21.1.26

NAFU X'GĦANDNA, JEW LE?

1. Pajjiżna, dak li twelidna u li sa issa għexna fih, huwa mimli bi storja, kultura u wirt uniku. Għandna moħħna u l-ħeġġa li dawn nużawhom fis-servizz tal-oħrajn u tagħna. Aħna sinjuri f’għelieqi morali u storiċi li pajjiżi oħra ftit għandhom bħalhom. Iżda hemm mument wieħed li f’ħafna jeħodna lura fiż-żmien meta dawn il-gżejjer ġew f’idejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Kien minn dak il-mument li l-istorja tagħna saret differenti minn ta’ oħrajn. Ma bqajniex nimxu id f’id ma’ Sqallija imma bdejna triqitna fil-liġijiet, fid-deċiżjonijiet, fl-Istat u fl-għażliet kulturali partikolari tagħhom, li llum għandna nifhmu li huma tagħna. Kienu huma li bnew u mxew fuq dak kollu li l-perjodu storiku nidentifikawh bħala dak Barokk tagħna. Il-perjodu li Erin Serracino Inglott jiddeskrivi bħala dak “ta’ stil kapriċċużi; irregolari fit-tifsila, fil-għamla, speċjali, goff, esaġerat artistikament.”

Kienu huma


2. Kienu huma li qegħdu l-pedament tal-Istat modern tagħna llum, fil-ħsieb u fl-istruttura tal-Ordni. Ma kinux il-Franċiżi ta’ Napuljun Bonaparte (1769-1821), jew l-Ingliżi tal-ġeneruż Alexander Ball (1757-1809), imma dawn il-bnedmin ta’ ideat, ta’ kultura u attenzjoni li kellhom għal dak kollu li kien għaddej fid-dinja Ewropea ta’ madwarhom. Jista’ jkun li għal uħud huma simpatiċi u għal oħrajn le, imma l-fatti dawk jibqgħu. Marbutin, u f’dan mogħtija kredtu għal dak li aħna u dak li jinsab magħna. Ċertament jiddependi minna jekk dan il-punt niħdux ħsieb nikkultivawh u nġibuh lura għad-dawl, inkella nidfnuh. F’dan irid jingħad li jekk hemm min jaħseb li dak il-perjodu b’xi mod iħammrilna wiċċna, fil-verità dan mhu minnu xejn. Anzi nżid li l-preżenza tagħhom hawn, maż-żmien ġabithom jagħrfu l-wirt ta’ dak kollu li nġieb u li seħħ bil-miġja f’Malta ta’ missierna San Pawl.

Parir

3. Fuq dan partikolarment sibt kitbet il-Kardinal Gianfranco Ravasi (1942), li kiteb tajjeb hekk: “Purtroppo noi europei, che abbiamo una straordinaria eredità culturale, la stiamo seppellendo sotto il manto grigio della smemoratezza e del consumismo. Dovremmo ricordare che il patrimonio spirituale e culturale del passato è la sorgente per credere e agire nel presente e nel futuro.” (Sfortunatament, aħna l-Ewropej, li għandna wirt kulturali straordinarju, qed nidfnuh taħt il-gverta griża tal-konsumiżmu u tal-proċess uman li fih ninsew. Għandna niftakru li l-wirt spiritwali u kulturali tal-passat huwa l-fonti sabiex nemmnu, naħdmu u naġixxu fil-preżent u fil-futur.) Din id-dikjarazzjoni ma saritx fil-konfront jew fil-ħsieb partikolari tagħna. Imma fil-verità naħseb li tapplika għalina wkoll. Għandna, l-ewwel, naraw kemm dan qiegħed iseħħ f’dawn il-gżejjer; u t-tieni, kemm aħna preparati biex inkunu aħjar quddiem dak kollu li aħna u dak li writna.

