tiegħi, għandha tkun il-gwida tagħna.

5.    Ir-raġuni qatt ma riedet forza.  Anzi, meta jkun hemm il-forza, il-vuċi tar-raġuni tispiċċa tindifen u ma tiġix mismugħa.  Għandna żgur, mhux forsi, nkomplu nirreġistraw x’ġara. Għandna ngħidu li ma naqblux u li kull min ġieb ruħu b’dan il-mod irid jifehm li ma kellux iwettaq dan.  Niftakru mill-ġdid kif ġieb ruħu l-partit bejn l-1981 u l-1987.  Inżommu quddiem għajnejna li, anke jekk il-passjonijiet tagħna jridu jaħkmuna b’mod ieħor li, meta nitilfu l-viżjoni, aħna nkunu qed nippremjaw lil min m’għandniex.  Il-Partit Laburista, li għandu fuqu r-responsabbiltà ta’ dan u daħħal fl-istorja tiegħu, għal darb’oħra, aġir żbaljat minn dak li kien wettaq b’tant abbiltà fil-passsat, jiġi ppremjat.  Jiġi mogħti vantaġġ politiku f’dawn iċ-ċirkostanzi illoġiċi u viċin il-ġenn assolut.  Għax partit li m’huwiex kapaċi jamministra bil-kalma din is-sitwazzjoni ma jingħatax kredtu mill-elettorat.  U jekk niġru, hekk jiġri.  Din hija r-realtà, ngħidu x’ngħidu.

6.    Is-sitwazzjoni hija iebsa, hija kiefra, ma hemmx dubju.  Hija mill-iktar umiljanti u tweġġgħek ma’ kull jum f’din l-aħħar fażi tal-leġislatura.  Għax dawn il-feriti politiċi ma jingħalqux, imma jibqgħu kontinwament miftuħa.  Għax fejn qatt kienet li, proprju l-Partit Nazzjonalista kellu jara fi ħdanu membri parlamentari jġibu ruħhom kif ġiebu?  Huwa żgur aġir tad-daqqiet ta’ ħarta, imma hemm qiegħed, u niżbaljaw jekk naġixxu fuq l-istess livell.  Irridu nżommu l-kalma u nifhmu li t-tkomplija tal-leġislatura tippermetti li programm il-Gvern jitwettaq.  Il-prinċipji demokratiċi nsara, anzi, jkomplu jiggwidawna f’din il-parti tal-istorja tagħna.  Irridu namministrawha tajjeb.  Irridu noqogħdu ‘l bogħod mill-passjonijiet sabiex fil-paċi niddeċiedu aħna l-affarijiet.  Jekk għandna mmorru għal elezzjoni ġenerali, immorru meta niddeċiedu aħna u mhux meta ħaddieħor jimponiha fuqna.  Naħirbu l-passjoni tal-korla inutli u nżommu l-paċi interna tagħna għas-sewwa.

4.7.12

4 ta’ Lulju

1.    Ftit jiem ilu, għal darb’oħra marru għoxrin ruħ mill-immigranti irregolari li ġew f’pajjiżna lejn l-Istati Uniti tal-Amerika.  Dawn il-bnedmin bħalna, f’dak il-pajjiż ser jibdew ħajja kompletament differenti.  Diġà f’dawn il-gżejjer kienu qed igawdu mill-ospitalità, il-libertà u d-drittijiet fundamentali li nħaddnu.  Kollha kemm huma kienu ġejjin minn stati li fihom ma jistgħux jgħixu aktar.  Is-Somalja hija l-eżempju klassiku u mill-iktar ikrah fil-ħajja tal-istorja tad-dinja.  M’hemmx ħlief inkwiet, qtil u gwerra ċivili li m’hemmx li tieqaf.  Għal dawn il-bnedmin pajjiżna serva sabiex jipprovdilhom assistenza mill-ewwel, hawn u issa, biex ikunu f’pożizzjoni li jibdew paġna ġdida f’pajjiż kompletament ġdid għalihom.

