4.1.26

L-ORIĠINAL, MHUX IL-KOPJA

1. Ftit jiem ilu ktibt dwar id-differenza bejn il-kotba. Dik li toħroġ mill-kwantità jew le ta’ kotba li wieħed ikollu. Daqqa nsejħu wieħed qasir, ktejjeb. Ikunx oħxon jew le, xorta jibqa’ ktieb. Jista’ jkun li inqas ma jkollu paġni iktar tfittex li taqrah, u jista’ jkun li meta jkun il-kontra jaqtagħlek qalbek x’ħin taħseb kemm trid ħin biex tasal sal-aħħar paġna tiegħu. Imma l-verità hija dejjem li kollox jiddependi fuq kemm dawn il-kotba jkunu miktuba tajjeb. Il-pinna, ċertament, imma wkoll dawk li jkunu ispirati u fdati b’missjoni u viżjoni ta’ dak li jirrappreżentaw fis-sustanza tagħhom. Nammetti f’dan li diversi drabi l-prijorità għalija tkun dik li mmur lejn dawk li huma moderati fil-paġni tagħhom, imma hemm diversi eċċezzjonijiet li jimmarkaw kitbieti. Dawk li nkun qiegħed inħares lejhom bit-tama li jgħaddu minn taħt idejja. Uħud iħabbtuni, ikunu tajba, imma jafu jitilfuli l-interess fid-dettalji tagħhom. Oħrajn, kif naqbadhom, ma niqafx.

Assisi

2. Il-Belt ta’ Assisi hija waħda li ċertament fiha s-sabiħ tagħha. Il-mod li bih ġiet imfassla. Il-bini li għandha u li żied mas-sekli minn żmien ir-Rumani huwa speċjali diġà. L-arja li hemm, u li hija maqtugħa għal rasha fuq għolja, iktar jiddistingwuha. Imma ma kienx ikollha daqshekk pellegrini li jżuruha kieku ma kellhiex iben partikolari. Il-post fejn il-ġjografija tintilef fl-ispiritwalità storika u preżenti. Dik rikorrenti, fejn it-tiġdid huwa kontinwu fi proċess li ma jiqafx jiġbed u jsaħħaħ. Wieħed minn dawk il-postijiet fid-dinja li jibqa’ sal-lum speċjali, uniku u kalamita umana kbira. Dan il-post huwa importanti proprju għax fih u minnu ħareġ dak li kellu jibqa’ magħruf bħala San Franġisk. Dak li ismu, fi twelidu fis-sena 1181, kien Giovanni di Pietro di Bernardone, u nbidel fit-triq li għażel li jaqbad. Mexa bir-reqqa u b’imħabba wara kliem l-Evanġelju fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu, li ftit jiem oħra niċċelebraw il-Festa tat-Twelid tiegħU.

Sena importanti

3. Din is-sena li deħlin għaliha hija mimlija b’valur partikolari. Fiha niċċelebraw it-tmien mitt sena mill-mewt ta’ dan il-qaddis kbir, li seħħet nhar it-3 ta’ Ottubru 1226. Dik il-ġurnata partikolari li nagħrfu l-importanza tagħha, ġewwa l-Italja qed jagħtuha ħafna attenzjoni. Rikorrenza sabiħa u li minnha diversi jistgħu jisiltu lezzjonijiet u punti ta’ riflessjoni. Punti li minnhom tista’, jekk trid, taqbad direzzjonijiet sodi fil-ħajja. Dawk li kull bniedem għandu bżonn sabiex jifhem aktar dak li hu għaddej minnu u d-dinja ta’ madwaru. Għal min isegwi jaf li l-ġurnata tal-4 ta’ Ottubru, fl-Italja diġà ġiet dikjarata bħala festa nazzjonali, u ser terġa’ tibda tiġi ċelebrata hekk mis-sena 2026. Tul dawn ix-xhur ser ikun hemm diversi appuntamenti, wirjiet, diskussjonijiet u ċelebrazzjonijiet. F’ħafna qed noħorġu mis-Sena tat-Tama u ser nidħlu f’dik Franġiskana.

Kotba

4. F’dan ġew stampati diversi kotba sabiex jaħbtu ma’ dawn il-jiem li ġejjin, forsi b’taħlit ta’ opportuniżmu u venerazzjoni. Madanakollu xorta huma miktuba tajjeb u jesponu għall-pubbliku aspetti tal-ħajja tal-qaddis li jimmeritaw li jinxtaw u jinqraw. B’mod partikolari dak ta’ Aldo Cazzullo (1966) bl-isem Francesco. Il Primo Italiano, u dak ta’ Alessandro Barbero (1959) bit-titlu San Francesco. It-tnejn awturi li kitbu sew u huma magħrufa sija għall-pinna, kif ukoll għar-riċerka u s-serjetà ta’ kitbiethom. Kotba, li minn dak li qiegħed insegwi, qegħdin jinbiegħu sew. Kotba li fil-fatt isegwu tema li diversi awturi oħra kitbu qabel dwarha. Fil-librerija hemm tnejn partikolari ta’ Herman Hesse (1877-1962), Francesco d’Assisi, li huwa sorpriża mill-isbaħ fil-kitba u r-riflessjonijiet, u ma’ dan hemm dak ta’ Chiara Furgoni (1940-2022), akkademika u esperta fis-suġġett, bit-titlu Vita di un uomo: Francesco d’Assisi.

