29.1.26

L-UKRAJNA - GĦAJNUNA UMANITARJA

33485. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hija prevista l-għajnuna umanitarja ta’ pajjiżna lill-Ukrajna matul is-sena 2026 u x’tip ta’ għajnuna ser tkun?

 

07/01/2026

 

ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti, inkluż il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, se jkompli jipprovdi b’mod konsistenti kull tip ta’ għajnuna u appoġġ umanitarju lill-Ukrajna u lill-poplu Ukren, li għadu jsofri minn tbatija kbira kawża tal-invażjoni illegali mir-Russja.

 

Bħalissa, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu qed iwettaq xogħol preparatorju għall-2026, proċess li jinkludi konsultazzjoni ma’ sħab oħra, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet umanitarji, sabiex jiġu analizzati x’inhuma l-aktar bżonnijiet neċessarji u biex l-għajnuna mogħtija tindirizza bl-aħjar mod possibbli l-ħtiġijiet tal-poplu Ukren.

 

Tajjeb insemmu li s-sena l-oħra, Malta lestiet proġett importanti li wassal għar-rinnovar ta’ klinika tas-saħħa outpatient fil-villaġġ ta’ Mykulychi fir-reġjun ta’ Kyiv, li kien okkupat qabel. Din il-faċilità medika, li sservi lil aktar minn 2,500 persuna, kienet ġarrbet ħsarat serji fil-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa. Għajnuna oħra ġiet offruta meta Malta pprovdiet fornituri mediċi u tagħmir mediku, li qed jintużaw għal kura ta’ persuni feruti.

 

Nixtieq ukoll insemmi li, apparti dak li semmejt, fl-2025 Malta pprovdiet kważi miljun ewro f’dik li hija proviżjoni ta’ materjal mhux letali. Dan sar permezz ta’ strument umanitarju tal-Unjoni Ewropea. Fl-2026, Malta se tkompli tipprovdi din l-għajnuna, li mistennija tibqa’ fuq dawn il-parametri, għalkemm tista’ tiżdied ftit.

Inkun nista’ nagħti aktar dettalji f’fażi aktar ’il quddiem matul din is-sena, hekk kif il-ħidma u l-qafas ta’ implimentazzjoni jkunu definiti b’mod aktar ċar.

 

Seduta Numru 429

28/01/2026

No comments:

IŻ-ŻEJTUN - LIBRERIJA PUBBLIKA - KOTBA ĠODDA

33490. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw...