4.1.26

L-AĦĦAR APPUNTAMENT - U ĦSIBIJIET - TAS-SENA

1. Wasalna fl-aħħar ta’ din is-sena. Waħda mimlija b’impenn varju u politiku li fih rajt tibdiliet oħra. Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar nifhem li kull mhu mistenni minni huwa li nwettaq dmiri. Xejn iktar u xejn inqas, proprju għax dak biss jiddependi minni. F’dan l-artiklu nagħlaq sena oħra li matulha żammejt dan l-appuntament magħkom. Dak li kull nhar ta’ Tlieta, ikun xi jkun, u terġa’, kemm jista’ jkun, nikteb u ngħaddi ħsibijiet bil-miktub. Ċertament għalhekk kelli l-pjaċir li b’dan ta’ llum ikun hemm tnejn u ħamsin wieħed. Nammetti li mhuwiex faċli li żżomm il-pass u tipprova ssib argumenti u suġġetti għalihom. Terġa’, dan flimkien ma’ dak li jidher f’Il-Mument kull nhar ta’ Ħadd. Bejn wieħed u ieħor, mija u erba’ artikli matul is-sena.

Il-Qari

2. Ħafna, bħali, jistaqsu lilhom infushom għala, fil-fatt, jiktbu. It-tweġibiet tagħhom huma diversi. Uħud jaħsbu li nressqu kitbietna biex sempliċement jidher wiċċna fuq il-gazzetta, ġaladarba ma jidhirx fuq medja oħra. Imma fil-fatt nammetti li nikteb: l-ewwel, għax narah proċess demokratiku neċessarju għalija u għal dawk li jaqrawni; it-tieni, għax fil-fatt nieħu pjaċir naqsam l-ideat u nisma’ dak li tgħiduli dwarhom; it-tielet, għax nittama li nħajjar oħrajn jaqraw u jifhmu aktar dak li għaddej fid-dinja politika; ir-raba’, sabiex inkompli naqra biex inkun ċert li mhux qed nirrepeti l-istess argumenti imma nesebixxi u mmiss mal-ġdid; u l-ħames, l-iktar għax fid-diversi artikli jkolli s-sodisfazzjon li niktibhom u dan għalija fihom stess huwa diġà biżżejjed, jiġri x’jiġri, dejjem jekk jiġri wara.

Naqra biex nikteb u nikteb biex naqra

3. F’dan iktar biex inżomm ma’ dan il-pass infittex dejjem iktar ħin biex naqra. Il-qari biddilni, iffurmani u sawwarni f’dak li ninsab fih illum. Ngħid fil-preżent għax nemmen dejjem li aħna, jekk irridu nkunu strumenti politiċi veri, irridu nagħrfu li qegħdin fi proċess ta’ bidla kontinwa. Dik li tmexxik ’il quddiem biex tifhem iktar il-prinċipji tiegħek u l-kontenut, il-valur tal-proposti li ssostni. Proprju fil-qari hemm dik il-minjiera kompleta li fiha tmiss ma’ dak li għaddew minnu oħrajn u tifhem, l-ewwel, li mhux int qed tivvinta r-rota; u t-tieni, kemm ma tafx u kemm fil-fatt għandek bżonn li tkun taf. Dan iktar u iktar jekk trid twettaq dmirek bl-aħjar mod u b’lealtà lejn l-eletturi. F’dan infittex kull mument biex naqra u nassorbi ideat fuq suġġetti varji, ċertament mhux biss politika biex inservi kif huwa mistenni minni.

Bnedmin varji


4. F’dan il-proċess iltqajt ma’ diversi bnedmin li b’xi mod tkellimt magħhom u daqstant ieħor influwenzawni. Fittixt f’dan li nesprimi dak li jridu l-persuni fuq din il-gżira. Vuċi li timxi f’daqqa, mhux ma’ parti, imma mal-maġġor parti tagħhom. Kif f’dan twassal il-pożizzjoni politika tiegħek bil-mod li tinqara u tiġi assimilata, anke jekk mhux neċessarjament aċċettata. L-abbiltà tkun li tikkonvinċi u tipperswadi, u dan huwa iktar impenjattiv milli sempliċement espożittiv. Dawn il-gżejjer naħseb li għandhom bżonn iktar dan il-metodu sod ta’ kif isiru l-affarijiet. Ninnota li m’hemmx il-konvinzjoni li l-qari huwa neċessarju fis-soċjetà jew għall-ġid tal-persuna. Ħafna, sfortunatament, mhumiex ippreparati jqattgħu ħin jaqraw u anzi jimmaġinaw li bit-teknoloġija attwali huma eżenti milli jagħmlu dan.

Xi żball

5. Min irid ikun politiku u persuna fil-pubbliku tajjeb u ta’ ġid għall-oħrajn irid jaqra, u ħafna. Irid jifhem li anke jekk mhux neċessarjament għalih, huwa tajjeb għall-oħrajn. Ikun kapaċi jagħti gwida u almenu ma jkollux minn xhiex jistħi tant, salv ir-rimorsi personali tiegħu, li seta’ għamel aktar. M’għandix dubju li l-problema jew l-isfida politika llum hija proprju din. Il-ġenerazzjonijiet passati kienu lkoll, f’ħafna, repożitorji ta’ kulturi varji li tathom il-formazzjoni. Dawk li kliemhom juri, diskorshom jixhed li kellhom formazzjoni kontinwa. Għażlu li jkunu veri, mhux paraventi għall-apparenti. F’dan inkompli, sakemm nista’, inħajjar f’din it-triq.