Fejn mort

5. Fix-xewqa li nkun naf, u fl-istess ħin inġedded il-memorja, ġie f’idi l-ktieb ta’ Ignacio Larranaga (1928-2013), Brother Francis of Assisi (1989), wieħed li kont qiegħed naqta’ qalbi minnu għax fih erbgħa mija u ħamsin paġna ta’ qari. Imma dan il-Kapuċċin Spanjol, li għex u ħadem pastoralment f’numru ta’ pajjiżi fl-Amerika Latina, kien bniedem li kien jinsisti fuq l-importanza tat-talb: “A profound prayer is the solution to all life’s problems. They are paths to serenity and peace which are the supreme goods of life.” (Talba mill-qalb hija s-soluzzjoni tal-problemi kollha tal-ħajja. Huma t-toroq lejn is-serenità u l-paċi, li huma l-ogħla ġid tal-ħajja.) Bniedem li fil-fatt skoprejt l-abbiltà kbira tiegħu proprju f’kif jittrasmetti ideat u kunċetti li ma sibthomx f’awturi oħrajn.

Miktub tajjeb ħafna

6. Għalkemm, kif għidt, kelli naffronta volum ta’ paġni, nammetti li ma ddejjaqt xejn. Dan il-ktieb huwa miktub tant tajjeb li ssib lilek innifsek li trid tkompli taqra għax ebda paġna ma hija wieqfa. Kull waħda tieħdok għal ta’ warajha qisek qed taqra wieħed minn dawk il-kotba fejn irid jiġi solvut delitt. Toħloqlok għatx għal dak li qiegħed taqra u fl-istess ħin tmexxik ’il quddiem. Ma hemmx fatti biss, forsi ‘aridi’, imma proċess ta’ għarbiel intelliġenti sabiex fil-mudelli varji li tressqulna wieħed isib dak li huwa l-“veru”. L-awtur tant ħabb lil San Franġisk u lil Santa Klara li fil-ktieb issib spjegazzjoni tal-karattru u tar-raġunijiet mill-iktar sodi għala l-qaddis aġixxa kif għamel. Fil-ktieb hemm riċerka kbira imma mhijiex dik li tħarbtek bin-notamenti li kull paġna jkollha. Fir-realtà huwa ktieb mill-isbaħ.

Tgħallimt

7. Matulu tgħallimt mill-ġdid, imma ferm aktar dwaru, bi preparazzjoni għas-sena li ġejja. Hemm dettalji li kotba oħra m’għandhomx, iżda li f’dan il-ktieb huma naturalment imressqa. M’hemmx paġna li fiha tgħid: hawn aħna, jew: din hi. Kull kelma hija parti minn proċess li fih tifhem aktar dak li kien u dak li għadu dan il-qaddis kbir. L-iktar għax il-ktieb, kif diġà missejt magħha, jirrappreżentah kif verament kien u kif għandu jkun għalina. Kif jiġri dejjem f’dawn l-anniversarji, ser insibu kopji tal-oriġinal mas-saqajn. Ser ikollna lura diversi films fejn partijiet jinqatgħu u jitressaq il-kontra jew b’differenza. L-awtur jgħidilna hekk: “Nothing in the life of a man is improvised. A human being is always the son of an era and an environment.” (Xejn fil-ħajja tal-bniedem ma jseħħ mingħajr pjan. Kull persuna huwa dejjem iben iż-żminijiet u l-ambjent li fih għex.) U jkompli jgħidilna f’dan li huwa qed jikteb: “If we want to decipher the mystery of Saint Francis of Assisi, at least a few pieces.” (Jekk irridu nifhmu mill-misteru ta’ San Franġisk t’Assisi, almenu partijiet minnu.)

Mimli

8. Il-ktieb huwa fil-fatt dan. Ma hemm xejn li mhuwiex minnu u li ma jfihemx min kien, u kemm fil-fatt kien iktar qaddis, dan il-bniedem milli jiġi mressaq quddiemna. Kemm abbanduna kollox fis-sejħa vera u totali lejn l-imitazzjoni sħiħa ta’ Sidna Ġesù Kristu. Passi ċari fejn dak kollu li b’xi mod sirna nafu jiġi spjegat u mressaq fil-kuntest veru. Huwa storiku mingħajr ma huwa hekk. Huwa spiritwali fl-ispjegazzjoni diretta li fih. Huwa fil-fatt il-ktieb li wieħed għandu jaqra u ma jaqtax qalbu minnu sabiex ikun jaf il-veru San Franġisk. Sabiex jimxi miegħu biex jikber u jkun strument għas-sewwa u għall-oħrajn. Tmien mitt sena għaddew, imma l-messaġġ tiegħu għadu rilevanti u għadu dak li jkompli jiġbed lil dawk li jridu jidħlu parti sabiex jimxu warajh. Iktar u iktar fid-dawl li jumejn oħra niċċelebraw il-Milied u niftakru li kien hu li ressqilna presepju ħaj u veru.

Għal dan, minn qalbi nawgura lilek Sur Editur, lill-ħaddiema tagħna u lilkom il-qarrejja, Milied Qaddis u l-kumplament tal-Festi t-Tajba.

No comments:

NISTENNEW IX-XEMX TIELGĦA?

1. Sena ġdida ġġib magħha ħafna tamiet lejn dak li ġej. Dawk marbuta ma’ ħajja aħjar u soċjetà daqshekk ieħor. Dawk personali fit-taql...