1. Hemm diversi mumenti meta wieħed għandu jgħid “le”. L-iktar meta l-kwistjoni tkun dik ta’ prinċipju etiku fundamentali. F’dawk il-punti hemm dak li jibdel lill-bniedem u jidentifikah fl-irġulija tiegħu. Mhux faċli fis-soċjetà tagħna, dik preċedenti jew futura, li jkun hemm bnedmin simili. Ix-xewqa tas-soċjetà tkun dejjem, f’kull żmien, li jkollha iktar persuni minn dawn u iktar minn dawk li b’xi mod jew ieħor jirrappreżentawhom. Hemm kwistjoni ta’ formazzjoni u ta’ kultura politika. Dik li titwieled mis-sens li hemm valuri umani uniċi li ma jistgħux jinkisru, inkella tkun qiegħed trendi lill-bniedem għal oġġett materjali. F’pajjiżna hemm min qiegħed jifhem dan kollu, imma x’futur hemm, ħadd ma jaf.
Parti mis-soċjetà
2. F’dan, tul din il-ġimgħa, parti mill-pajjiż waqaf jipprova jifhem x’ġara fil-Parlament Ewropew fil-vot dwar l-abort. Diversi raw f’dan xi forma ta’ dispożizzjoni legali li ġġiegħel lill-pajjiżna jdaħħal fis-sistema tiegħu l-abort. Dan mhuwiex il-każ. Però, xorta waħda din trid tiġi diskussa, imma tajjeb li wieħed jifhem li din hija riżoluzzjoni. Mhijiex liġi. M’hemmx impożizzjoni u mhux ser tkun faċli biex tipprova ġġibha fis-seħħ, anki fil-pajjiżi li fihom l-abort huwa diġà permess. Hemm rakkomandazzjoni u ċaqliq f’direzzjoni ta’ opinjoni li aħna ma naqblux magħha. Waħda li trid tiġi konfrontata fil-libertà li tagħtina soċjetà demokratika. F’dan għandna nagħrfu l-pożizzjoni u b’hekk nimxu.
Mhux propizju
3. Ċertament dan mhuwiex proprju l-aħjar mument li fih ġiet għalina, aħna li aħna Nsara. Iktar f’dan waqt li qed niċċelebraw il-ħajja. L-ewwel tal-konċepiment u t-twelid ta’ San Ġwanni l-Battista u t-tieni dak li għadna kif iċċelebrajna: it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Ħadd ma jista’ jmeri l-fatti li dawn il-bnedmin twieldu u għexu fuq din l-art. L-istorja tgħallem kontinwament dak li ħaddieħor jista’ jiċħad. F’dan però fuq naħa hemm insensittività li wieħed jista’ jiddikjara jew jargumenta, u fuq l-oħra hemm l-għarfien li ninsabu f’minoranza f’dan is-suġġett. Mhuwiex il-punt li ġie argumentat li m’aħniex fil-linja jew qegħdin xi pass lura. Għandna pożizzjoni differenti mill-oħrajn, li m’għandniex nibqgħu lura milli jkollna. It-tieni, u aktar minn hekk, din hija kwistjoni ta’ dinjità umana.
Deċiżjonijiet serji
4. Dak li sar fil-Parlament Ewropew xorta fih il-piż tiegħu, imma f’dan wieħed irid ifakkar li għad hemm it-triq tad-diskussjoni u tal-persważjoni. Dawk li huma Nsara u dawk il-bnedmin l-oħra li huma kontra l-abort iridu jifhmu li hemm quddiemhom ħidma sabiex: l-ewwel, tiġi affermata l-opinjoni fir-raġuni; u t-tieni, li tiġi miktuba u mxerrda fil-mezzi tax-xandir varji. Jekk wieħed irid ibiddel, irid ixammar il-kmiem. Jekk wieħed irid li jibda l-proċess li fih wieħed iżomm lura l-linja li qed tinbena, dik li t-terminazzjoni tal-ħajja hija “normali” u parti minn “dritt”, irid jieħu sehem. Hemm żewġ livelli. It-tnejn attivi u parteċipattivi. L-ewwel l-użu tal-argumenti; u t-tieni dak fil-kamp politiku. It-tnejn jitolbu pożizzjoni f’dik li, dejjem jekk irridu, hija bidla fit-triq it-twila.