2.    Ser jaslu fil-ħin sabiex jiċċelebraw jum importanti fl-istorja, mhux biss ta’ dak il-pajjiż, imma fir-realtà tad-dinja kollha.  L-4 ta’ Lulju 1776 huwa l-jum li fih il-Kungress ta’ dawk li kienu jiffurmaw l-Amerika ddikjara l-indipendenza tiegħu mir-Renju Unit.  Minn dak il-jum, mitejn u sitta u tletin sena ilu, bdiet paġna ġdida għall-umanità.  Il-persuni miġbura sabiex imexxu ‘l quddiem it-tlettax-il stat indipendenti kienu magħmula minn politiċi, mexxejja li kienu ffurmati tajjeb.  Meta taqra dak li ddeskrivew u kif waslu għall-istruttura tal-ewwel stat demokratiku modern tifhem iktar li l-letteratura, il-filosofija, il-liġi minn għeruq il-Greċja u Ruma kienu fihom.

3.    Dak li sar minn dawk il-bnedmin kuraġġużi kien barra mis-soltu u kien, f’dawk iż-żminijiet, mingħajr ħitan tal-irdoss.  Id-demokrazija tal-bniedem ‘il bogħod mill-monarkija twieldet, u minn hemm baqgħet dawl, linja ta’ ispirazzjoni għall-popli kollha tad-dinja.  Kienu l-persuni li ġew minn stati oħra.  Kienu immigranti li riedu jibnu dinja ġdida b’valuri nsara fihom.  Id-dinjità tal-bniedem, l-importanza tad-drittijiet fundamentali miktuba u nfurzati b’qorti suprema għamlu pedamenti li huma biss kienu kapaċi jibnu.  L-għarfien li kienu ġejjin mid-diversi rkejjen tal-Ewropa baqa’ magħhom sal-lum.

4.    Diversi kienu dawk li kienu ppersegwitati f’pajjiżhom.  Il-maġġoranza minħabba l-fatt li kienu protestanti mhux tollerati jew minn protestanti oħra jew minn mexxejja varji fl-Ewropa.  U proprju dan il-pedament intern u għal dan il-pajjiż kbir u ġeneruż ma ġiex inwarrab.  Baqa’ pajjiż li jrid jagħti futur fir-rispett tal-valuri li lkoll, bħala demokratiċi, għandna nħaddnu u nħaddmu.  Id-dittaturi tad-dinja, sfortunatament, għadhom jeżistu.  Mhux biss, imma għad hawn politiċi li jaħsbu li l-politiku għandu jkun fil-faċċata demokratiku imma fl-intern despotiku u bla qalb.  Fortunatament, is-sistema li nbniet snin ilu hija garanzija kontra dawn l-eżempji ħżiena.

5.    Il-metodi tal-partiti tal-lemin estrem isarrfu iktar ruħhom ħażin fis-suġġett tal-immigrazzjoni.  Id-demokrazija timponi, minnha nfisha, l-ugwaljanza ta’ kull bniedem quddiem il-liġi u l-istat.  M’hemm ħadd li huwa inferjuri, anzi tħares li tipproteġi lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli.  F’dawn is-snin, pajjiżna segwa dawn l-eżempji tajba.  Proprju għalhekk li bnejna ħdima importanti li qegħda tippermetti numru ta’ persuni li waslu f’pajjiżna li jiġu mogħtija l-opportunità ta’ ħajja ġdida fl-Istati Uniti.  Diġà qbiżna l-1,000 ruħ li ftit ftit, kważi kull xahar, qed jiġu rilokati u integrati fi bliet Amerikani.

6.    Ċifri maħruġa reċentement minn dan il-pajjiż ħabib tagħna juru li f’kull sena hemm madwar 55,000 ruħ li jiġu integrati mill-pajjiżi varji tad-dinja.  Programm li juri serjetà kbira u determinazzjoni għas-sewwa.  Il-kollaborazzjoni ma’ dan il-poplu Amerikan ilu ġej mis-sekli u, salv għal ftit snin, kien dejjem b’saħħtu ħafna.  Rajt numru ta’ ftehim iffirmati u li ppermettew iktar faċilitajiet u vantaġġi għalina.  F’dan il-jum tal-Indipendenza Amerikana għandna kull raġuni biex ningħaqdu magħhom f’din iċ-ċelebrazzjoni.  Id-demokraziji flimkien jassiguraw dejjem iktar ġid u żvilupp.  Għalhekk qegħdin fit-triq it-tajba meta nasserixxu dejjem iktar li mingħajr id-dittaturi u l-ideat tagħhom id-dinja tara iktar paċi u ġustizzja jirrenjaw fiha.

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...