Inqtajna

4. Wieħed irid jistaqsi: kemm inqtajna mill-għarfien tal-passat, u kemm għadna rridu mmorru lejh? L-istorja, il-kultura, l-għerf, l-identità huma importanti għalina. Għandna nistaqsu jekk fil-ġurnata tagħna, fil-ġimgħa, fix-xahar u fis-sena tagħna x’jirbaħ l-interess uman tagħna. Kemm bnedmin ifittxu li jinfurmaw ruħhom b’kotba, bi programmi, b’attività kulturali sabiex dak li kellna u dak li għadu tagħna ma nitilfuhx mill-memorja kollettiva? Anzi, kemm qed nikkumbattu sabiex inżommu din l-influwenza, din l-identità nazzjonali biex mhux biss tiġi rikonoxxuta, imma tibqa’ dik li minnha wieħed irid jitlaq biex ibaskat lilu nnifsu? Jassigura li huwa bniedem li qiegħed jgħix f’soċjetà li għandha sens u sustanza sħiħa u vera? Sfidi xejn faċli, imma li jistgħu jsiru u li bil-ħidma t-tajba jistgħu jintrebħu.

F’dan nirreġistraw

5. F’dan proprju nħoss li għandna nirreġistraw u nirrikonoxxu l-ħidma li ssir, sena wara oħra, u din partikolari fl-erbatax-il waħda tagħha. F’dak li huwa magħruf bħala l-Valletta Baroque Festival, li f’ħafna huwa identifikat ma’ Kenneth Zammit Tabona (1956), li ninsab ċert li għal diversi m’għandu ebda bżonn ta’ introduzzjoni. Bniedem li f’dan kellu l-viżjoni li, sena wara sena, jassigura tlett ġimgħat ta’ mużika li, fil-maġġor parti tagħha, hi dik li nidentifikaw mal-perjodu tal-Barokk. Fejn bnedmin li jfittxu l-kultura u l-mużika sabiħa jistgħu jmorru jisimgħuha. Ħafna drabi biċċiet li qatt ma ndaqqew qabel f’pajjiżna. B’ġabra ta’ bnedmin minn diversi rkejjen tad-dinja. Dik li tiġi sija minn dawk li jdoqqu, jesegwixxu u jkantaw, kif ukoll dawk li jiġu f’dawn il-gżejjer apposta biex ikunu magħna.

Ninnota

6. F’dawn l-ewwel jiem tas-sena, mertu ta’ dan pajjiżna jsir ċentru kulturali magħruf. Sija għal-livell verament għoli tal-eżekuzzjoni, kif ukoll fl-abbiltà tal-għażla intelliġenti tal-partijiet mill-varjetà kbira li għandna sabiex jiġu eżegwiti. Ninnota kull darba li kull appuntament ikun mimli bin-nies. Ħafna drabi persuni li jiġu apposta minn barra minn xtutna biex isegwu. Aħwa, ħutna, li għalkemm f’numri mhux daqshekk qawwija, imma hemm ikunu. Ftit assidwi li jsegwu b’attenzjoni u mħabba dak li jkun qiegħed isir. Uħud minnhom jgħixu għal dawn il-mumenti, fejn l-arja friska ta’ din il-mużika tagħti s-saħħa. Biss il-verità hija li għal dawn il-kunċerti jimmerita li jkun hemm iktar Maltin u Għawdxin li jattendu għalihom. U iktar minn hekk, dawk li jkunu ppreparati sabiex isiru jafuhom u japprezzawhom.

Għandna bżonn

7. Dejjem jekk m’aħniex ser niżbaljaw u nidfnu l-istorja sabiħa u unika tagħna, dan l-appuntament jimmerita ferm iktar attenzjoni da parti tagħna. Irridu nibnu l-konoxxenza ta’ din il-mużika li ma tantx tindaqq. Irridu wkoll nikkultivaw il-fatt li hemm persuni Maltin li għamlu isem f’dak iż-żmien. Dawk li jixirqilhom jinstemgħu u li jiġu rikonoxxuti. Nammetti li kull darba li b’xi mod ikolli x-xorti li nkun preżenti għal wieħed minn dawn l-appuntamenti, nibqa’ wieqaf naħseb. Fin-noti, fl-eżekuzzjoni nsibni sejjer lura fil-passat, u fl-istess ħin nirrikonoxxi kemm ħaqqna dinjità. Kemm hawn, il-bnedmin huma fil-vantaġġ li jġorru u huma parti minn proċess kulturali li beda flimkien mal-Kavallieri, u li għadu magħna sal-lum. Forsi f’qalbna n-nar ma tantx hu qawwi, imma ma waqafx inemnem.

No comments:

SANTA LUĊIJA - PERSUNI LI QED JIRĊIEVU GĦAJNUNA SOĊJALI

33466. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kie...