Giovanni di San Gimignano (1260-1333)


6. F’dan ispirajt ruħi aktar li nikteb wara li ġie f’idejja ktejjeb li sibt taħt id-direzzjoni tal-istoriku Massimo Oldoni, dedikat lil din il-persuna ftit magħrufa. Oldoni huwa magħruf sew għal kitbietu imma dan il-ktieb bl-isem sħiħ ta’ Giovanni da San Gimignano. Un Enciclopedico dell’Anima (1993) ftit issibu. Fih imiss ma’ dan il-bniedem u jirriproduċi żewġ kitbiet: l-ewwel siltiet minn Il Liber de Exemplis et similtudinis rerum; u t-tieni, La Legenda Sante Fine. Żewġ biċċiet li juru kemm fil-fatt il-medjuevu ma kienx lura imma parti minn proċess ta’ ħsieb u ideat. L-ewwel wieħed huwa mill-iktar interessanti. Taqbil bejn il-bniedem u l-annimali. Jislet ħsibijiet u paraguni qawwija u li huma xiehda ta’ osservazzjoni umana partikolari. It-tieni jmiss ma’ qaddisa ftit magħrufa, imma kitbietu jistgħu jiġu wżati f’paragun mad-diversi nisa martri li niċċelebraw.

It-Tirann

7. Dan il-bniedem ma nvokax id-demokrazija għax ma kenitx daqshekk ikkunsidrata, però l-awtur juri sentimenti mill-iktar sbieħ. Il-ktieb huwa fit-test tradott għat-Taljan mill-oriġinal Latin, dik il-lingwa li hija ċavetta ta’ tant għerf li għandu x’jgħidilna. Jikteb hekk: “Così il tiranno che comanda è simile al camaleonte, del quale Aristotile dice che ha il viso di bestia a metà tra il porco e la scimmia, e che cambia colore quando soffia sulla pelle.” (Għalhekk it-tirann li jikkmanda jsir qisu kamaleonte, li kif jgħidilna Aristotli, għandu l-wiċċ ta’ bestja, nofsu ta’ ħanżir u nofsu ta’ xadina, li jibdel kuluru meta jonfoħ fuq ġildu.) U jkompli: “Allo stesso modo i tiranni assomigliano al porco, per la sozzura della propria esistenza, mentre la somiglianza con la scimmia è data dalla simulazione della giustizia.” (Bl-istess mod it-tiranni jixbħu lill-ħanżir, proprju fil-ħmieġ ta’ ħajjithom, mentri x-xebħ max-xadini juri li l-ġustizzja qed tiġi simulata.)

Juri wiċċu

8. Il-ktieb għandu iktar fih, b’taqbiliet iktar qawwija u iktar diretti. Bħal meta jikteb hekk: “Così il tiranno, al principio del suo regno, finge di essere giusto e ponderato nell’azione, e qui inizia con volto umano, ma nella coda, cioè alla fine dei conti scopre e mostra la sconcezza della sua malvagia tirannide e, quando gli viene soffiato all’orecchio qualcosa contro qualcuno, il suo colore cambia rapidamente e si infiamma.” (Hekk it-tirann, fil-bidu tar-renju tiegħu, jipprova jidher ġust u ħassieb f’azzjonitu, u jibda b’wiċċ uman, imma f’denbu, ċioè fl-aħħar mill-aħħar, juri l-ħmieġ u l-kruha tiegħu fil-ħdura tirannika u meta jfesfsulu xi ħaġa f’widnejn kontra oħrajn, kuluru malajr jinbidel u jsir fjamma nar.) Kemm rajna minn dan u għadna, speċjalment minn dawk li jużaw id-demokrazija b’ingann il-poplu biex jaħtfu l-poter u jużawh mhux demokratikament imma bil-kontra. Avviżi għaqlin għal dawk li jmissu ma’ politiċi varji.

Sozzura

9. L-awtur Oldoni juża, fit-tradizzjoni tiegħu, din il-kelma apposta biex jindika li l-familjarità mal-poter twassal għal vizzji umani. Dawk li jġibu lill-bniedem imiss mal-ħniżrijiet li l-korruzzjoni u l-varjetajiet ta’ mġieba moralment xejn korretta jġibu magħhom. Kelma qawwija, mimlija b’ħafna dożi ta’ sustanza akkużattiva, imma fl-istess ħin twissija għal dawk li jridu jservu u mhux jiġu servuti. Dawk li kull min irid iħares lejn futur tajjeb għal pajjiżu irid jimmira għalihom. Dawk li jridu, fl-għaqal u fl-esperjenza umana jwettqu dmirhom bl-aħjar mod possibbli. Proprju f’dan inħarsu ’l quddiem sabiex fis-sena li ġejja naħdmu biex dan il-proċess jissoda fid-demokrazija tagħha.

F’dan għalhekk, mill-qalb nawgura lilek, Sur Editur u lill-ħaddiema kollha tagħna, flimkien mal-qarrejja, is-Sena t-Tajba.

No comments:

NISTENNEW IX-XEMX TIELGĦA?

1. Sena ġdida ġġib magħha ħafna tamiet lejn dak li ġej. Dawk marbuta ma’ ħajja aħjar u soċjetà daqshekk ieħor. Dawk personali fit-taql...