Ma jaqgħux mis-siġar
5. Il-kwistjoni tal-abort hija f’dan linja ta’ prinċipju li trid bnedmin iffurmati sabiex ifehmu għala aħna kontra u li huma ppreparati li ma jitkaxkrux mal-kurrent meta jiġi l-mument tal-prova. Hemm piż fl-użu tal-vot u fl-għażla tar-rappreżentanti politiċi tagħna. Jista’ jkun li fl-elezzjoni ġenerali ħadd ma huwa ser iqajjem il-punt, għaliex mhuwiex wieħed ‘ikkunsidrat’ bħala ta’ kampanja elettorali. Imma fil-fatt il-valuri, l-ideat u l-formazzjoni huma essenzjali. Wieħed irid jifhem dejjem iktar li l-kurrent tal-hekk imsejjaħ “liberaliżmu” huwa bħalissa lura b’saħħtu. Faċli li anki dawk li jitressqulna jċedu fuq xi idea ta’ triq ta’ progress jew f’dak li “kulħadd” qiegħed jagħmel. Dak li aħna u dak li rridu nkunu jitolbu għarfien u pożizzjoni ċara. Bnedmin bħal dawn, ċertament, ma jaqgħux mis-siġar.
Vuċijiet
6. Meta tikkunsidra l-irwiefen politiċi li hemm fil-preżent u dak li seħħ f’pajjiżi Ewropej oħra għandna napprezzaw li kien hemm mitejn deputat li vvutaw kontra u tmenin astjenew. Dan iktar quddiem ir-realtà politika attwali fejn mhuwiex proprju popolari ħafna li tkun kontra l-abort. Ħadd li jaf sewwa l-politika Ewropea f’dak il-Parlament ma seta’ jistenna vot differenti minn dak li kien hemm. Anzi, meta wieħed jara l-maġġoranzi fil-pajjiżi varji, wieħed seta’ jifhem li kien ser ikun hemm vot iktar qawwi favur. Dan aktar u aktar meta din hija “sempliċi” rakkomandazzjoni, u mhux iktar. F’dan proprju għalhekk wieħed jagħraf politikament li ma kienx hemm min ħass li ser ikun hemm vot l-istess kieku l-proposta ma kenitx rakkomandazzjoni. Punti ta’ realtà politika li titlob aktar riflessjoni fuq il-ħajja tal-bnedmin. Il-politika ssir mill-bnedmin, u l-liġijiet daqstant ieħor.
Fil-futur
7. Il-futur ħadd ma rah, ċertament, imma f’dan hemm iktar punti li għandna nitilqu minnhom. Dawk li l-ewwel ma jaqtgħulniex qalbna; u t-tieni, li jistgħu jqawwuha. Li aħna differenti ma fiha xejn ħażin. Anzi, hija parti mis-sabiħ tagħna u tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li nħarsu lejn dak li seħħ tul din is-sena għandna nkunu ippreparati għal dak li ġej fit-tnax-il xahar tas-sena 2026. Ħafna jiddependi fuqna u fuq dak li aħna ippreparati nġorru. F’dan għandna nimxu ’l quddiem b’fiduċja. Nagħrfu l-prinċipji tagħna u ċertament li ngħidu ‘le’ għal min irid jimponi dawk kuntrarji.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
4.1.26
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
NISTENNEW IX-XEMX TIELGĦA?
1. Sena ġdida ġġib magħha ħafna tamiet lejn dak li ġej. Dawk marbuta ma’ ħajja aħjar u soċjetà daqshekk ieħor. Dawk personali fit-taql...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment